Matul l-aħħar ġimgħat żdied fost l-Ewropej l-inkwiet dwar l-Ukrajna. Sa fejn se twassal il-gwerra ċivili li għaddejja hemm bl-appoġġ tar-Russi? X’għandha tkun it-tweġiba Ewropea? Sa fejn għandhom iwasslu s-sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea kontra r-Russja? Kemm jistgħu l-Ewropej jibqgħu jieħdu passi id f’id mal-Amerikani meta dawn donnhom qed iħejju biex jibgħatu l-armi lill-gvern tal-Ukrajna?
Fost l-aktar inkwetata b’dan kollu kienet il-kanċellier Merkel tal-Ġermanja li saħansitra marret mal-President Hollande ta’ Franza fi Kiev u f’Moska biex tiddiskuti mal-Presidenti taż-żewġ pajjiżi rispettivi. Intqal li kien hemm pjan Franko-Ġermaniż biex jaffaċċja l-problema. Wara, Merkel zaret Washington biex tiddiskuti mal-President Obama. Għal tmiem il-ġimgħa l-Kunsill Ewropew tlaqqa b’mod informali ħalli jiddiskuti l-kwistjoni.
Il-biża’ hu li din tista’ teskala u ssir gwerra sħiħa. Imma jidħlu kalkoli oħra fl-inkwiet Ewropew. Il-kriżi tal-Ukrajna qed toħloq inċertezzi kbar fil-kontinent u mhux biss fil-qasam tal-enerġija. Dan qed jaffettwa ħażin il-prospetti ekonomiċi fi żmien fejn reġgħet bdiet tikber it-tama li l-ekonomija qed tistejqer b’rata aqwa milli kien jidher sa ftit taż-żmien ilu. Jekk f’qasir żmien tinstab soluzzjoni diplomatika għall-problema, kif ilhom jisħqu l-Ewropej, il-perspettivi ta’ tkabbir ekonomiku jiżdiedu sew.
Madankollu problema kbira baqgħet li ma tantx jidher li l-mexxejja Ewropej irnexxielhom jibnu relazzjoni tajba mal-President Russu. Ma jafdawhx kif hu ma jafdahomx. Nittamaw li l-affarijiet jitjiebu bil-ftehim li ntlaħaq f’Minsk nhar il-Ħamis bil-parteċipazzjoni ta’ Merkel, Hollande u Putin.
Fid-dibattiti tal-Parlament Ewropew dil-ġimgħa l-krizi tal-Ukrajna ssemmiet kemm-il darba imma ħadd ma tkellem b’sens ta’ fiduċja li daqt se tingħeleb.

***

IN-NEGOZJATI MAL-GRIEGI

Fl-ewwel jiem wara l-ħatra tagħhom, il-Prim Ministru Grieg Tsipras u l-Ministru tal-Finanzi Verufakis daru l-kapitali ewlenin Ewropej. Ipprezentaw b’mod ġenerali t-talbiet li għandhom f’moħħhom li jagħmlu biex isewwu dik li huma jqisu bħala sitwazzjoni inċċettabbli għall-Greċja. Ingħataw laqgħa bierda għall-aħħar. Linja komuni kienet li bl-ebda mod, is-self li sar lil Greċja ma seta’ jinħafer. Imma dan ma żammx lil Tsirpas milli jindirizza l-Parlament Grieg biex jerġa’ jsostni kritika ħarxa tal-kondizzjonjiet li taħthom l-Ewropej sellfu l-flus lil pajjiżu u biex jeżiġi li dawn jinbidlu bil-kbir.
Fil-ġranet ta’ wara, baqgħu isiru kuntatti bejn il-partijiet kollha. Min-naħa Ġermaniża ġie mistqarr b’mod ċar li kienu qed jistennew il-proposti Griegi fil-konkret. Imbagħad il-Ġermanja se tfisser il-pożizzjoni tagħha. Kellu jiltaqa’ l-ewrogrupp li fih jinġabru l-ministri tal-finanzi taż-żona ewro biex jiddiskutu l-Greċja. Fil-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew li kellha tinżamm fl-istess żmien, ma setax jonqos li l-kwistjoni tal-Greċja titqajjem bil-kbir.
Għalkemm jidher li hemm distanza kbira bejn dak li qed jitolbu l-Griegi u dak li l-Ewropej jgħidu li lesti jaċċettaw, mhux kulħadd jaħseb li se jkun impossibbli li tinstab soluzzjoni. Saru kuntatti bejn uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea u tal-gvern Grieg. Fil-fatt, qed tispiċċa l-fazi imsejħa tal-”prenegozjati” u deħlin fil-fażi tan-negozjati.

