Issemmew tliet okkażjonijiet dan l-aħħar fejn Franza u l-Ġermanja dehru li qed jieħdu inizjattivi flimkien. Dan fakkar fiż-żmien meta l-aqwa miżuri tal-Unjoni Ewropea kienu jitilqu wara li ż-żewġ pajjiżi jkuu ftehmu bejniethom. Uħud diġà qed jistaqsu jekk ninsabux deħlin fi żmien fejn se terġa’ tkun segwita l-istess prattika.
Xi ħaġa li turi kif forsi hekk li qed jiġri hi li l-okkażjonijiet imsemmija seħħew f’oqsma differenti u importanti. Kien hemm il-ftehim li sar bejn Franza u l-Ġermanja biex meta jibda jopera l-fond Juncker ta’ investimenti strateġiċi, huma jippreżentaw proġetti b’investiment konġunt u qablu fuq liema għandhom ikunu f’qasir żmien. It-tieni okażżjoni li dwarha ftit hemm informazzjoni, tikkonċerna l-qbil li seħħ bejn Pariġi u Berlin biex quddiem it-talba tar-Renju Unit ħalli jirrinegozja is-sħubija tagħhom fl-Unjoni Ewropea, huma jħejju flimkien proposti għal tisħiħ taż-żona ewro, ħaġa li tkun teħtieġ bidla fit-trattati Ewropej.
U t-tielet okkażjoni ġrat meta il-kanċellier Merkel u l-President Hollande ħadu l-inizjattiva biex għal darba tnejn, isejħu laqgħat ristretti tal-kredituri tal-Greċja u tal-Prim Ministru Grieg ħalli tinstab soluzzjoni għall-problema tal-finanzjament tal-Greċja.
Minkejja dawn l-iżviluppi, diffiċli tgħid li alleanza bejn Franza u l-Ġermanja se jkollha l-istess piż bħal fl-imgħoddi. Bit-28 membru li llum għandha l-Unjoni Ewropea, it-tqassim ta’ forzi politiċi fi ħdan l-Unjoni hu ħafna aktar sparpaljat minn qatt qabel. Fost it-tmienja u għoxrin membru, tneħħi lir-Renju Unit, tliet pajjiżi kbar — l-Italja, Spanja u l-Polonja — ma tantx għadhom lesti li jħallu min jgħidilhom x’jagħmlu. Punt ieħor ukoll hu li m’hemmx l-istess piż reali bejn Franza u l-Ġermanja; tat-tieni malajr tista’ tiddomina lil tal-ewwel. Franza nnifisha meta l-affarijiet ma jkunux sejrin tajjeb għaliha — kif ma tantx kienu fl-aħħar tliet snin — ikollha bżonn l-appoġġ ta’ ħaddieħor meta tqis li l-Ġermanja tkun trid li akkost ta’ kollox tgħaddi tagħha.
Jidher li fiż-żmien li ġej, se jkunu qed isiru ħafna kalkoli ta’ dat-tip hekk kif l-Unjoni Ewropea tkompli ssostni l-isforzi tagħha biex tkebbes it-tkabbir ekonomiku u f’qafas dinji tmexxi politika li biha tkun tista’ tafferma l-identità u l-interessi tagħha.

