Anke jekk mhux daqstant mistennija, l-elezzjoni bikrija ta’ Malta daħħlitna fir-rang tal-pajjiżi Ewropej fejn tinsab għaddejja bħalissa elezzjoni ta’ xi forma jew oħra. U fuq quddiem nett insibu dik presidenzjali ta’ Franza li qed tasal illum għall-final tagħha. Fit-tellieqa tat-tieni rawnd tal-elezzjoni, hemm Marine Le Pen, tal-Front Nazzjonali, partit tal-lemin estrem; u Emmanuel Macron, li sena ilu waqqaf il-partit tiegħu En Marche, u b’sorpriża ġenerali, qala’ barra lill-kontestanti l-oħra.

FI FRANZA

Kulħadd jaf min se jirbaħ l-elezzjoni tal-lum biex isir President Franċiż: Macron. Għalkemm ġab xi 23 fil-mija tal-vot fl-ewwel rawnd, is-sondaġġi tawh qrib is-60 fil-mija fit-tieni rawnd. Il-partiti l-kbar l-oħra taċ-ċentru, tal-lemin u tax-xellug għamlu sejħa biex il-partitarji tagħhom jivvotaw għal Macron. Il-mexxej tax-xellug “estrem” Melenchon (li ġab kważi 20 fil-mija fl-ewwel rawnd) ma felaħx jasal sa hawn. Imma xorta ta parir biex ħadd ma jivvota għal Le Pen.
Filfatt, it-tattika kienet li l-partiti imsejħa “republikani” mix-xellug u l-lemin, joħolqu barriera kontra Le Pen. L-isfida se tkun kemm se jirnexxilhom itellfuha voti. Fl-2002, missierha ukoll irnexxielu jidħol bħalha fit-tieni rawnd tal-presidenzjali. Bil-partiti kollha jingħaqdu kontra tiegħu, ġab biss 18 fil-mija tal-vot. Did-darba, Le Pen se tkun qed timmira li ġġib qrib l-erbgħin fil-mija.
Biss minnufih wara li tispiċċa l-kampanja presidenzjali tal-lum fi Franza, tibda oħra: dik għall-Parlament. Il-mistoqsija se tkun jekk il-president il-ġdid hux se jkollu maġġoranza “tiegħu” fil-Parlament jew hux se jkollu jiddependi fuq alleanza mal-partiti kbar rappreżentati fil-Parlament… jekk se jibqgħu “kbar”. Ta’ En Marche qed jgħidu li se jkollhom kandidati f’kważi kull kostitwenza. Imma ħafna minnhom huma ġodda għall-politika. Ir-Republikani (tal-lemin) u s-soċjalisti (li marru ħażin tal-għaġeb fl-elezzjoni presidenzjali) se jkollhom il-kandidati tagħhom u se jagħmlu minn kollox biex iżommu s-saħħa tagħhom fil-Parlament.
Fin-nofs, se titqanqal il-problema ta’ jekk il-President Macron hux se jkollu gvern li jimxi skont ix-xewqat tiegħu jew humiex se jispiċċaw gvern u president jagħmlu l-bsaten fir-roti lil xulxin. Ħaġa bħal din qed tinkwieta lill-pajjiżi Ewropej il-kbar għax tista’ taffettwa kif l-Unjoni Ewropea se tkun tista’ żżomm sod fin-negozjati li daqt jibdew, dwar il-Brexit, mar-Renju Unit. U f’dal-pajjiż ukoll, għaddejja bħalissa kampanja elettorali.

ELEZZJONI FIR-RENJU UNIT

Wara li ttieħed vot favur fil-House of Commons, il-Prim Ministru May tellqet elezzjoni għat-8 ta’ Ġunju. Qalet li kellha tagħmel dan biex issaħħaħ idha qabel jibdew in-negozjati dwar il-Brexit. Beżgħet, qalet, li l-partiti l-oħra fil-Parlament mhumiex se jħalluha tipproċedi bin-negozjati bla ma jindaħlulha. B’hekk idgħajfu l-pożizzjoni politika tagħha fin-negozjati. Jekk tirbaħ l-elezzjoni, May tikkalkola li tkun kisbet aktar spazju biex fih timmanuvra.
Kummentaturi iżda qalu li May għamlet kalkoli differenti. Qieset li l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni tant jinsab f’qagħda ħażina politikament li b’elezzjoni bikrija tkun tista’ teħodlu ħafna siġġijiet parlamentari. B’hekk ikollha maġġoranza xxamplata — ħaġa li m’għandhiex bħalissa — u tkun tista’ tilqa’ aħjar għat-talbiet ta’ dawk li huma favur il-Brexit biex iżżomm pożizzjoni “iebsa” għall-aħħar.
Il-biċċa saret aktar taħraq wara li l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea (barra r-Renju Unit) addottaw il-linji ta’ gwida tagħhom għan-negozjati tal-Brexit bla wisq inkwiet. Id-dokument bil-linji ta’ gwida tħejja b’mod eżemplari mill-uffiċjali. Meta l-mexxejja Ewropej iltaqgħu biex jiddiskutuh, qablu li jaddottawh f’temp ta’ erba’ minuti. Fir-Renju Unit qamet kritika li l-linji ta’ gwida Ewropej huma iebsa ħafna u fil-fatt qajmu furur.
May użathom fil-kampanja elettorali biex temfasiżża kemm kellha bżonn turi lill-Ewropej li hi politikament qawwija f’pajjiżha. Fl-istess żmien kellha laqgħa mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker dwar il-Brexit. Rapporti fil-midja kontinentali sostnew li l-laqgħa ta’ bejniethom kienet waħda diffiċli u li Juncker ħareġ imbellah kemm l-Ingliżi għadhom mhumiex jifhmu li se jkollhom iħallsu prezz għoli għall-Brexit. Min-naħa tagħha, May insistiet li dawn ir-rapporti kienu s-soltu tlablib ta’ Brussell għax hi u Juncker kienu tkellmu b’mod ċar u sinċier bejniethom.