***

TERRORIŻMU

Fit-tħejjija ta’ miżuri ġodda biex irażżnu t-terroriżmu reġgħet qamet il-kontroversja dwar kemm l-Ewropa tista’ tmur ‘il bogħod filli ddaħħal kontrolli ġodda. Uħud isostnu li ma tistax tilqa’ għat-terrorizmu mingħajr ma ddaħħal kontrolli akbar fuq iċ-ċaqliq tal-vjaġġaturi u fuq il-messaġġi li jsiru per mezz tat-telefown u l-internet. Kellhom ir-riħ fil-qala wara l-qtil f’Pariġi tal-ġurnalisti tal-magazine Charlie Hebdo u tal-klijenti tal-ħanut ta’ l-ikel Lhudi.
Madankollu, ħafna oħrajn baqgħu jsostnu li l-miżuri ta’ sigurtà akbar li se jiddaħħlu iridu jirrispettaw il-valuri Ewropej, per eżempju fil-ħarsien tal-privazija taċ-ċittadini. Kontroversja akbar tikkonċerna l-informazzjoni li tinġabar u tinżamm dwar il-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru. L-Amerikani jżommu sistema mill-aktar sofistikata li taħzen u tifli din l-informazzjoni. Hemm reżistenza kbira fl-Ewropa kontra li tiddaħħal sistema hekk.
Imma l-affarijiet qed jinbidlu. Din il-ġimgħa l-Parlament Ewropew addotta bla wisq kontroversja regolament li jsaħħaħ il-miżuri ta’ ħarsien kontra t-terroriżmu. Se jkun hemm miżuri ġodda oħra li se jitressqu quddiemu fiż-żmien li ġej.

***

TITJIB FL-EKONOMIJA EWROPEA?

Aktar ’il fuq semmejna kif donnu qed jonqos il-pessimizmu dwar il-qagħda ekonomika tal-Ewropa. Hemm min qed ibassar li l-ekonomija Ewropea filfatt qed tirpilja aktar milli kien maħsub sa ftit taż-żmien ilu. U dan anki f’pajjiżi tas-sud li ilhom itektku bid-deni tar-riċessjoni. Parti minn dan l-ottimiżmu ġdid ġejja mid-deċiżjoni li ħa l-Bank Ċentrali Ewropew li jibda jixtri kull xahar b’60 biljun ewro ta’ ċedoli ta’ self li joħorġu l-gvernijiet. Dan se jfisser li masses kbar ta’ flus kontanti se jibdew deħlin fl-ekonomiji hekk li jistimolaw il-kummerċ. Qed jgħin ukoll forsi d-diskors tal-Kummissjoni Ewropea li mhux biss titkellem dwar l-awsterità u l-konsolidament fiskali imma wkoll dwar il-ħtieġa għal investimenti ġodda.
Minkejja dan l-ottimiżmu madankollu, il-kelma xorta baqgħet li t-titjib se jkun fraġili. Osservaturi tal-ekonomija Ewropea ta’ spiss isemmu kif fl-aħħar snin, kemm-il darba kellna tbassir ta’ titjib ekonomiku li baqa’ ma sarx realtà.

AZIL U IMMIGRAZZJONI

Inzamm dibattitu interessanti fil-Parlament Ewropew nhar l-Erbgħa dwar il-Frontex, l-entità li tħares il-fruntieri tal-Unjoni Ewropa mill-immigrazzjoni llegali u l-uffiċċju tal-azil Ewropew. Ħadt sehem fih.
Zviluppajt l-argument li quddiem l-isfidi taċ-ċaqliq tal-popolazzjonijiet iridu jiġu msaħħa tliet linja ta’ ħidma. L-ewwel, dik tal-viġilanza fuq il-fruntieri tal-Unjoni Ewropea. It-tieni, dik tal-azil, b’regoli trasparenti u raġunati dwar kif il-proċedura tiġi applikata u mħaddma. U fit-tielet post imma mhux l-anqas, dik tal-ħolqien ta’ politika komuni dwar l-immigrazzjonai regolari. Din toffri mod kif dawk il-pajjizi Ewropej li għandhom bzonn zieda fin-numru ta’ ħaddiema se jsibuhom, waqt li tipprovdi mod kif l-immigrazzjoni llegali tiġi mrazzna b’mod sod, trasparenti u uman.

Facebook Comments

Post a comment