Meta nhar l-Erbgħa l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker qam biex jindirizza l-Parlament Ewropew fi Strasburgu, suġġett wieħed kien f’moħħ kulħadd — l-immigrazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea. Kienet f’moħħ Juncker ukoll għax għalkemm id-diskors tiegħu kellu jkun dwar il-qagħda ġenerali tal-Unjoni, parti sostanzjali minnu kienet dwar l-immigrazzjoni.
Kif mistenni, Juncker iddefenda bil-kbir l-argument li ilu javvanza: l-Ewropa trid tikkonċentra fuq il-ħtieġa umanitarja li toffri ażilju lill-immigranti li qed jaħarbu mill-persekuzzjoni f’pajjiżhom. Semma kif l-Ewropa rat persekuzzjonijiet kbar u matul is-sekli, tat refuġju lil min kien ippersegwitat. Ma jistax ikun li issa tabbanduna dan kollu u tagħti daharha lil min ifittixha għall-kenn.
Semma l-bżonn ta’ bidliet fil-mod kif jintlaqgħu r-refuġjati meta jaslu l-Ewropa u fil-mod kif jiġu allokati l-piżijiet taż-żamma tagħhom. Hawn, qal, hemm bżonn ta’ mekkaniżmu obbligatorju dwar kif isir it-tqassim, mhux il-pajjiżi membri jintelqu għall-egoiżmi nazzjonali tagħhom. Barra minn hekk, stqarr il-ħtieġa ta’ politika li torganizza bi proċeduri apposta, il-migrazzjoni legali lejn l-Ewropa skont il-bżonnijiet ekonomiċi tal-pajjiżi differenti. Se jkun importanti, kompla jsostni, li r-refuġjati jitħallew jibdew ifittxu l-impjieg sa minn meta jaslu fil-pajjizi Ewropej.
Lejn l-aħħar kwart tad-diskors tiegħu, Juncker tkellem dwar suġġetti oħra — il-ftehim għat-tielet “salvataġġ” finanzjarju mal-Greċja — il-kriżi fl-Ukrajna — is-summit li daqt jinżamm dwar l-ambjent dinji. Imma kienet l-immigrazzjoni li baqgħet fir-ras tal-aġenda u f’moħħ kulħadd.

DIVERĠENZI POLITIĊI U FINANZJARJI

Il-pożizzjoni ta’ Juncker u l-Kummissjoni tiegħu tqarreb ħafna lejn dik li ħadet il-kanċellier Merkel fl-aħħar ġimagħtejn u warajha l-President Hollande ta’ Franza. Qabilhom, Juncker kien mexxa l-istess ideat. Il-problema hi li fit-twettiq ta’ dawn ideat baqgħu jqumu diverġenzi mhux biss bejn l-istati membri, imma wkoll fi ħdan il-pajiiżi.
Per eżempju, fil-Ġermanja, Merkel malajr ġiet ikkritikata li qabdet u ddeċidiet li daħħal ir-refuġjati bla ma kkonsultat ma’ ħadd. Esponenti ewlenin tal-Unjoni Soċjali Kristjana tal-Bavarja, alleata tal-partit tagħha s-CDU, qalu li l-affarijiet ma sarux sew. Id-deċiżjoni tal-kanċellier se tkabbar il-ħajra ta’ nies barra l-Ewropa biex jieħdu kull riskju u jivvjaġġaw lejha.
Sadattant, meta l-eluf ta’ immigranti bdew jaslu fil-Ġermanja u l-gvern federali beda jara kif iqassamhom bejn il-Lander (l-istati provinċjali) Ġermanizi, il-mexxejja tagħhom bdew jipprotestaw. L-ewwel nett għax b’xejn ma kienu ġew konsultati fuq li qed jiġri, u wara, intalbu jaraw kif se jalloġġjaw u jieħdu ħsieb eluf ta’ persuni li ntbagħtulhom; u t-tieni għax fl-imgħoddi, meta ħadu ħsieb immigranti li waslu sal-Ġermanja, il-fondi li kienu mwiegħda lilhom mill-gvern federali, damu biex waslu jew baqgħu ma waslux.
Fi Franza l-istess. Kien hemm min appoġġja d-deċizjoni tal-President Hollande biex Franza ssegwi l-linja ta’ Merkel u ddaħħal eluf ta’ immigranti li kienu waslu l-Ġermanja. Imma hekk kif waslu l-immigranti, bdiet tqum il-kritika u mhux biss mill-Oppozizzjoni leminija tal-gvern soċjalista.
Filfatt, Merkel innifisha malajr bdiet tara kif tpoġġi rizervi fuq dak li kien qed jiġri. Il-gvern Ġermaniz ħareġ stqarrija fejn qal li l-ġrajjiet tal-aħħar jiem għandhom jitqiesu bħalha eċċezzjonali u li l-proċeduri stabbiliti dwar kif jiddaħħlu l-immigranti għandhom jerġgħu jibdew jiġu segwiti.

