Resqin lejn in-nofs taċ-ċiklu politiku li fih l-Unjoni Ewropea tmexxi x-xogħol tagħha, talanqas fil-livell tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea. Kwazi sentejn u nofs ilu ċ-ċiklu ġdid skatta bl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.
Fil-bidu tiegħu, kien hemm tamiet li se jseħħ titjib fit-tmexxija tal-Unjoni Ewropea. Kienu għaddew snin ta’ kriżi fiż-żona tal-ewro li matulhom l-Ewropej ipprovaw jikkontrollaw il-ħalel finanzjarji li qamu mis-sena 2008 ’l quddiem, u li għoddhom għarrqu għal kollox ekonomiji sħaħ. Forsi kien se jkun hemm skop u ħin issa biex l-istrutturi ta’ tmexxija taż-żona ewro u tal-Unjoni Ewropea jissaħħu. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea kien se jinħatar minn fost il-mexxejja tal-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew. Intgħazel Jean Claude Juncker li kien fir-ras tal-Partit Popolari fl-elezzjonijiet Ewropej.
Il-Parlament Ewropew innifsu kien se jkun aktar b’saħħtu, aktar jirrifletti d-demokrazija Ewropea u f’qagħda li jiddefendi aħjar l-interessi “Ewropej”. Il-Kummissjoni Ewropea kienet se ssir aktar kredibbli u effettiva, la l-għażla ta’ min imexxiha saret fuq bażi ta’ elezzjoni demokratika. Mill-bidu nett, Jean Claude Juncker wiegħed li l-Kummissjoni kienet se turi ruħha aktar “politika” u anqas mehdija filli toħroġ regolamenti li timponihom fuq il-pajjizi membri.
Illum, fejn waslu dawn il-prospetti?

BIEX JIFTEHMU BEJN 28….27

Sa mill-bidu nett, il-Kunsill Ewropew (u l-Kunsilli li jmorru miegħu tal-Ministri) qiesu b’għajn bierda l-proposta li l-Kummissjoni Ewropea ssir aktar “politika” u l-Parlament Ewropew aktar sod biex iħaddem il-poteri “demokratiċi” tiegħu. Dan deher ċar minn kif kien hemm tqanziħ mhux ħazin qabel in-nomina ta’ Juncker bħala President tal-Kummissjoni Ewropea ġiet milqugħa. U d-diffikultajiet ma qajmuhomx biss l-Inglizi.
Biss, il-Kunsill ġralu bħal ma ġralhom l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra matul dawn l-aħħar sentejn u nofs: malajr spiċċa maqbud jittratta s-sitwazzjonijiet ta’ krizi li bdew jinqalgħu, waħda wara l-oħra. Il-konfront mar-Russja dwar l-Ukrajna u l-Krimeja; il-qagħda mwegħra tal-biedja Ewropea, l-aktar minħabba s-sanzjonijiet Russi; il-krizi politika u finanzjarja tal-Greċja; l-istaġnar ekonomiku u l-qgħad li ma riedx jeħfief, aktar u aktar fost iz-zgħazagħ; it-terrorizmu fil-qalba tal-Ewropa; il-mewġ ta’ immigrazzjoni lejn l-Ewropa; il-Brexit.
Dawn l-izviluppi ħarbtu kull ħsieb li setgħet tiġi zviluppata b’mod kalm u maħsub, xi strateġija ta’ konsolidament u tisħiħ tal-Ewropa. L-ewwel priorità saret dik li l-Unjoni Ewropea tilqa’ kif l-aħjar tista’ għall-problemi li nqalgħu. U jekk kien hemm xi ħaġa li l-membri kollha tal-Kunsill Ewropew dehru li qablu fuqha, din kienet li għandhom izommu d-direzzjoni ta’ xinhu jiġri f’idejhom. Ma stqarrewx dil-ħaġa fil-miftuħ.
Minn krizi għall-oħra, id-deċizjonijiet bdew jittieħdu, jew jeħlu, fil-livell tal-Kunsill. Ta’ spiss, il-problema kienet li bejniethom, l-istati membri ma kinux qed jaslu għal deċizjonijiet sodi. L-aktar li dil-ħaġa ħarġet ċara kien fil-kaz tar-refuġjati u tal-immigrazzjoni llegali.
Matul daż-żmien, issodat bil-kbir, il-qawwa tal-Ġermanja, waqt li Franza ddgħajfet. Anki jekk ma riditx tagħmel hekk, il-Kanċellier Ġermaniza spiċċat dejjem aktar dominanti fid-deċizjonijiet li kellhom jittieħdu mill-Kunsill Ewropew jew tal-Ministri f’isem l-Unjoni Ewropea. Dan ġara fi zmien fejn minħabba l-krizi tal-immigrazzjoni, il-popolarità tal-istess Kanċellier, f’pajjizha stess, majnat sew.U fi zmien ukoll fejn il-pajjizi tal-Est (Ungerija, Polonja, Slovakkja…) bdew jikkontestaw id-deċizjonijiet li l-Kunsill Ewropew/tal-Ministri kien qed jieħu b’mod li jimponilhom, skont huma, x’għandhom jagħmlu.

