Sa ftit taż-żmien ilu, kien hemm sens ta’ ottimiżmu fiż-żona tal-ewro. It-titjib ekonomiku kien ilu mat-tliet snin jew aktar għaddej, ħaġa li ġġagħlek taħseb li daqt l-affarijiet se jiħżienu, skont iċ-ċiklu ekonomiku “normali”. Biss, il-bassara u l-mexxejja tan-negozji baqgħu jħossu li l-affarijiet kienu għadhom pożittivi. It-tkabbir ekonomiku speċjalment tal-pajjiżi membri l-kbar kien mistenni jibqa’ sostnut waqt li l-qgħad baqa’ jonqos.
Fi ftit ġimgħat madankollu din l-istampa nbidlet. Fl-aħħar xhur tas-sena li għaddiet l-ekonomija Ġermaniża kienet qed tikkalma. It-tkabbir tagħha għall-ewwel nofs ta’ dis-sena se jkun ħafna anqas milli mistenni. Hemm min qed jgħid l-istess għal Franza. Sadattant, hu konfermat li fl-Italja l-ekonomija ċkienet għat-tieni darba wara l-oħra. B’hekk tinsab f’li tissejjaħ reċessjoni… kelma li fl-aħħar żminijiet kienet intesiet.
Jidher li numru ta’ fatturi jaħtu għal dat-taħsir. Kull wieħed waħdu ma kienx jagħmel wisq differenza imma meħuda flimkien, jagħmlu. Per eżempju, baqgħet għaddejja inċertezza dwar xinhi tassew il-politika Amerikana taħt il-President Trump dwar il-kummerċ barrani. Trump se jwassal sal-aħħar il-pressjoni tiegħu favur protezzjoniżmu fis-suq Amerikan? Għal xi żmien kien hemm il-ħsieb li wara d-diskussjonijiet li kien mexxa miegħu l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker seta’ jinstab ftehim ta’ malajr bejn l-Amerikani u l-Ewropej dwar kif se jirregolaw il-kummerċ ta’ bejniethom. Imma dal-ftehim għadu pendenti. Fl-istess ħin, l-Istati Uniti xejn mhuma japprezzaw l-isforzi li qed jagħmlu l-Ewropej (jew uħud minhom) biex idaħħlu taxxa fuq il-bejgħ tal-kumpaniji “diġitali” l-kbar, kollha Amerikani, bħal Google u Facebook.
Iċ-Ċina wkoll qed ikollha d-diffikultajiet tagħha mal-President Trump. Li qed jaffettwa l-prospetti tal-ewro hu l-fatt li t-tkabbir ekonomiku fiċ-Ċina naqqas il-pass. Issa dal-pajjiż kontinent jirrapreżenta suq tal-esportazzjoni qawwi għall-Ewropej. Waqt li hi l-akbar ekonomija tal-ewro, il-Ġermanja saret tistrieħ ħafna fuq il-bejgħ lejn iċ-Ċina.
Fattur ieħor li kompla jgħarraq il-qagħda joħroġ mill-inċertezzi qawwija dwar il-Brexit. Mhux biss kien hawn u għad baqa’ nuqqas ta’ fehma ċara dwar kif it-tluq tar-Renju Unit mis-suq wieħed Ewropew se jolqot lil dal-pajjiż u lill-bqija tal-Ewropa. Aktar minn hekk, ħadd ma jista’ jbassar kif se jispiċċaw in-negozjati. Kibret il-possibiltà li mhux se jintlaħaq ftehim. Naturalment, dan kompla jżid fl-inċertezzi, li jaffettwaw imbagħad il-prospetti ekonomiċi.
Terġa’ fi ħdan iż-żona tal-ewro, kif diġà semmejna, tnejn mill-akbar ekonomiji ma tantx jidhru li sejrin tajjeb. Fl-Italja l-affarijiet ilhom għan-niżla speċjalment bl-inċertezzi li qamu meta l-gvern tal-Lega u tal-Ħamest Ikwiekeb ippreżenta baġit li l-Kummssjoni Ewropea ma aċċettatx. U fi Franza, il-qawmien tal-moviment ta’ protesta tal-ġakketta safra qanqal diffikultajiet finanzjarji kbar għall-gvern Franċiż. Madankollu, ekonomiji oħra fiż-żona tal-ewro, iċken minn ta’ Franza u l-Italja, naqqsu huma wkoll fir-rankatura tagħhom.
Waħidha tqum il-mistoqsija: iż-żona tal-ewro tinsab f’xi periklu bħal dak tal-2008? Minn dak iż-żmien lil hawn, inbnew strutturi ta’ ħarsien biex jilqgħu għall-kriżijiet finanzjarji li jistgħu jaffaċċjaw il-gvernijiet. L-istess beda jsir fir-rigward tal-banek għalkemm hawn, il-ħidma waqgħet lura. Għad hemm biża’ dwar ħafna banek li jekk jinqalagħlhom il-għawġ, se jkollhom xorta waħda jduru lejn il-gvernijiet tagħhom biex ikampaw. U biex inkunu għadna kollox, fl-aħħar ġimgħat il-midja bdiet ssemmi każi ta’ banek li xejn mhuma juru riżultati sbieħ.
Xi osservaturi ilhom ifissru inkwiet dwar kif tista’ tinqala’ kriżi għall-ewro li għaliha l-istrutturi ta’ ħarsien li ttellgħu sa issa mhumiex qawwija biżżejjed. Is-sħab qed jinġema’ veru, imma sa issa jidher li bid-digi li diġà nbnew, iż-żona tal-ewro għandu jkollha bhiex tilqa’ għat-tempesta li tista’ tqum.