IL-PREZZ TAS-SOLIDARJETÀ

Id-diffikultà ewlenija qed tkun li ħadd ma jaf kemm tista’ tkun kbira l-problema tal-immigrazzjoni. Kemm għad baqa’ immigranti x’jersqu lejn l-Ewropa? Ħadd ma jaf. L-akkużi li tqanqlu kontra Merkel u warajha kontra Hollande kienu li appuntu, bil-mod kif f’daqqa fetħu l-bibien għall-immigranti, se jkunu qed iħajru aktar u aktar maħrubin jersqu lejn l-Ewropa.
Sadattant, fil-gżejjer Griegi u fit-toroq tal-Balkani, baqgħet tinħass il-pressa ta’ nies iterrqu lejn iċ-ċentru tal-kontinet.
Il-popli Ewropej u l-gvernijiet tagħhom jinsabu maqbuda f’dilemma. Minn banda ma jridux jidhru, jew ikunu, kiefra u ħodor quddiem it-tbatija ta’ ħaddieħor. Mill-oħra jħossuhom inċerti dwar kemm jistgħu jġorru l-pizijiet tal-immigranti, u bezgħana li dawn il-pizijiet se jibqgħu jizdiedu. It-twissija ħarġet ċara: għal li ġej, l-immigrazzjoni se tkompli tizdied.
Fl-istess ħin jidher ċar li l-aqwa deċizjonijiet mhux se jittieħdu mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-Parlament Ewropew. Se jkunu l-Prim Ministri u l-Presidenti tal-pajjizi membri li se jiddeċiedu, fil-Kunsill – l-istess mexxejja u l-istess gvernijiet li qed jiġu akkuzati li ħallew l-interessi egoistiċi nazzjonali jiddominaw l-għazliet li jagħmlu.

BDIEWA MGĦADDBA

Il-kjass li qam fi Bruxelles fil-bidu tal-ġimgħa kien mistenni imma xorta ħoloq taħwid kbir fit-toroq tal-belt. Eluf ta’ bdiewa daħlu fiċ-ċentru jsuqu l-inġenji tagħhom. Bdiewa oħra ddimostraw anki fi Franza, fejn tunnellati ta’ karrotti u ħxejjex oħra twaddbu f’nofs il-pjazez.
Raħħala li jkabbru ċ-ċanga u jipproduċu l-ħalib kif ukoll oħrajn li jipproduċu l-ħxejjex ma jistgħux ikampaw aktar, qed isostnu. Il-prezzijiet baqgħu jaqgħu bla ħniena u l-għajnuna li kienet qed tagħtihom l-Unjoni Ewropea ma baqgħetx bizzejjed. Iridu aktar.
Offrewlhom li jkomplu jzommulhom il-ħazniet tagħhom fi frizi privati spejjez tal-Unjoni. Biss, ħafna minnhom ma kienx qed ikollhom flus bizzejjed biex ikomplu jsostnu l-attività tagħhom. Min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, baqa’ jintqal li s-sitwazzjoni mhix kiefra daqskemm igħidu l-bdiewa u li l-bejgħ ta’ prodotti agrikoli Ewrtopej kemm fl-Ewropa u kemm barra minnha, baqa’ jizdied sew.
L-għaqdiet tal-bdiewa u r-raħħala jikkontestaw dil-ħaġa. Isostnu li kemm ilu li telaq l-embargo tar-Russja spiċċaw b’daharhom mal-ħajt. Iridu li l-Kummissjoni Ewropea tiggarantilhom prezz ”diċenti” għall-produzzjoni tagħhom. Inkella ħafna minnhom qed jgħidu li se jkollhom jagħlqu. Il-problema ma tgħoddx biss għall-Franċizi u l-Belġjani. Hemm bdiewa ta’ pajjizi oħra maqbuda fit-tnalja ta’ bejgħ baxx (skont huma) u prezzijiet baxxi wkoll.
L-aqwa pass li ttieħed kien li ħlasijiet li kellhom jingħataw fl-aħħar tas-sena lir-raħħala u l-bdiewa mill-Unjoni Ewropea bħala għajnuniet issa se jingħatawlhom dalwaqt. B’hekk ikollhom flus f’idejhom biex ikompli jsostnu x-xogħol. Ir-rapprezentanti tal-bdiewa jinsistu li lanqas dan mhu se jkun bizzejjed.
Is-settur tal-biedja tilef mis-saħħa li kellu fl-Ewropa erbgħin sena ilu jew anqas. Xorta għadu jista’ joħloq uġigħat ta’ ras kbar. U ħadd ma jrid jarah jinqered.

Facebook Comments

Post a comment