Wara ħafna zmien li matulu effettivament fi Brussell kienu jippreferu li jaħbu l-krizi li għaddejja fil-Mediterran bl-eluf ta’immigranti llegali li jipprovaw jaqsmu l-baħar lejn l-Ewropa, it-traġedja ta’ ġimgħa ilu qajmet attenzjoni kbira. Xokk ukoll, bir-raġun.
Fl-enormità tagħħa t-traġedja wasslet biex fl-aħħar il-problema tal-immigranti titla’ fuq nett tal-aġenda – ħaġa li kienu ilhom jinsistu fuqha l-Prim Ministri Renzi u Muscat tal-Italja u Malta. Il-laqgħa tal-ministri tal-affarijiet barranin Ewropej tat-Tnejn spiċċat tiddiskuti fit-tul is-sitwazzjoni fil-Mediterran u ħarġet b’abbozz ta’ pjan f’għaxar punti dwar x’għandu jsir. Uħud minnhom—bħaz-zieda fl-iffinanzjar mill-Unjoni Ewropea tal-ħidma ta’ ħarsien fuq il-baħar fiċ-ċentru tal-Mediterran – jirraprezentaw bidla sinjifikattiva fuq il-pozizzjoni li l-Ewropej kienu lesti jieħdu sa issa.
Imbagħad il-laqgħa b’urġenza tal-Kunsill Ewropew il-Ħamis fuq dan is-suġġett, li din id-darba m’hemmx dubju hezzez lill-Ewropa kollha, kienet xi ħaġa oħra li spikkat. Il-Kunsill żied bil-qawwi in-nefqa tal-Unjoni Ewropea fuq l-operazzjonijiet ta’ sorvelja u salvataġġ fil-Mediterran u wiegħed gwerra kontra t-traffikanti tal-bnedmin. Madankollu, għad irridu naraw kemm din il-laqgħa u l-inizjattivi l-oħra li ttieħdu matul il-ġimgħa se jwasslu għat-tnedija ta’ ħidmiet għat-tul mill-Unjoni Ewropea biex il-krizi tiġi ttrattata b’mod effettiv.

VITTMI

Ingħatat informazzjoni wiesgħa fl-aħħar ġranet dwar kif l-ittraffikar ta’ bnedmin qed jiġi organizzat b’mod sistematiku mill-pajjizi fis-sud tas-Saħrawi Afrikan sal-Ġermanja u l-Isvezja… bil-Libja, Malta u l-Italja bħala l-pont f’nofs il-Mediterran.
Tqum il-mistoqsija: min huma dawn il-vittmi li qed imutu bl-għexieren, imbagħad bil-mijiet u l-eluf imgħarrqa f’ibħra mqallba? Insibu fosthom Eritrej li qed jaħarbu mill-ħerbqa qattiela ta’ pajjizhom. Niġerjani u Ċadjani mġewħa li qed ifittxu fejn jistgħu jaħdmu biex jaqilgħu x’jieklu. Sirjani maħruba minn pajjiz li sar inkwina taħraq u teqred. X’aktarx li hemm ukoll Libjani li raw il-pedamenti ta’ ħajjithom jisfrondaw fl-aħħar snin.
Lejn dawn in-nies kollha l-Ewropa, inkluza Malta, trid issa turi solidarjetà. Kif din is-solidarjetà għandha tintwera u sa fejn, huma mistoqsijiet li jqajmu l-akbar polemika u ansjetà fost il-Maltin, imma wkoll fost l-Ewropej kollha. Biss ma jistax ikun hemm politika serja u soda dwar xinhu għaddej fil-Mediterran bħalissa, mingħajr għarfien sħiħ tal-qies umanitarju qawwi li jrid jintwera minn kulħadd matul din il-krizi, li mhijiex se tispiċċa malajr.
Il-maġġoranza kbira tal-immigranti huma vittmi. Hekk irridu nqisuhom u nittrattawhom. Bl-ebda mod m’għandna fir-rigward tagħhom ninsew il-lat umanitarju. Biss ma nistgħux ninjoraw l-anqas li bil-qies umanitarju li sa issa intuza waħdu mill-Ewropej waqt li kulħadd baqa’ għal rasu jew kwazi, mhux talli ma sar l-ebda progress. Talli l-problema mill-ħazin marret għall-agħar.

SIGURTÀ

Fl-ittraffikar tal-immigranti lejn l-Ewropa zviluppat organizzazzjoni kriminali mifruxa li qed ittella’ lil ċittadini fqar mill-pajjizi li jinsabu ’l isfel mid-dezert tas-Saħara, tinvolvi tribujiet sħaħ fil-ħidma kollha u tiġġenera flejjes kbar. Jintqal li hemm sa miljun ruħ li jistgħu fi zmien relattivament qasir jaqbdu t-triq tal-immigrazzjoni llegali li issa qed tiġi organizzata fuq bazi industrijali. Il-fatt li l-Libja bilkemm tista’ titqies bħala stat vijabbli fil-prezent kompla jkabbar il-pjaga. Periklu kbir hu li l-katina kriminali li qed torganizza t-traffikar tal-immigranti taqa’ f’idejn organizzazzjonijiet estremisti li jixtiequ jestendu lejn l-Ewropa il-ħidma terroristika tagħhom. Filfatt jidher li diġà rnexxielhom jinvolvu ruħhom fl-ittraffikar tal-immigranti.
Fin-nofs issa hemm imdaħħla u bil-kbir konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà għall-pajjizi Ewropej kollha. Sal-lum, kull pajjiz membru tal-Unjoni Ewropea qagħad attent l-aktar biex kemm jista’ jkun ma jitgħabbiex b’emigranti. Dan wassal biex ma sar l-ebda diskors dwar politika komuni ta’ immigrazzjoni regolari u wisq anqas dwar kif jistgħu jiġu trattati l-aspetti ta’ sigurtà li qed iqumu. In-nuqqas għadu jinħass sal-lum minkejja l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-Ħamis li għadda.

IMBLOKK

Qajjimt il-punti ta’ hawn fuq waqt laqgħa tal-grupp ta’ deputati Ewropej soċjalisti li nzamm matul dil-ġimgħa fi Brussell. Ma narax li uħud mill-inizjattivi li qed jissemmew se jwasslu wisq bogħod. Iva, l-inizjattivi umanitarji jridu jibqgħu għaddejja u jitqawwew. Imma mil-lat ta’ sigurtà, l-ħidma polizjeska li qed tissemma, utli kemm hi utli, ma tistax tkun bizzejjed fiċ-ċirkostanzi. Ma narax triq aħjar minn imblokk tal-kosta tal-Afrika ta’ Fuq biex tissorvelja t-traffiku bil-baħar li jkun għaddej.
Hemm min jiddieħek b’dan għax jgħid li mhux possibbli tissorvelja l-eluf ta’ kilometri ta’ kosta. U jien niddieħek b’din ir-risposta: għax kif ġara allura li meta Franza u r-Renju Unit riedu jeqirdu għal kollox lil Għaddafi, setgħu anki jiskopru li kien għaddej b’konvoj minn ċerti postijiet? Nimmaġina li l-ajruplani żunżan u s-satelliti huma utli sew meta tkun qed tissorvelja eluf ta’ kilometri ta’ kosta, kif servew tajjeb fil-kaċċa għal Għaddafi.
Ikolli ngħid li d-deputati Ewropej ma tantx huma mħajra li jiftħu d-diskussjoni lil hinn minn konsiderazzjonijiet umanitarji. Nittama li m’għadx jgħarralhom.

Facebook Comments

Post a comment