JIPPROPONU MHUX JIDDISPONU

Sadattant, taħt it-tmexxija ta’ Juncker, il-Kummissjoni Ewropea stinkat biex tilħaq l-għanijiet politiċi li ssettja Juncker. Naqqset il-proposti li tagħmel għal regolamenti ġodda. Neħħiet minn fuq il-mejda ħafna proposti li kienu diġà tressqu. Nediet fond maħsub biex jaġevola l-investimenti fl-Ewropa. Imma maz-zmien beda jidher li f’numru ta’ oqsma, il-Kummissjoni kienet qed taqdef fil-vojt u li f’oħrajn — fejn stenniet li se tkun qed tmexxi hi — spiċċat jew injorata jew bi rwol sekondarju.
Ġara hekk fil-konfront mar-Russja u fil-krizi mal-gvern Grieg tal-ewwel nofs tas-sena 2015, minkejja l-isforzi ta’ Juncker biex ikun “medjatur” bejn il-gvern ta’ Tsipras u l-bqija tal-Ewropej. L-aktar li nħasset il-problema kien fil-krizi tal-immigrazzjoni. Il-proposti tal-Kummissjoni għal kif għandha tiġi ttrattata qalgħu kritika ħarxa u weħlu fil-Kunsill. Imbagħad, il-Kummissjoni spiċċat issegwi u twettaq l-inizjattivi li bdiet tieħu l-kanċellier Ġermaniza, mhux l-anqas fir-rigward tat-Turkija. Kienet qisha qed tieħu ħsieb id-dettalji ta’ negozjati li Merkel tkun varat.
Uffiċjalment, l-affarijiet ma jiġux imfissra b’dal-mod. Il-Kummissjoni ssostni li l-proposti tagħha qed jitwettqu imma b’dewmien. Qed ikun hemm progress, bħal fil-mod kif iz-zona tal-ewro qed tirkupra, anke jekk bil-mod, jew bħal f’kif qed tiġi mizmuma l-krizi fil-biedja Ewropea.
Juncker innifsu ġie kkritikat li qed jaqta’ qalbu jew li qed jitgħażżen, u li mhux qed ikun moħħu hemm. Meta jitkellem ta’ spiss juri ruħu bħala federalist konvint, u dan qed ibiegħed mill-Kummissjoni gvernijiet li xejn ma jaqblu mal-linja tiegħu. Skont uħud, kien fattur, bid-dikjarazzjonijiet tiegħu waqt il-kampanja tar-referendum dwar il-Brexit, li kkonvinċa lil bosta Inglizi li jekk jibqgħu fl-Unjoni Ewropea, pajjizhom se jsir parti minn Ewropa magħquda għal kollox.
Matul ix-xhur, Juncker ma qagħadx lura milli jwieġeb għal din il-kritika. Kollox ma’ kollox imma, l-fatt hu li fir-rizultati miksuba minnha, il-Kummissjoni Ewropea mhijiex tilħaq il-miri li ssettjat fil-bidu tal-mandat tagħha.

