Fost il-prioritajiet ewlenin li l-Presidenza Maltija poġġiet għall-ħidma tagħha tul dawn is-sitt xhur hemm dik li se tisħaq fuq progress f’ħidma biex tissaħħaħ l-Ewropa soċjali. Xi tfisser din?
Għal ħafna nies, l-Unjoni Ewropea matul is-snin li ilha topera, ma kinitx ħlief magna ekonomika li daħħlet fl-operat tagħha pajjiż wara l-ieħor. Jew inkella, pajjiż wara l-ieħor fittex li jidħol fiha, għax il-popli kienu konvinti li din l-għaqda qed tkattar il-paċi, sempliċement billi jirnexxilha tkabbar ir-riżq ekonomiku. Allura kif daħal is-soċjali fil-biċċa?

IL-BIDU

Bilfors trid tieħu l-istorja lura lejn il-bidu tal-Unjoni Ewropea. Twaqqfet l-ewwel bejn sitt pajjiżi fiċ-ċentru u l-“punent” tal-Ewropa. Kienu pajjiżi fejn matul is-sekli seħħew gwerer qerrieda. L-impenn issa kien biex dawn il-gwerer jintemmu darba għal dejjem. Il-ħsieb kien li biex jiġri dan, nazzjonijiet li matul is-sekli kienu tqatlu għall-mewt bejniethom jingħaqdu b’xi mod, minkejja li kellhom kważi kollha kulturi, ilsna u drawwiet differenti. Veru wkoll madankollu, li jgħaqqadhom kien hemm ċirku ta’ ħsieb u imġiba li ntiret miż-żmien imbiegħed tal-Imperu Ruman.
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, li ħolqot daqstant ħerba fl-Ewropa, kif seta’ jintlaħaq il-għan ta’ paċi dejjiema? Skont il-profeti tal-Ewropa magħquda, dan seta’ jiġri billi kemm jista’ jkun, il-pajjiżi konċernati jgħaqqdu l-ekonomiji tagħhom f’suq wieħed, u mhux jibqgħu jikkompetu għas-swieq ta’ xulxin, biex imbagħad jiddikjaraw gwerra bejniethom meta dil-kompetizzjoni ssir ħarxa wisq. Il-ħsieb kien li l-għaqda ekonomika titfassal b’mod li l-ebda pajjiż ma jispiċċa minn taħt u kull pajjiż jiggwadanja. B’hekk, kien se jkun hemm benefiċċji għal kulħadd.
Franza ħadet sostenn (l-Italja wkoll) għall-biedja tagħha b’suq akbar għall-prodotti tagħha; il-Ġermanja l-istess għall-industrija tagħha li reġgħet irpiljat wara l-ħerba tal-gwerra. Ix-xeblik ekonomiku bejn il-pajjiżi membri tal-għaqda kellu tant iżidilhom interess fl-għaqda li minnha kellhom igawdu lkoll, li ma kienx se jkollhom għalfejn jirrikorru aktar għall-gwerra.
Ir-rankatura ta’ “suq wieħed” fl-Ewropa irnexxiet. Ħafna rawha bħala strateġija li kellha twassal għal unjoni Ewropea li tħabbatha mal-Amerika magħquda fl-Istati Uniti. Bil-mogħdija tad-deċennji, aktar pajjiżi Ewropej fittxew li jidħlu fis-Suq Komuni Ewropew. Fittex li jagħmel hekk l-istess Renju Unit, li nġibed lejn l-opportunitajiet għall-kummerċ li ħoloq is-Suq Komuni, mingħajr ma qatt ried li jispiċċa membru ta’ xi Ewropa federali.

