IL-QAGĦDA TAŻ-ŻONA TAL-EWRO (2)

L-attenzjoni taċ-ċittadini tagħna hi naturalment mitfugħa fuq it-tellieqa elettorali fejn il-Partit Laburista qed imexxi kampanja eżemplari. Wieħed jifhem li fi żmien bħal dan diskors dwar suġġetti oħra ftit iqajjem interess.
Min-naħa l-oħra, l-anqas jaqbel ninsew li lil hinn minn dil-gżira, il-ħajja tibqa’ għaddejja. U allura xieraq li f’dil-paġna, għal min jinteressah, inkomplu wkoll insegwu xinhu għaddej fuq barra, fl-Ewropa u l-bqija.
Ġimagħtejn ilu, tajna l-ewwel ħarsa lejn il-qagħda taż-żona tal-ewro llum. Rajna kif kien hemm titjib ċar fil-finanzi tal-gvernijiet, u kif it-tkabbir ekonomiku qed jieħu r-ruħ. Baqa’ problemi serji madankollu fir-rigward ta’ Spanja, Franza u l-Italja, li jiġu l-akbar pajjiżi wara l-Ġermanja fiż-żona.
Illum tajjeb li nagħtu ħarsa aktar mill-qrib lejn x’kienu l-miżuri li ttieħdu fl-aħħar snin biex isostnu l-binja tal-ewro. Naraw sa fejn waslu l-isforzi li tnedew għal dan il-għan.
Kienu ħidmiet li tmexxew fuq tliet binarji.

REGOLI DWAR TMEXXIJA TAL-FINANZI

L-ewwel wieħed, u l-aktar wieħed importanti, kien dak li bih kellu jiġi żguirat li r-regoli dwar it-tmexxija tal-finanzi mill-gvernijiet taż-żona tal-ewro jiġu rispettati tassew. Sa mill-bidu nett, iż-żona tal-ewro twaqqfet skont il-ħsieb li għalkemm fil-pajjiżi membri tagħha se jkun hemm l-istess munita li tintuża minn kulħadd, ma kienx se jkun hemm gvern ċentrali wieħed b’baġit tiegħu li jiddeċiedi kif titmexxa l-istess politika ekonomika u finanzjarja maż-żona kollha. Il-gvernijiet tal-pajjiżi differenti kienu se jżommu l-poter li jiddeċiedu fuq politika tagħhom dwar tmexxija ekonomika u dwar finanzi li tirrifletti l-ħteġiet nazzjonali. B’ċertu mod, dan kien non-sens: jekk fuq firxa ta’ art, għandek l-istess munita, suppost li jkollok ukoll l-istess tmexxija ekonomika u finanzjarja, għax inkella kollox jista’ malajr jitħarbat.
Biex jilqgħu għal dil-problema, il-fundaturi taż-żona tal-ewro fasslu Patt sejħulu huma, dwar it-Tkabbir Ekonomiku u l-Istabbiltà li kull min jidħol membru fiż-żona kellu jsegwi. Dal-patt, fost kundizzjonijet oħra, ssettja l-miri li kull membru kellu jirrispetta waqt li jmexxi l-politika separata tieghu. Miri bħal li: l-għoli tal-ħajja ma setax jaqbeż it-3 fil-mija fis-sena; id-dejn nazzjonali kellu jinżamm taħt is-60 fil-mija tal-valur tal-ekonomija kollha tal-pajjiż; il-baġit tal-gvern ma setax jispiċċa b’defiċit ta’ aktar minn 3 fil-mija tal-valur tal-ekonomija kollha tal-pajjiż, u kellu juri impenn kontinwu biex id-dejn nazzjonali jitnaqqas. Qabel pajjiż jidħol membru ġdid fiż-żona tal-ewro, kellu juri li qed jilħaq dawn il-miri. Kull pajjiż membru taż-żona kien se jkun responsabbli sal-aħħar biex jiżgura li r-regoli taż-żona qed ikunu rispettati.
Fit-tmexxija tagħhom wara li telqet iż-żona tal-ewro, il-gvernijiet konċernati ftit li xejn osservaw dawn ir-regoli. U ma kien hemm xejn li jġagħalhom josservawhom, jew li “jikkastigahom” jekk ma jagħmlux dan. Għal ftit tas-snin, dil-ħaġa baqgħet sejra bla wisq problemi. Imbagħad, skattat il-kriżi finanzjara tal-2008, u kif nafu, kollox kien se jikkollassa. Uħud mill-gvernijiet inqabdu b’ħofor finanzjarji kbar. Biex jimlewhom b’self, kellhom jidħlu għal djun u piżijiet ta’ imgħax li jaqsmu s-sinsla. Oħrajn kellhom iħarsu l-banek tagħhom billi jippompjawlhom il-biljuni tal-ewro, tant li kienu se jispiċċaw huma stess falluti.