***

L-AWSTERITÀ

Fl-Ewropa, id-dibattitu dwar l-awsterità – dwar il-ħtieġa li ċ-ċinturin jibqa’ jiġi ssikkat għadu ħaj anki jekk tilef mill-appoġġ. Dawk li qamu kontrih, bħas-soċjalisti u x-xellug hekk imsejjaħ estrem, ma jaqblux mat-tbatijiet li ġagħal lil daqstant nies iġarrbu mingħajr ma l-ekonomiji telqu għal xi titjib qawwi. Uħud fiċ-ċentru lemin, qed jiddubitaw li jekk l-awsterità se titkompla, it-titjib mistenni fl-ekonomiji se jasal fil-waqt.
Il-waqt hu l-kalendarju tal-eziġenzi elettorali. Għal raġunijiet differenti, fuq il-lemin u fuq ix-xellug, min qed imexxi hekk imsejħa riformi li jirriflettu l-awsterità b’xi mod jew ieħor, qed jaqla’ ċamati mhux zgħar. Il-gvern lemini ta’ Rajoy fi Spanja u x-xellugi ta’ Renzi fl-Italja kellhom rizultati mhux daqstant tajba fl-elezzjonijiet reġjonali li nzammu f’pajjizhom – rizultati li huma maħsuba li jirriflettu l-opinjoni tal-elettorat fuq bazi nazzjonali.
Parti kbira mill-kontroversji li jinzammu f’elezzjonijiet hekk huma lokali, u jappartjenu għal x’qed jiġru fin-naħa li tkun Dan veru, jiġri wkoll f’Malta, kif ma jistax jonqos. Imma toqgħod tħares mill-qrib lejn kif jiskattaw l-isfidi elettorali, minn pajjiz għal pajjiz, ma tistax ma tifhimx kif l-awsterità qed tiddetermina l-logħba politika.
Hi għafsa li qed iħossuha ċ-ċentrist xellugi Renzi u ċ-ċentrist lemini Rajoy.

***

IL-FOND TA’ JUNCKER

Bil-mod il-mod qed jintlaħaq ftehim bejn ir-rapprezentanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Kunsill Ewropew u tal-Bank Ewropew għall-Investimenti dwar id-dokument finali li se jirregola kif jitmexxa l-fond ta’ 315-il biljun ewro li l-Kummissjoni trid twaqqaf biex minnu tagħmel investimenti “strateġiċi”. Il-ħsieb hu li b’hekk, tiġi ġenerata attività ekonomika ġdida.
Ħafna mid-diskussjoni li saret fl-aħħar ġimgħat tqanqlet għax il-Parlament Ewropew, jew dawk li qed jitkellmu għalih, ried li jkun involut aktar fit-twaqqif u t-tmexxija tal-Fond. Kemm il-Kunsill u kemm il-Kummissjoni ftit riduha din il-ħaġa. Iqisu li mhux ir-rwol tal-Parlament li jindaħal fit-tmexxija tal-għodod li jintuzaw mill-Unjoni Ewropea. Iqisu li l-involviment tal-Parlament itaqqal l-andament tax-xogħol billi jiftħu beeraħ għall-kontroversji politiċi.
Min-naħa tal-Parlament l-argument hu li jekk jiġi nvolut, ikun hemm trasparenza u kontabilità politika ħafna akbar. Sa issa jidher li l-Kummissjoni u l-Kunsill ċedew mhux ħazin mill-pozizzjonii li telqu biha. Perezempju, issa l-ħatra tal-kap tal-Fond se tkun sottomessa għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.
Qabel l-aħħar ta’ Ġunju, id-dokument għandu jkun għadda mill-Parlament u fil-ġimagħtejn, tlieta ta’ wara mill-Kunsill Ewropew.

***

L-ISTORJA GRIEGA…

… issoktat għal ġimgħa oħra. Barra mil-laqgħa bejn Franza, il-Ġermanja u l-hekk imsejħa istituzzjonijiet li qed isellfu lill-Greċja, ta’ min isemmi dawn l-inċidenti: il-Prim Ministru Grieg Tsipras ta intervista lill-ġurnal Franċiz Le Monde fejn ikkritika bl-aħrax il-kondizzjonijiet li qed jagħmlulu ċerti istituzzjonijiet; dawn tal-aħħar flimkien mal-ministri tal-Finanzi taz-zona ewro bagħtu ittra bil-proposti tagħhom “finali” biex fuqhom isir ftehim; il-gvern Grieg għamel il-proposti “finali” tiegħu f’ittra li hu bagħat; l-ezekuttiv tal-partit tas-Siriza li jmexxi l-gvern, inqasam 60 fil-mija għal 40 kontra proposta li l-Greċja ma ċċedi xejn minn dak li s-Siriza wegħdu fil-programm elettorali tagħhom. Tul l-aħħar ġimgħat qamu tensjonijiet kbar fi ħdan il-partit.

Facebook Comments

Post a comment