ELEZZJONI FL-ITALJA

Li jġibna għall-votazzjoni li saret fl-Italja. Hawn inżammet mhux elezzjoni ġenerali imma primarja għal min kellu jilħaq segretarju ġenerali… jew kap… tal-Partit Demokratiku. Il-prattika hi li kull min hu affiljat fil-Partit ikollu ċans jivvota għal min irid jokkupa dil-kariga f’elezzjoni li ssir mal-Italja kollha f’ċentri ta’ votazzjoni apposta. Din hi prattika li qed tinxtered mal-Ewropa kollha, f’kopja tal-mudell Amerikan ta’ kif il-partiti ewlenin hemm jagħżlu l-kandidati tagħhom għall-Presidenza.
Wara li f’Diċembru li għadda, tilef ir-referendum dwar bidliet fil-kostituzzjoni Taljana, Matteo Renzi kien irriżenja minn Prim Ministru. Kellu jaffaċċja dissens intern fil-Partit Demokratiku, mhux l-anqas minn mexxejja ta’ qablu tal-partit. Kien irriżenja mill-kariga ta’ segretarju ġenerali bit-tir li jerġa’ joħroġ għaliha. Fil-frattemp, uħud minn dawk li kienu qed jopponuh, telqu mill-Partit Demokratiku u waqqfu partit ieħor.
Ġimgħa ilu, seħħet il-primarja tal-PD għal segretarju ġenerali. Lil Renzi kkontestawh żewġ kandidati oħra imma hu rnexxielu jikseb kważi 70 fil-mija tal-voti mixħuta. B’hekk reġa’ daħal fil-kariga b’saħħa wara t-taptipa li qala’ bir-riżultat tar-referendum. U t-tir tiegħu issa hu li ssir elezzjoni malajr kemm jista’ jkun. Mhix ħaġa ċara li se jkun jista’ jġibha żewġ f’hekk ukoll.
Il-Prim Ministru li daħal minflok Renzi, Gentiloni (tal-istess Partit Demokratiku, niftehmu) kif ukoll il-ministru tal-finanzi Padoan, xejn ma jaraw li elezzjoni bikrija tagħmel sens. Tfixkel il-ħidma tal-gvern biex iġib lill-Italja konformi mar-regolamenti taż-żona ewro fit-tmexixja tal-baġit tagħha u żżid fl-inċertezzi li qed jinħassu minħabba l-kriżijiet fl-Alitalia u f’banek ewlenin Taljani. Il-President tal-Italja Mattarella wkoll xejn mhu ħerqan għal elezzjoni malajr qabel ma jkun maħlul it-taħwid li hemm bħalissa fil-liġijiet elettorali Taljani. Min-naħa tiegħu, Renzi hu imħasseb b’kemm u kif il-moviment tal-5 Kwiekeb immexxi minn Beppe Grillo jista’ jibqa’ jitħalla jagħmel progress fost l-elettorat, b’dannu għall-PD.

L-EWROPA U L-ELEZZJONIJIET

F’dawn ix-xenarji elettorali li jinsabu għaddejja fl-istess żmien mal-kampanja elettorali f’Malta, it-tema Ewropea qed tieħu post mhux żgħir.
Fi Franza, il-Front Nazzjonali insista li Franza għandha tersaq lura mill-Unjoni Ewropea u mill-ewro, waqt li Macron bil-maqlub, saħaq fuq il-ħtieġa li l-Ewropa tkompli tinbena u li Franza tieħu rwol mill-aqwa f’dil-binja.
Fir-Renju Unit, m’hemmx għalfejn ngħidu, it-taqbida politika qed tippernja dwar kif il-Brexit se jitħaddem. U hemm saħansitra moviment biex jara kif fil-Parlament Ingliż il-ġdid, jittellgħu kemm jista’ jkun deputati li ma jaqblux mal-Brexit!
Mentri fl-Italja, għan ewlieni fil-politika ta’ Matteo Renzi sar dak li ma jaċċettax id-direttivi li toħroġ il-Kummissjoni Ewropea dwar kif għandu jitnaqqas id-defiċit fil-baġit tal-gvern Taljan. Id-defiċit għadu wieħed mill-aktar għolja fiż-żona tal-ewro, bi ksur tar-regoli taż-żona. Renzi jemmen li b’rebħa elettorali warajh, ikun jista’ jilqa’ b’akbar qawwa għall-esiġenzi tal-Kummissjoni Ewropea. Bil-maqlub, il-gvern li qed imexxi bħalissa, anke jekk ħiereġ mill-istess Partit Demokratiku bħal Renzi, qed jara kif jissodisfa l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea.

Facebook Comments

Post a comment