***

IL-QAGĦDA FIL-PARLAMENT EWROPEW

Wieħed jifhem għaliex il-Parlament Ewropew — la jinsab fl-aħħar ġimgħat tal-ħajja tiegħu — qed jagħmel minn kollox biex iwassal sal-aħħar riżoluzzjonijiet u miżuri li ilu jħejji u jiddibatti. Irrapportajt dwar hekk fir-rendikonti qosra dwar xi nkun qed nagħmel fil-Parlament Ewropew li noħroġ ta’ kull nhar ta’ Ħamis fuq Facebook. Madankollu hu dubjuż kemm se jirnexxu sforzi li kellhom isiru biex iwasslu sal-aħħar proġetti “kbar” li l-Parlament Ewropew tahom importanza. Hemm riformi fit-tmexxija taż-żona tal-ewro li ilhom għad-diskussjoni u mhux se jitwettqu fiż-żmien li fadal. L-istess ħaġa tgħodd għad-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu dwar kif se jintużaw il-fondi Ewropej bejn is-snin 2020 u 2027.
Kulħadd qed jistenna bidla mhux żgħira fil-komposizzjoni tal-Parlament wara l-elezzjonijiet ta’ Mejju. Bħalissa hemm tmien gruppi politiċi fih, bi dsatax-il deputat biss minn totall ta’ 751 li jaħdmu għal rashom, bla ma huma affiljati mal-ebda grupp. L-aqwa gruppi huma tal-Popolari (216 deputat), tas-soċjalisti u d-demokratiċi (189), u tal-ECR – konservattivi nazzjonalisti (74). Ħafna osservaturi qed jistennew li l-Popolari jnaqqsu s-siġġijiet, speċjalment fi Franza, minn fejn bħalissa għandhom 20 deputat, l-Italja (għandhom 15) u anke l-Ġermanja (34).
Imma l-akbar daqqa mistennija għas-soċjalisti, li minħabba l-Brexit se jitilfu l-kontinġent Ingliż (20 deputat) barra milli għandhom il-biża’ li se jmorru ħażin fl-Italja, Franza u anke l-Ġermanja minn fejn illum għandhom rispettivament 30, 13 u 27 deputat. (Dawn iċ-ċifri jirreferu għal minn fejn telqu l-grupp politiċi fil-bidu ta’ dan il-mandat. Matulu kien hemm deputati li ċċaqalqu minn grupp għal grupp. Dan ġara ngħidu aħna fid-delegazzjonijiet soċjalisti ta’ Franza u l-Italja.)
Sadattant, għalkemm l-elezzjonijiet Ewropej jinżammu skont is-sistema ta’ rappreżentanza proporzjonali, fil-maġġoranza kbira tal-pajjiżi, din titħaddem b’mod kompletament differenti minn kif nużawha aħna. Il-partiti jingħataw siġġijiet mit-totall li jkollu l-pajjiż fl-istess proporzjon tal-voti li jkunu ġabu mill-voti mixħuta. Dawn is-siġġijiet jingħataw lill-kandidati tal-partiti skont kif ikunu f’lista li jħejji l-partit tagħhom. Jekk il-partit iġib 10 siġġijiet, l-ewwel għaxar kandidati mniżżla fuq il-lista tiegħu awtomatikament jinħatru deputati Ewropej.
Fil-fehma ta’ ħafna, dan qed iwassal biex id-deputati Ewropej jibqgħu maqtugħin miċ-ċittadini li jivvotawlhom. Dawk li jkunu fil-quċċata tal-lista tal-partit tagħhom ikunu assigurati li se jitilgħu u anke fil-kors tal-kampanja elettorali m’għandhomx għalfejn jistinkaw wisq! Mentri min jispiċċa taħt fil-lista, għid li tilef is-siġġu. Hekk ġaralu ħabib tiegħi fil-Parlament li sab li poġġewh numru 20 fil-lista tal-partit. Jaf li ftit li xejn għandu ċans jerġa’ jitla’.
Ilment ieħor li jitqajjem dwar l-elezzjonijiet hu li m’hemmx bilanċ bejn id-deputati ta’ pajjiżi kbar u dawk ta’ pajjiżi żgħar. Jintqal per eżempju li elettur f’Malta jiswa daqs għaxar eletturi Ġermaniżi. Kull deputat Ġermaniż jirrapreżenta għaxar eletturi għal kull wieħed tad-deputat Malti. Ir-raġuni hi li hemm regoli li jassiguraw li kull pajjiż, żgħir kemm hu żgħir, ikollu numru minimu ta’ siġġijiet – bħal fil-każ tagħna, minimu ta’ sitta. Għalkemm hemm tgergir dwar dan l-arranġament, diffiċli tara kif jista’ jsir mod ieħor, sakemm l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jibqgħu jsiru separatament f’kull pajjiż.
Biex wieħed ikun qal kollox, sa issa għadu ma jidhirx li l-kampanja għall-Parlament Ewropew “ħadet”. L-affarijiet għadhom kajmani u nieqsa mir-rankatura. Donnu li għadu ż-żmien ta’ manuvrar u kalkoli dwar lejn fejn il-partiti għandhom jiġbdu. Dan jinħass sew fi Franza u l-Ġermanja pereżempju, imma wkoll f’pajjiżi iżgħar, anke f’Malta. Mill-ġdid, hemm min qed jinkwieta dwar hekk. Jibża’ li ftit wisq votanti se joħorġu jivvotaw. Minn kemm ilhom isiru, il-parteċipazzjoni tal-popli fl-elezzjonijiet Ewropej baqgħet baxxa. Il-biża hu li did-darba tispiċċa fost l-aktar baxxi mill-elezzjonijiet li nżammu sa issa.

Facebook Comments

Post a comment