Beda malajr il-manuvrar dwar it-talba li se jkun qed jagħmel il-gvern ġdid Grieg tas-Siriza biex lill-Greċja tinħafrilha parti sostanzjali mis-self li ngħatalha fl-aħħar snin. Il-ħeffa li biha l-Prim Ministru Tsirpas ifforma l-gvern tiegħu ħasad lil ħafna. Sorpriza akbar kienet l-għazla ta’ ANEL partit zgħir lemini ħafna bħala sieħeb tiegħu fil-gvern. Suppost li bejn ir-radikalizmu xellugi u l-proposti leminin ta’ ANEL hemm baħar jaqsam. Biss jaqblu mija fil-mija fuq punt wieħed: li d-dejn Grieg irid jitnaqqas bil-qawwa, inkella l-Greċja se tibqa’ f’agunija.
Uħud kienu bassru li malli jitla’ fil-gvern, Tsipras kien se jagħraf xinhuma r-realtajiet politiċi u ekonomiċi u jaċċetta li jsiru bidliet zgħar fl-arranġamenti li l-Greċja għandha maz-zona ewro. L-ewwel sinjali donnhom kienu juru li mhux hekk se jiġri. Aktar u aktar meta bħala ministru tal-finanzi ġie appuntat Janis Varufakis, li kien irrizenja xi snin ilu minn ministru fil-gvern tal-PASOK għax ma qabilx mal-ewwel deċizjonijiet li kien ħa dak il-gvern, biex jiftaħ negozjati mal-pajjizi taz-zona ewro għal salvataġġ finanzjarju.

L-EWROPEJ KAWTI

Kien hemm varjazzjonijiet ċkejkna fil-mod kif qaluha imma prattikament il-mexxejja Ewropej kollha rrepetew l-istess messaġġ: il-ftehimiet finanzjarji li l-Greċja daħlet għalihom, daħlet għalihom b’mod liberu u jibqgħu jorbtu ikun min ikun fil-gvern. Xi titjib fil-kondizzjonijiet jista’ jiġi kunsidrat imma xejn ta’ natura goffa, kif jixtieq Siriza.
Dil-ħaġa qalha l-ministru tal-finanzi Ġermaniz Schauble u warajh il-kanċellier Merkel. Tkellmu bl-istess mod mexxejja oħra minn pajjizi taz-zona ewro. Fuq l-istess ton imma bi prudenza aktar ambigwa l-Franċizi.
Il-gvern ta’ Tsirpas illum ifakkarni fis-sajf tas-sena 1971 meta tela’ Gvern Laburista f’Malta bl-għajta li jrid jirrinegozja mil-qiegħ il-ftehimiet tal-hekk imsejħa għajnuna finanzjarja u difiza mar-Renju Unit. Il-gvern Malti kien telaq bi strateġija qawwija u intransiġenti li bezzgħet lil ħafna. L-Inglizi u n-NATO l-ewwel lagħbuha tal-ibsin, imbagħad bdew jinfixlu bejniethom u fl-aħħar spiċċaw jinnegozjaw.
Naraw x’se jiġri fil-kaz ta’ Siriza.

FIL-PARLAMENT EWROPEW

Kienet ħaġa interessanti tara kif uħud mill-protagonisti Ewropej ġabu ruħhom quddiem l-isfida tas-Siriza. Fil-kumitat ekonomiku u finanzjarju tal-Parlament Ewropew nhar it-Tlieta ġew il-ministri tal-finanzi tal-Ġermanja u tal-Italja jagħtu l-fehmiet tagħhom. Waqt li wieġbu għall-mistoqsijiet li sarulhom, ħadu pozizzjoni dwar il-problema tal-Greċja.
Mill-ġdid, ma tantx kien hemm differenza bejiethom: it-tnejn donnhom kienu qed jgħidu li meta jsir ftehim bejn stati, dan għandu jiġi rispettat. It-Taljan Padouan ma nesiex idaħħal madankollu l-argument li fit-tħaddim tar-regoli taz-zona ewro, ikun xieraq li jkun hemm flessibiltà effettiva.
Jien u oħrajn ma stajniex ma nifhmux minn hekk li t-Taljani (u magħhom il-Franċizi) qed iħossu li ħobzhom maħbuz. Sa ftit ġimgħat ilu, l-“iskandlu” kien li Franza u l-Italja reġgħu ma osservawx il-miri li kienu qablu magħhom taħt il-Patt ta’ Tkabbir u Stabbiltà. Il-Kummissjoni Ewropea qalet li se tistenna sa Marzu biex ikollha l-aħħar informazzjoni dwar kif sejrin l-ekonomiji u l-finanzi taz-zewġ pajjizi. Ħarġet imbagħad regoli aktar “aġġornati” dwar kif pajjizi li qed jaqgħu lura fir-rispett tar-regoli tal-patt setgħu jibbenefikaw minn flessibilta fl-interpretazzjoni tal-kondizzjonjiet tagħhom. It-tbassira hi li f’Marzu, Franza u l-Italja se jitħallew għaddejja…

