Ma kontx waħdi li qiestha sabiħa l-mobilizzazzjoni li seħħet il-ġimgħa li għaddiet ta’ organizzazzjonijiet involuti fl-isport. Ftehmu fuq patt kontra l-korruzzjoni fil-qasam tal-futboll. Rajtha wkoll bħala okkazjoni ironika.
Il-futboll għandu importanza. Ħadd ma jiċħadhielu. Imma l-korruzzjoni għandha għeruq eħxen u usa’ minn hekk.
Aktar ma jgħaddu s-snin minn fuqi, aktar nifhem kemm hi iebsa l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Wisq interessi jridu jzommuha moħbija, taħt kull gvern. Wieħed mill-armi tagħha hu d-dewmien. Jintuza bi proċeduri legali ħalli l-investigazzjonijiet jispiċċaw fir-ramel. Ibatu l-innoċenti għax jibqgħu imtebbgħa. Igawdu l-ħatja anki jekk jibqgħu fil-limbu.
Fl-aħħar snin dal-limbu donnu ħakem diversi kazi gravi: tal-eks kummissarju John Dalli; tal-korruzzjoni fix-xiri taz-zjut mill-Enemalta; tat-taħwid fil-bini tas-soqfa ta’ Mater Dei…

***

EVAZJONI TA’ TAXXA

Il-Parlament Ewropew approva t-twaqqif ta’ kummissjoni fi ħdanu biex tinvestiga l-prattika li biha pajjizi membri tal-Unjoni Ewropea jissettjaw ir-rati ta’ taxxi fuq id-dħul ta’ kumpaniji u individwi reġistrati għandhom.
Ftit taz-zmien ilu, numru ta’ gazzetti xandru patafjun dokumenti li wrew kif fil-Lussemburgu, l-gvern kien jirranġa ma’ kumpaniji multinazzjonali biex jagħtihom rati vantaġġjuzi ta’ taxxa fuq id-dħul. B’hekk evitaw li jħallsu biljuni ta’ ewro f’taxxi fil-pajjizi Ewropej fejn jagħmlu l-qligħ tagħhom. Wara ħarġu aktar dokumenti li wrew kif l-istess ħaġa kienet qed tiġri fil-Belġju fost oħrajn. Imbagħad ġew pubblikati aktar dokumenti li wrew kif il-bank tal-HSBC kien jgħin turrun ta’ klijenti (fosthom entijiet imdaħħla fid-droga u fit-terrorizmu) biex jevitaw it-taxxi. Kien jgħaddihom mill-fergħa tiegħu fl-Isvizzera.
Mhux ta’ b’xejn li dan kollu qajjem rebus. Donna qed ngħixu fi zmien meta l-kbar jixxamplaw bla taxxa, u z-zgħar iġorru l-pizijiet kollha.

***

DISKRIMINAZZJONI

Kien seminar interessanti ħafna fejn id-diskussjoni ppernjat dwar in-nisa u r-rwol li jingħataw fid-dinja tax-xogħol u fit-tmexxija ta’ imprizi u istituzzjonijiet. Inzamm f’lukanda Tas-Sliema u fil-ħin li attendejt għalih, smajt lil għadd ta’ kelliema tassew kapaċi jitkellmu dwar l-esperjenza tagħhom fid-dinja tax-xogħol.
Kienu nisa li qed jagħmlu success u jagħtu kontribut kbir lill-pajjiz. Fissru kif irnexxielhom jaslu u ħeġġu lil nisa oħrajn biex jagħmlu bħalhom.
Milli qalu, deher kif f’ħajjithom kellhom jaffaċċjaw sfidi iebsa.
Għedt lili nnifsi: l-irġiel ma jkollhomx għalfejn jorganizzaw seminars bħal dawn. M’għandhomx għalfejn ikunu “eroj” biex jagħmlu success mill-karriera tagħhom għax isibu strutturi miruta ta’ imġiba u kontroll li jagħtuhom appoġġ.
Ikkonfermajt il-fehma li biex fid-dinja tax-xogħol, tassew issir ġustizzja man-nisa kollha, mhux dawk biss li għandhom stamina u rieda ammirevoli, hemm bzonn tal-kwoti.

Alfred Sant
16 ta’ Frar 2015

Facebook Comments

Post a comment