TASSATTIVI

Għall-ewwel intqal li kull pajjiż irid jara kif se jsolvi l-problemi tiegħu hu waħdu. Imbagħad speċjalment bil-każ tal-Greċja, deher sew li jekk se jfalli pajjiż fiż-żona ewro, il-munita Ewropea nnifisha kienet se tirriskja li tikkollassa. Allura l-pajjiżi membri qablu li jsellfu l-biljuni lill-pajjiżi milquta biex ikunu jistgħu jilqgħu għall-maltemp. Għal dan saħqu li min se jirċievi s-self, kellu jieħu mizuri iebsa biex jikkoreġi l-problemi li qed jaffaċċja.
Dan ta spunt biex – imbuttati l-aktar mill-Ġermanzja – il-pajjiżi tal-ewro jdaħħlu bejniethom miżuri li bihom kienu se jwettqu tassattivament il-kundizzjonijiet tal-Patt ta’ Tkabbir Ekonomiku u Stabbiltà, u mhux jinjorawhom. Issa ddaħħlet sistema regolari ta’ kull sena, li biha l-Kummissjoni Ewropea tifli l-ekonomija u l-baġit tal-pajjizi kollha, tagħti “pariri” dwar x’għandu jsir mill-gvernijiet, u fejn l-affarijiet jibdew jeħżienu finanzjarjament, tidħol b’saħħa biex tinsisti li jiġu korretti.
Dawn l-arranġamenti qed jaħdmu pjuttost tajjeb. Kif rajna ġimagħtejn ilu, il-maġġoranza tal-pajjiżi involuti issa jew jinsabu f’bilanċ jew minn fuq fid-dħul u l-ħruġ tagħhom ta’ kull sena. Biss, qed jiġri wkoll li meta l-pajjiz li jkun se jikser ir-regoli jinzerta miċ-ċkejkna, ir-regoli jitħaddmu malajr u b’reqqa. Malli l-pajjiż konċernat ikun wieħed mill-kbar nett, allura jibda t-titubar…