TAXXA FUQ IT-TRANSAZZJONIJIET FINANZJARJI

Se terġa’ tqum id-diskussjoni dwar it-tnedija ta’ taxxa ġdid fuq is-servizzi finanzjarji (FTT). Numru ta’ pajjizi membri tal-Unjoni Ewrfopea, fosthom Malta ma jriduhiex. Fil-kaz tagħna, sa issa dejjem inħass li taxxa bħal din tpoġġi pizijiet fuq is-servizzi finanzjarji li jagħtu kontribut kbir bħalissa lill-ekonomija. Ukoll, jekk it-texxa ma tidħolx ma’ firxa wiesgħa ta’pajjizi barra mil-Unjoni Ewropea, bħall-Istati Uniti, l-argument hu li l-pajjizi li jdaħħluha se jpoġġu s-servizzi finanjarji tagħhom fi zvantaġġ.
Xorta waħda kien hemm numru ta’ pajjizi fl-Unjoni Ewropea li ddeċidew li jdaħħluha bejniethom: fuq quddiem nett Franza, l-Ġermanja u l-Italja. Fl-aħħar sentejn jew kemm kienu qed jinnegozjaw bejniethom bis-sehem tal-Kummissjoni Ewropea biex jaraw kif se jimxu ‘l quddiem fuq dil-ħaġa. In-negozjati weħlu fuq ħafna għazliet u dettalji tekniċi. Fl-aħħar sitt xhur, minkejja ħafna wegħdi, baqgħu fejn kienu.
Issa l-Franċizi u l-Awstrijaċi qed itellqu inizjattiva ġdida biex jaslu għal ftehim. Il-ministri tal-finanzi tagħhom kitbu ittra lill-pajjizi l-oħra fejn qed jipproponu li jsir ftehim dwar taxxa fuq il-finanzi li tkun ristretta u teknikament sempliċi; waqt li biex in-negozjati jimxu ‘l quddiem għandu jinħoloq segretarjat apposta li jkun jista’ jzomm il-proċess ta’ diskussjoni għaddej b’mod iffokat u kontinwu. Din id-darba forsi jaslu.

IL-FOND TA’ JUNCKER

IL-fond ta’ Juncker, kif ħafna jsejħu l-proġett għat-twaqqif tal-hekk imsejjaħ fond ta’ investimenti strateġici dieħel ’il ġewwa. Addottah il-Kunsill Ewropew, ġie diskuss fil-Parlament Ewropew u l-formalitajiet tekniċi għat-twaqqif tiegħu mal-Bank tal-Investimenti Ewropej mexjin qatigħ.
Biss għadhom jissemmew il-punti ta’ kritika dwaru. Dwar kemm ġie tard, dwar kif ma jinvolvix fondi ġodda tabilħaqq, dwar kif mhuwiex kbir bizzejjed. Kritika oħra hi dwar kif se jingħazlu l-proġetti, kif se jintwettqu u jekk humiex proġetti li mingħajr il-fond xorta kienu se jsiru.
Il-Kummissjoni Ewropea tinsab impenjata bil-kbir filli tipprowovi l-fond qisha tibza’ li jekk dan ma jitlaqx b’suċċess, se titlef ħafna mil-kredibilità tagħha.

1 ta’ Frar 2015

Facebook Comments

Post a comment