ELEZZJONIJIET U ELEZZJONIJIET

Mhux f’Malta biss, imma f’diversi nħawi tal-Ewropa, id-deni elettorali jinħass sew. U kif wieħed jistenna, mhux kullimkien qed jinħass bl-istess mod. Bħalissa l-aqwa żviluppi qed iseħħu fi Franza u fil-Ġermanja.
Il-Ħadd 14 ta’ Mejju, f’ċerimonja impressjonanti fil-Palazz ta’ Elysee f’Pariġi, Emmanuel Macron daħal għall-kariga ta’ President ta’ Franza. Iċ-ċerimonja kienet impressjonanti fis-sens li qanqlet interess kbir fost il-poplu Franċiż kif ukoll simpatija akbar lejn il-President il-ġdid. Imma fl-istess waqt, Macron kien qed iħejji l-art għal elezzjonijiet li daqt isiru biex jeleġġu Parlament. Hu se jkollu bżonn l-appoġġ tal-Parlament biex ikun jista’ jwettaq il-bidliet li qed jipproponi.
Fl-istess jum, fl-istat ta’ Nordrhein-Westfalen, wieħed mill-aktar importanti tal-Ġermanja, saru l-elezzjonijiet għat-tmexxija tal-istat. Din kien ilha s-snin f’idejn is-soċjalisti taħt Hannelore Kraft, li rabbiet profil nazzjonali tajjeb. L-elezzjonijiet f’dan l-istat kienu t-tielet fi stat Ġermaniż matul dis-sena u l-aħħar qabel l-elezzjoni tal-ħarifa għal kanċellier Ġeermaniż. Is-soċjalisti tilfu ż-żewġ elezzjonijiet l-oħra u rebħa f’Nordrhein Westfalen kienet mitqiesa bħala kruċjali għalihom.

STRATEĠIJA TA’ BIDLA

Lura lejn Macron: il-moviment li wasslu sal-Elysee, bidel ismu: minn “’Il Quddiem” għal “’Il Quddiem ir-Repubblika”. Ħabbar kandidati għal żewġ terzi tal-kostitwenzi Franċiżi u l-bqija kellu jiddikjarahom aktar tard. Iż-żewġ partiti tradizzjonali tas-soċjalisti u tal-lemin, ir-Repubblikani, għamluha ċara li se jikkontestaw l-elezzjonijiet parlamentari biex juru li għandhom il-programm tagħhom għall-pajjiż. Min mir-rappreżentanti u l-membri tagħhom imur ma’ Macron, se jkun telaq minn ħdanhom.
Is-soċjalisti jinsabu mdgħajfa għall-aħħar. Macron kien diġà qasamhom. Issa l-mira tiegħu kienet ir-Repubblikani. Ħatar bħala Prim Ministru lil Edouard Philippe viċi sindku ta’ Havre bħala Prim Ministru u minnufih il-front tar-Repbblikani beda jixxaqqaq. Waqt li l-kabinett il-ġdid taħt Philippe kien għadu qed jifforma (b’jum ta’ dewmien biex skont ma ntqal, kellhom isiru l-verifiki kollha ħalli jiġi żgurat li ħadd minn dawk maħtura m’għandu xi tebgħa moħbija), bdiet iddur ittra miftuħa fost id-deputati u mexxejja Repubblikani. Fiha sar appell lill-partit tagħhom biex ma jidħolx f’konfront dirett ma’ Macron. F’anqas minn erbgħa u għoxrin siegħa, kienu ffirmawha aktar minn mija u għoxrin personalità.
Imbagħad tħabbar il-kabinett tal-Prim Ministru Philippe. Fih barra minn erba’ soċjalisti, kien hemm ismijiet kbar minn fost ir-Repubblikani. Fosthom Gerard Darmanin, politikant li kien ħadem qatigħ għall-eks-President Sarkozy fil-primarji tar-Republikani biex jagħżlu min se jkun il-kandidat tagħhom għall-elezzjoni presidenzjali ta’ dis-sena; u Bruno Le Maire, politiku tar-Repubblikani li kien hu nnifsu kkontesta għall-presidenza.
Fl-elezzjoni li riesqa fi Franza, l-istrateġija tal-President il-ġdid se tibqa’ dik li jaqsam u jkisser il-partiti tradizzjonali l-“kbar”. Sa ftit taż-żmien ilu, kont niddubita kemm jista’ jirnexxilu. M’għadnix daqstant; jekk jibqa’ sejjer hekk u jieħu sal-aħħar il-benefiċċji taż-żmien ta’ grazzja li għaddej minnu, jinsab b’ċans tajjeb li jirbaħ maġġoranza fil-Parlament il-ġdid. F’dak il-każ, il-forzi li jkollu kontra tiegħu hemm jistgħu jispiċċaw ix-xellug u l-lemin “estremi”.

PROBLEMI GĦAL SCHULZ

Sadattant, f’Nordrhein-Westfalen, l-SPD kienu ddestinati li jsofru t-tielet telfa tagħhom dis-sena. U forsi kienet l-aktar waħda qarsa. Għall-ewwel darba, ma baqgħux l-aktar partit importanti fl-istat: il-partit ta’ Merkel, is-CDU, żied kważi 7 fil-mija biex laħaq it-33 fil-mija tal-voti, waqt li l-S&D tilfu 7.1 tal-voti biex niżlu għal 31.2 fil-mija. Il-partit alleat mas-soċjalisti fl-istat, il-Ħodor, ma ġabux voti biżżejjed biex jitilgħu fil-Parlament (kellhom bżonn 5 fil-mija tal-voti kollha mixħuta) waqt li l-Liberali, mitqiesa bħala l-partit li l-aktar li jista’ jkun qrib tas-CDU, laħħqu 12.6 fil-mija.
Għas-soċjalisti, ir-riżultat ma kienx biss telfa, imma diżastru. Sa ftit taż-żmienilu, bil-wasla ta’ Martin Schulz fit-tmexxija tal-SPD, is-soċjalisti kienu ħadu r-ruħ. F’temp ta’ ftit ġimgħat, is-sondaġġi urew li żiedu l-appoġġ b’għaxar punti ta’ persentaġġ. Imma mbagħad, l-affarijiet donnhom staġnaw. L-għajta ta’ Schulz li hemm bżonn ta’ aktar ġustizzja soċjali donnha ġabet lejn is-soċjalisti l-voti lura ta’ dawk li kienu ħallewhom biex jingħaqdu max-xellug “estrem”. Madankollu, il-ħsieb li Schulz fisser li jista’ jkun lest jingħaqad ma’ dax-xellug, beżżgħet votanti oħra li ġrew lejn is-CDU. Stħarriġ tal-opinjoni li sar f’Nordrhein-Westfalen wara l-vot wera li maġġoranza tal-poplu ma kinitx fehmet eżatt x’iridu jgħidu fil-konkret is-soċjalisti bl-għajta favur aktar ġustizzja soċjali.
Imma l-aktar ħaġainkwetanti għall-SPD, hi li Merkel donnha reġgħet rebħet lura l-appoġġ li kienet tilfet fil-kriżi tal-immigrazzjoni. Ħafna ċittadini reġgħu qed iqisuha bħal l-ankra ta’ fiduċja li l-pajjiż għandu bżonn biex jibqa’ għaddej ’il quddiem.
Jekk dan l-effett jikkonferma ruħu fil-ħarifa, mela nistgħu ngħidu li l-Ewropa se tkun tielqa għal perijodu ġdid ieħor ta’ tmexxija mill-forzi politiċi tal-lemin.

Facebook Comments

Post a comment