GĦAQDA BANKARJA

Sadattant, qam l-argument li ż-żona ewro kellha tħares lilha nnifisha mill-kriżijiet li jinqalgħu meta xi bank jew ieħor jidħol fi problemi li ma jistax iġorr u gvern jiddeċiedi li ma jistax iħallih ifalli. Biex isalvah, jista’ jiġbed fuqu u fuq iż-żona tal-ewro piżijiet finanzjarji qawwija (kif ġara wara l-2008). Allura hawn ħarġu proposti biex titwaqqaf unjoni bankarja fuq sisien Ewropej. Din kellu jkollha regoli komuni għat-tmexxija tal-banek u tipprovdilhom fejn xieraq, ħarsien mill-gwaj finanzjarji, mingħajr ma jkollhom għalfejn jindaħlu l-gvernijiet.
L-għaqda bankarja kellha titwaqqaf b’dal-mod: l-ewwel issir rassenja tal-banek Ewropej li fuq bażi nazzjonali jew Ewropea jitqiesu bħalha “importanti”. Huma jiġu miflija wieħed wieħed biex jiġi determinat kemm, fi kriżi finanzjarja, jkunu kapaċi jkampaw. Imbagħad twaqqfet awtorità ta’ sorvelja biex regolarment tifli t-tmexxija tal-banek, u tiżgura kemm jista’ jkun li qed jaħdmu b’mod prudenti. Filfatt, dil-ħidma telqet u tħalliet lill-Bank Ċentrali Ewropew biex jieħu ħsiebha hu. Fit-tielet post, kellha titwaqqaf awtorità oħra b’fondi tagħha. Meta tqum kriżi f’xi bank, ikollha l-poteri tiddeċiedi jekk bank għandux jingħata għajnuna jew le, u jekk iva tipprovdilu fondi biex ma jegħriqx.
Dan kellu jfisser li l-istess awtorità tiġi ddotata b’kapital tagħha, li ma setax ikun ftit. Saru negozjati twal bejn il-pajjiżi membri taż-żona ewro dwar kif se jinstabu l-flejjes meħtieġa. L-arranġament kien li l-fondi jinbnew fuq numru ta’ snin u kemm jista’ jkun jinġemgħu per mezz ta’ kontribuzzjonijiiet mill-istess banek. Dan il-proċess ta’ ġbir ta’ fondi għadu għaddej u baqagħlu s-snin biex jintemm. Ħaġa li tfisser li meta tinqala’ xi problema kbira f’xi bank… bħal ma qed jiġri fil-bank Taljan Monte dei Paschi di Siena… il-gvernijiet xorta għadhom jistgħu ikollhom jidħlu fil-mira.

GARANZIJI FUQ DEPOŻITI

Imbagħad kien hemm it-tielet riġel li fuqu kellha tittella’ l-unjoni bankarja: sistema Ewropea li tiggarantixxi lid-depożitanti li jekk ifallu l-bank fejn ipoġġu flushom, jingħataw lura d-depożiti tagħhom kollha. F’dal-qasam, tista’ tgħid li għadu ma sar xejn. Raġuni ewlenija għal dan hi li l-Ġermanja mhijiex favur il-proposta. Tqis li se tispiċċa hi ġġorr l-aqwa spiża għaliha, waqt li mhux il-banek kollha fil-pajjiżi tal-ewro jsegwu tajjeb ir-regoli tal-prudenza kif tħaddimhom hi. U minkejja f’hekk, xorta tispiċċa hi li jkollha tagħmel tajjeb għall-iżbalji tagħhom. Sakemm il-Ġermanja ma tibdilx il-fehma tagħha, ftit jista’ jsir progress fuq das-suġġett, ħaġa li qed turta lil uħud mill-pajjiżi li qablu mal-miżuri l-oħra, fl-aspettativa li se tidħol id f’id magħhom, sistema Ewropea ta’ garanzija tad-depożiti.
Fl-aħħar nett, iż-żona tal-ewro bdiet ittellaq proġett ieħor ta’ għaqda, did-darba fil-qasam tal-ishma u ċ-ċedoli ta’ self li joħorġu l-kumpaniji. Hawn ukoll, il-ħsieb hu li s-servizzi finanzjarji jitmexxew skont l-istess regoli Ewropej. B’hekk ikunu jistgħu jinxtraw u jinbiegħu mal-Ewropa kollha, għax min jinnegozja fihom ikollu l-fiduċja li mhux qed jidħol għal xi problemi li ma setax jagħraf minn qabel. Biss din l-“unjoni kapitali”,kif qed tissejjaħ, għadha fil-bidu.
Żgur ikollna opportunitajiet nitkellmu dwarha aktar ’il quddiem.

Facebook Comments

Post a comment