DEMOKRAZIJA EWROPEA?

Dawn l-izviluppi, kif ma setax jonqos, affettwaw il-Parlament Ewropew. Din tibqa’ l-aktar istituzzjoni dgħajfa fl-istruttura Ewropea, għax ftit għandha poteri effettivi. Imma hi l-aktar waħda li toħloq publiċità għaliha nnifisha u għall-hekk imsejjaħ “proġett Ewropew”. Fl-aħħar ħames snin, kemm ilu President tagħha s-soċjalista Martin Schulz, il-profil politiku tal-Parlament baqa’ jikber. Schulz wera ħila kbira filli jiġbed lejh u lejn il-Parlament l-interess tal-midja u ta’ politiċi ewlenin. Dan ġablu appoġġ u kritika f’kejl ugwali.
Biss id-deċizjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas l-inizjattivi tagħha għal regolamenti ġodda ġiet tfisser ukoll li x-xogħol fi ħdan il-Parlament ukoll naqas sew. Skont Juncker, il-Kummissjoni qed toħroġ regolamenti ġodda bir-rata ta’ 80 fil-mija anqas milli kien isir qabel. Dan in-nuqqas ta’ materjal leġislattiv li jiġi quddiemhom ma qatax il-qalb ta’ parlamentari Ewropej biex jivvintaw ħidma ġdida. Per ezempju, dwar l-izvilupp futur taz-zona tal-ewro, fuq inizjattiva tal-Parlament qed jitħejjew xi tliet rapporti li qed joħolqu ħafna diskussjoni u negozjati bejn il-gruppi politiċi. Kemm se jaslu ’l bogħod wara li jkunu tlestew – dik kwistjoni oħra.
Għalhekk, meta faqqgħu l-iskandli tal-Luxleaks u tal-karti tal-Panama, deputati Ewropej sabu fihom materja prima eċċellenti biex ikunu jistgħu jibnu rankatura politika ġdida fuq skala Ewropea. Il-kumitati tal-Parlament li twaqqfu biex jinvestigaw l-iskandli, ħalqu xogħol u diskussjonijiet ġodda fil-Parlament li għadhom ibaqbqu sal-lum.
Sadattant, biex jasal għad-deċizjonijiet tiegħu, il-Parlament qed jiddependi ħafna fuq koalizzjoni informali bejn l-akbar zewġ gruppi politiċi tiegħu: il-popolari minn naħa, u s-soċjalisti u d-demokratiċi mill-oħra. Dan qed iwassal ta’ spiss għal kompromessi li jdejqu numru ta’ membri miz-zewġ naħat. Madankollu, jekk dawn il-kompromessi ma jsirux, il-Parlament jispiċċa ma jistax jieħu deċizjonijiet għax ma jkollu l-ebda maġġoranza fih għal deċiżjoni jew oħra – ħaġa li ħafna ma jridux. Jekk il-Parlament Ewropew jispiċċa mblokkat fid-deċizjonijiet tiegħu, jitqawwa l-argument ta’ dawk fl-Ewropa li jarawh bħala istituzzjoni ta’ ftit siwi.
Biss id-dehra li qed jagħti ta’ miġemgħa fejn id-deċizjonijiet jittieħdu bejn zewġ “partiti” kbar f’negozjati li ħadd ma jifhem kif jizvolġu, ukoll mhix qed issaħħaħ ir-reputazzjoni tal-Parlament.

***

Fil-qosor, konkluzjoni dwar l-izviluppi tal-aħħar sentejn u nofs tista’ tkun din: hu l-Kunsill Ewropew (u tal-Ministri) li afferma l-poteri u s-saħħa politiku tiegħu, b’kuntrast maz-zewġ istituzzjonijiet l-oħra, li dehru mdgħajfa. Imma minkejja dawn il-poteri u s-saħħa politika li l-Kunsill qed jiġbor fi ħdanu, xorta waħda qed ikun hemm diffikultajiet kbar biex l-Ewropa tasal malajr bi qbil għal deċizjonijiet effettivi.

Facebook Comments

Post a comment