Mir-rapporti li joħorġu regolarment dwar l-ekonomija Maltija, inklużi dawk mill-Unjoni Ewropea, l-aktar li nsib interessanti hu tal-Fond Monetarju Internazzjonali. Ovvjament għandu l-perspettiva tal-Fond, li taf tkun neo-liberali għall-aħħar. Biss, l-iskop u l-mezzi li bihom il-Fond jagħmel ir-riċerka tiegħu u kif jiġbor l-informazzjoni ħalli wara janalizzaha huma impressjonanti u serji.
Ma rridx ngħid b’hekk li r-rapporti dwar Malta (u pajjiżi oħra) ġieli ma jiġux influwenzati… biex ma ngħidx imbagħbsa… ħalli jikkonkludu ħaġa u mhux oħra. Hekk ġara per eżempju fl-aħħar rapport tal-FMI dwar Malta qabel din ġiet aċċettata biex tidħol fiż-żona tal-ewro. L-ekonomisti tal-Fond kienu qed ixaqilbu naħa, sakemm il-Kummissjoni Ewropea għamlet pressjoni qawwija fuqhom biex ixaqilbu mod ieħor.
Xorta l-analiżi li tal-FMI jagħmlu ġeneralment tibqa’ teknikament eċċellenti. Għalhekk il-parir li ta r-rapport tagħhom tal-ġimgħa li għaddiet dwar l-ekonomija Maltija għandu jikkonferma sew l-ottimiżmu li jezisti fil-pajjiż dwar oqsma wiesgħa tal-ekonomija.

***

L-ASSIRJA

Kienu atroċi l-filmati ta’ militanti tal-ISIS joqtlu lill-priġunieri tagħhom, wieħed minnhom billi ħarquh ħaj.
Atroċi wkoll b’mod differenti mbagħad l-istampi ta’ militanti jeqirdu statwi u fdalijiet imprezzabbli oħra li għandhom mat-tliet elef sena, mill-wirt li baqa’ tal-imperu tal-Assirja.
Fil-fehma tiegħi, xejn ma jbiegħdna aktar mill-ħsieb ta’ dawn il-“militanti” daqs das-sentiment li l-kisbiet tal-bniedem fi zmien imbiegħed jixirqilhom jinqerdu. B’xorti ħazina, it-terrorizmu selvaġġ mhu l-monopolju ta’ ħadd fil-kontinenti kollha.
Imma dan d-disprezz qerriedi lejn l-imgħoddi mbiegħed tal-bniedem ma tiltaqax miegħu daqstant. Donnu qed jitwaħħad mal-identità tal-estremizmu Izlamiku. Min jaf għaliex…
Mill-Mesopotamja, minn Sumer, il-Babilonja, l-Assirja ħarġet iċ-ċiviltà li ħolqot il-qafas għall-izvilupp tar-reliġjonijiet tal-“Ktieb” – il-Lhudija, in-Nisranija u l-istess Izlam.

***

DNUB

Dnub li x’aktarx qatt mhu se jsir bis-serjetà d-dibattitu fostna dwar xinhuma l-obbligi tal-politikanti (jew politiċi). Hemm bzonn ta’ regoli li japplikaw tajjeb għal kulħadd bl-istess mod: mhux uħud jaqilgħuha u oħrajn jibqgħu għaddejja minn taħt qisu ma ġara xejn.
Għandna l-kaz tal-eks ministri Nazzjonalisti li zammew balal ta’ flus moħbija fl-Isvizzera u qisu xejn mhu xejn fir-rigward tagħhom; u niftakru fil-kaz tal-eks deputat Nazzjonalista li snin ilu tttajjar mill-Parlament Malti minħabba l-istess ħaġa.
Kif għandha tiġi ezerċitata l-kontabilità? Sa fejn għandha twassal? Min se jkun qed jissorveljaha? X’għandhom ikunu l-pieni għal min jinqabad li kien qed jikser ir-regoli? Għandu jkun hemm limitu fuq kemm tmur bogħod lura fiz-zmien ir-responsabbiltà li għaliha deputat se jitpoġġa taħt skrutinju? Jekk nuqqasijiet u ksur tal-liġi jkunu ġraw ilu ħafna, għandhom jintesew? Jekk iva, sa kemm ilu?

Alfred Sant
02 ta’ Marzu 2015

Facebook Comments

Post a comment