Fi ftit jiem, l-elettorat tar-Renju Unit jivvota f’referendum dwar jekk għandux jibqa’ fl-Unjoni Ewropea jew le. Bħala t-tieni jew it-tielet l-akbar ekonomija fl-Unjoni (skont kif tkejjel il-ħidma ekonomika), id-deċizjoni se taffettwa bil-kbir lill-popli tar-Renju Unit u tal-bqija tal-Unjoni.
Inżammu ħafna referenda kemm ilha mwaqqfa fl-Unjoni Ewropea. Għall-ewwel snin, u sa ftit ilu, kienu kollha jintrebħu minn dawk li jkunu jridu jsostnu, jkabbru jew isaħħu l-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar snin, beda jiġri bil-maqlub u diversi proposti “Ewropej” ġew miċħuda mill-elettorati nazzjonali. L-aħħar wieħed kien fl-Olanda fejn il-vot ittieħed biex dak il-pajjiż ma jirratifikax ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna.
Madankollu, ir-referendum Ingliż żgur jitqies bħala l-aktar wieħed importanti li sar fl-Unjoni Ewropea sa issa. Il-proposta li r-Renju Unit jitlaq mill-Unjoni, jekk tgħaddi, tibdel bil-kbir il-karattru tal-Unjoni, kemm politikament, kemm ekonomikament; u anki jekk ma tgħaddix. Tajjeb li naraw x’jistgħu jkunu dawn il-bidliet. Id-diskussjoni dwarhom kienet ukoll parti mill-kontroversji li żviluppaw matul il-kampanja bejn iċ-ċittadini li huma favur il-Brexit, u dawk li huma favur li r-Renju Unit jibqa’.

L-ANDAMENT TAL-KAMPANJA

Jidher li dwar jekk iridux jibqgħu jew jitilqu mill-Unjoni Ewropea, l-votanti qed jinqasmu f’żewġ gruppi ċari: dawk li huma aktar anzjani, li joqogħdu lejn in-nord tal-pajjiż (ħlief l-Iskozja) u barra mill-ibliet il-kbar itendu li huma favur il-Brexit; dawk li huma aktar żgħażagħ, u joqogħdu fiċ-ċentru jew fis-sud tal-pajjiż, l-aktar fil-bliet il-kbar, x’aktarx li jridu jibqgħu. Il-problema f’dan għall-kamp ta’ dawk li jridu jibqgħu hi li fost iż-“żgħażagħ” hemm tendenza akbar li ma jmorrux jivvotaw.
Matul il-ġimgħat li għaddew, dawk li huma favur li jibqgħu, fuq quddiem nett il-Prim Ministru Ingliż Cameron, emfasiżżaw kemm is-sħubija hi meħtieġa biex l-ekonomija Brittanika tibqa’ qawwija. F’dil-linja, daħlu numru ta’ mexxejja finanzjarji u ekonomiċi biex ibassru gwaj kbir għar-Renju Unit jekk joħroġ. Dawk li jridu l-Brexit saħqu fuq il-punt li barra l-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit xorta jmur tajjeb ekonomikament, għax ikollu rajh f’idejh. Biss tal-Brexit għafsu l-aktar fl-aħħar ġimgħat dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni. U rnexxielhom iċaqalqu l-opinjoni publika favur tagħhom bl-għajta li bir-Renju Unit barra, l-gvern tiegħu jkun jista’ jiddeċiedi hu, kif irid, dwar il-kontrolli fuq l-immigrazzjoni.
Fl-aħħar żmien, il-kamp ta’ kontra l-Brexit beda jibża’ li r-riżultat se jdur favur. Bdew jakkużaw lill-Partit Laburista Ingliż, u lill-mexxej Laburista Jeremy Corbyn, li qed jikkampanjaw kontra l-Brexit b’nofs qalb.
Il-verità hi li sal-aħħar, l-istħarriġ tal-opinjoni publika juri li l-appoġġ għal naħa u oħra jinsab kważi l-istess. U għalhekk il-mistoqsija aktar issir akuta: bil-Brexit jew mingħajru, x’jista’ jiġri?

X’JIĠRI JEKK IL-BREXIT JITLEF?

Ir-Renju Unit jibqa’ jieħu sehem fil-ħidma tal-Unjoni imma jkompli jinqata’ minn kull inizjattiva kbira maħsuba biex iddaħħal għaqda dejjem aktar “profonda” fost il-membri tal-Unjoni. Dan ikun ifisser li r-Renju Unit zgur li “qatt” ma jsir membru taz-zona ewro imma jkun f’pozizzjoni aktar qawwija biex jara li l-izviluppi li jseħħu fiz-zona ma jaffettwawhx ħazin. F’dan x’aktarx li jibda jsib aktar appoġġ minn pajjizi bħall-Polonja, l-Ungerija u r-Republika Ċeka.
Il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tkun influwenti l-aktar fl-oqsma ta’ zvilupp tas-suq komuni, li l-Brittaniċi dejjem qablu li għandu jissaħħaħ. Hawn, wieħed jistenna li jiġbdu għat-twettiq tas-suq wieħed fil-qasam tas-servizzi, waqt li jaraw kif ikomplu jikkonsolidaw u jsaħħu d-dominanza tagħhom fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. F’das-sens isir interessanti l-“merger” li kien qed jiġi diskuss bejn il-borza tal-ishma ta’ Londra u dik ta’ Berlin.
Min-naħa l-oħra, wieħed jistenna li r-Renju Unit isaħħaħ il-kamp ta’ dawk il-membri tal-Unjoni li jridu kontrolli akbar fuq l-immigrazzjoni minn barra l-Unjoni. Imma fuq dal-punt ikollu konflitti mal-istess alleati tiegħu fl-Unjoni, meta u jekk idaħħal aktar kontrolli fuq immigrazzjoni lejh minn pajjizi membri tal-Unjoni.
F’qafas wiesa’, ir-riżultat għandu jsaħħaħ il-fiduċja ekonomika kemm fir-Renju Unit u kemm fil-bqija tal-Unjoni għax ikun tneħħa sors qawwi ta’ inċertezza dwar il-futur tal-Unjoni, inċertezza li ilha sservi ta’ xkiel fuq id-deċiżjonijiet Ewropej. Wieħed ikun irid jara jekk dan itejjibx minnufih l-andament ekonomiku fl-Ewropa b’mod sostanzjali. Probabbli li iva.

