Ħabib tiegħi barrani darba qalli: Intom il-Maltin tinqalgħu ħafna biex torganizzaw festi u funerali kbar. Imma mhux daqstant biex tiżguraw li tal-aħħar ma jkunx hemm għalfejn isiru, u tal-ewwel jinżammu fil-qies.

Matul is-snin li gerbu minn meta qal hekk, kont f’ħafna okkażjonijiet fejn ħassejt għaliex forsi kellu raġun. Saqsejt lili nnifsi jekk l-argument tiegħu japplikax tajjeb ukoll għall-funeral miżmum f’Malta tal-immigranti anonimi li spiċċaw f’pajjiżna bħala katavri. Jekk dan kien minnu, il-punt ma jiswiex biss għal Malta imma għall-bqija tal-Ewropa li fl-okkażjoni kienet irrappreżentata tajjeb.

Min-naħa l-oħra, il-funeral serva tal-anqas biex jikkombatti r-razziżmu qalil li jsaltan f’pajjiżna (kif isaltan f’pajjiżi Ewropej oħra). Minkejja l-kliem sbieħ, il-verità hi li maġġoranza enormi ta’ ċittadini Ewropej ma jridux jisimgħu b’immigranti mill-Afrika.

Nasal għal din il-konklużjoni mingħajr bl-ebda mod ma naqbel li għandhom raġun.

***

Toroq

Ix-xogħlijiet fit-toroq qed isiru kollha f’salt waqt li joħolqu imblokki kbar ma’ kullimkien. Ma setax ikun mod ieħor bil-mod kif hu organizzat il-ħruġ ta’ fondi għal proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea.

Ħafna mill-proġetti tat-toroq jaqgħu taħt talbiet għal fondi Ewropej, li jekk fhimt tajjeb intirtu minn żmien il-gvern Nazzjonalista. Ridna nsegwu proċeduri tal-Kummissjoni Ewropea biex jitħaddmu l-fondi. Huma proċeduri li jieħdu ż-żmien. U dejjem jispiċċa jkun hemm ġirja tal-aħħar biex dawn il-fondi ma jintilfux.

Sentejn/tlieta ilu kont ktibt fit-Torċa dwar din il-problema li jidher li għadha magħna bil-kbir. Niddubita kemm jaqbel li xogħlijiet fuq toroq għandhom jiġu finanzjati mill-Ewropa. Imma ssib min jgħidlek li ma tantx hemm alternattivi ta’ proġetti oħra. Dan jista’ jkun minnu?

***

Klijenteliżmu

Kont fi programm tar-radju l-ġimgħa li għaddiet fejn l-intervistatur donnu sabha bi tqila jifhem kif il-klijenteliżmu għadu ħaj u qed jiffjorixxi fi żminijietna. Bħallikieku qatt waqaf milli jkun ħaj jew li jiffjorixxi.

Żgur li kellu rikba tajba fil-ħamsa u għoxrin sena jew kważi li l-PN mexxa l-pajjiż. F’dak iż-żmien sar għodda llimata tajjeb ħafna biex issostni l-appoġġ elettorali tal-gvern tal-ġurnata.

Niskanta kif xi wħud illum jiskandalizzaw ruħhom li l-klijenteliżmu għadu preżenti. Min jaf għaliex qalbhom qed treqqhom issa u mhux tliet snin ilu jew disa’ snin ilu, pereżempju?

Biex inkunu għedna kollox, dak li jsir f’Malta, isir f’pajjiżi Ewropej (la l-Ewropa saret il-kejl ta’ mġibitna). Ċertament dan mhux argument favur il-klijenteliżmu. Imma wieħed favur li nżommu sens ta’ proporzjon. Ir-roti tad-demokrazija parlamentari jduru tajjeb jew ħażin, ukoll skont kemm dawk li jintgħażlu bħala rappreżentanti tal-poplu jirnexxilhom jew le jingħoġbu man-nies.

Facebook Comments

Post a comment