X’JIĠRI JEKK IL-BREXIT JIRBAĦ?

Istituzzjonalment, jinfetħu negozjati dwar kif se jiġi organizzat il-ħruġ tal-pajjiz mill-Unjoni. Dan ikun proċess komplikat, peress li issa għaddew ħafna snin minn meta r-Renju Unit daħal membru. Ħafna oqsma ta’ tmexxija fil-pajjiz u tal-Unjoni huma marbuta flimkien fuq firxa wiesgħa ta’ mizuri u deċizjonijiet. In-negozjati jieħdu talanqas sentejn jew aktar. Isir problematiku s-sehem ta’ ċittadini Brittaniċi fil-ħidma tal-Unjoni – bħall-Kummissarju Ingliz, id-deputati Ewropej, il-funzjonarji, imħallfin u ċittadini Brittaniċi oħra infilzati fl-istituzzjonijiet Ewropej.
Mhux ċar lejn fejn ikunu mmirati dawn in-negozjati. It-tendenza min-naħa tal-Ewropej għall-bidu x’aktarx tkun li jinsistu fuq kondizzjoniiet iebsa jekk ir-Renju Unit se jippretendi, kif zgur jagħmel, li jkollu aċċess għas-suq wieħed Ewropew. Maz-zmien, l-Ewropej x’aktarx li jrattbu l-pozizzjoni tagħhom u n-negozjati jersqu lejn soluzzjoni bħal dik li tapplika għan-Norveġja. Dal-pajjiz għandu aċċess għas-suq wieħed Ewropew u jħallas kull sena “mizata” għal dan id-dritt. Wieħed jistenna li f’negozjati hekk, l-Ewropej jaraw kif ipoġġu xkiel ġodda fuq is-servizzi finanzjarji Brittaniċi, biex jagħtu spinta aktar qawwija lill-iżvilupp ta’ servizzi finanzjarji kontinentali.
Tista’ tqum kumplikazzjoni f’dan ix-xenarju madankollu. Matul il-kampanja tar-referendum, fl-argumenti favur il-Brexit saret insistenza li bir-Renju Unit barra l-Unjoni, anki l-immigrazzjoni mill-Ewropa tkun tista’ tinżamm. Dan ikun ifisser li r-Renju Unit ikun qiegħed iħott wieħed mill-pilastri tas-suq wieħed Ewropew — il-moviment ħieles tal-persuni. F’dal-każ allura, anki l-aċċess għas-suq wieħed Ewropew mir-Renju Unit, u kif se jingħata, isir soġġett diffiċli għan-negozjati, fejn l-Ewropej jassumu mbagħad pożizzjoni ħafna aktar iebsa lejn ir-Renju Unit. Hekk għamlu fl-aħħar sentejn fir-rigward tal-Isvizzera.
Bil-Brexit, il-prospetti ekonomiċi fl-ispazju Ewropew jeħżienu f’perspettiva qasira ta’ żmien. Mhux biss tinħoloq inċertezza dwar kif se jsir id-“divorzju”, imma l-Unjoni Ewropea titpoġġa quddiem kriżi politika dwar il-futur tagħha, li taffettwa mbagħad l-andament ekonomiku tagħha.
Madankollu, it-tbassir ta’ xi xenarju li jixbah l-aħħar tad-dinja hu esaġerat. Fuq skala ta’ erba’ għal ħames snin, iż-żewġ naħat, iddotati kif inhuma bi kwalitajiet ekonomiċi u soċjali mhux żgħar, jistgħu t-tnejn ikunu reġgħu qed jirrankaw ekonomikament. L-Unjoni Ewropea tkun tista’ qed tiżviluppa l-istrutturi tagħha b’mod aktar koerenti, waqt li r-Renju Unit ikun sab postu bħala pajjiż mezzan li jispeċjalizza f’negozji u servizzi “offshore”.

X’INHU FL-INTERESS TA’ MALTA F’DAN KOLLU?

Malta jaqblilha li r-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni Ewropea, għalkemm direttament il-Brexit minnu nnifsu, ftit jaffettwaha ekonomikament, f’perspettiva medja u tat-tul (ħlief għall-fatt li jekk għal xi żmien, imajnaw l-ekonomiji tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju Unit, tagħna tiskossja xi ftit ukoll).
Bir-Renju Unit barra l-Unjoni Ewropea, il-vuċijiet fi ħdanha favur it-tmexxija “liberali” tas-settur tas-servizzi finanzjarji jiddgħajfu bil-kbir. Ukoll, f’ħafna mill-kwistjonijiet dwar it-tmexxija tas-suq wieħed Ewropew, bħal fit-tmexxija tal-VAT, l-interessi ta’ Malta sa issa kienu simili għal tar-Renju Unit — u dwarhom l-appoġġ Britanniku jintilef.
Wara Brexit, id-dominanza Tedeska-Franciża ssir qawwija wisq; jew forsi wieħed aħjar jgħid id-dominanza Ġermaniża għax fl-aħħar snin, leħen Franza ddgħajjef bil-goff fl-Unjoni Ewropea.

Facebook Comments

Post a comment