IL-KOMPROMESS

Imma dan kollu, tqies minn partiti u esponenti tax-xellug bħala eżerċizzju maħsub biex fit-tħaddim tagħha, l-għaqda Ewropea tagħti n-nifs lill-impriżi kapitalisti. Kienet se tnaqqas mis-saħħa tal-ħaddiema biex, permezz tat-trejd unjins tagħhom, jiddefendu drittijiethom. Is-Suq Komuni baqa’ jitqies għal żmien twil mill-forzi politiċi xellugin u mit-trejd unjins, bħala inizjattiva kapitalista tal-lemin.
Il-kompromess instab lejn il-bidu tas-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor. Is-Suq Komuni beda jiżviluppa politika soċjali bħala bilanċ għall-miżuri ekonomiċi li kien qed jieħu. L-ingaġġ tal-ħaddiema, garanziji fuq is-sigurtà soċjali, interess fl-edukazzjoni, impenji fl-ambjent, impenji oħra għal ġustizzja soċjali u kontra l-esplojtazzjoni tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol bdew isiru parti mir-regoli ta’ kif jaħdem is-Suq.
Minħabba f’hekk l-aktar, il-partiti tax-xellug u fuq kollox it-trejd unjins qalbu għal pożizzjoni favur il-binja Ewropea. Malajr, bdew iqisuha bħala bastjun li minnu setgħu jiddefendu d-drittijiet soċjali tal-ħaddiema u impjegati. Das-sentiment issaħħaħ wara l-bidliet politiċi u soċjali li ġabu l-President Reagan fl-Istati Uniti u l-Prim Ministru Thatcher mir-Renju Unit, bidliet li taw saħħa akbar lill-impriżi.
Tant inqalbu l-fehmiet li l-Partit Laburista Ingliż u t-trejd unjins tal-pajjiż spiċċaw għal żmien twil fost l-aqwa partiġġjani tal-ħidma fl-Unjoni, wara snin twal li matulhom kienu kkontestawha.
Biss fl-istess żmien, kienu qed jiġru żewġ żviluppi ta’ importanza ewlenija. Il-globalizzazzjoni faret. Il-kummerċ u l-impriżi nfirxu mad-dinja waqt li ħadu s-sura ta’ kumpaniji enormi, preżenti f’ħafna pajjiżi, ta’ spiss b’saħħa aqwa mill-pajjiżi nfushom. L-operat ta’ dawn il-kumpaniji kbar affettwa bil-kbir l-ekonomiji Ewropej. Hekk ukoll ġara fl-ekonomiji ta’ kontinenti oħra. Sadattant, bir-“riformi” li kienu daħħlu Reagan u Thatcher, l-istess kumpaniji kienu qed isibu dejjem anqas xkilijiet għal ħidmiethom, waqt li t-trejd unjins ddgħajfu.

L-EFFETTI TAL-2008

Imbagħad skattat il-kriżi finanzjarja tal-2008. Il-qgħad u l-fallimenti kotru. Biex jilqgħu għall-kriżi, il-gvernijiet fittxew rimedju filli jnaqqsu mill-ispejjeż tagħhom waqt li joħolqu kondizzjonijiet fejn l-impriżi setgħu jerġgħu iżidu x-xogħol. Il-politika ta’ ssikkar taċ-ċinturin, jew awsterità, mis-settur publiku u mill-impriżi privati ġabet aktar qgħad waqt li naqqret sew fil-ħarsien soċjali li l-Ewropa kienet magħrufa għalih.
Sal-lum, anke waqt li t-tkabbir ekonomiku reġa’ telaq, dil-problema għadha tinħass, b’kuntrast ma’ imgħoddi fejn il-mudell soċjali Ewropew kien itaffi d-dwejjaq ekonomiku li kien jinqala’. Anzi l-problema ħraxet f’diversi pajjiżi tal-Unjoni meta skattat daqs sentejn ilu, l-kriżi tal-immigrazzjoni. Ħafna Ewropej mhux biss ħassewhom imċaħħda mill-ħajja li draw iqisu bħala tagħhom; issa daħal il-biża’ li posthom fis-soċjetá tajjeb jew ħażin, se jkompli jitgħarraq għax l-immigranti se jiklulhom biċċa oħra minn ħobżhom.
Fuq dal-biża’, rikeb bil-kbir il-moviment populista, mil-lemin u x-xellug. L-għajta tiegħu hi li l-istati Ewropej għandhom jieħdu ħsieb jipproteġu l-interessi taċ-ċittadini tagħhom fuq linji ta’ difiża u ħidma nazzjonali, u ma kellhomx jibqgħu jafdaw fit-tmexxija tal-Unjoni Ewropea.

L-IMPATT TAL-POPULIŻMU

Il-populiżmu kellu u qed ikollu suċċess politiku sostanzjali. Jekk ikompli jinfirex, se jkun ta’ theddida għall-istess eżistenza tal-Unjoni Ewropea. Il-Brexit u l-elezzjoni tal-President Trump fl-Istati Uniti komplew iżidu s-sentiment ta’ theddida.
Hu minħabba dan iċ-ċaqliq politiku u ekonomiku li reġa’ qam id-diskors dwar l-Ewropa soċjali. Hemm bżonn, qed jintqal, li l-kuxjenza soċjali tal-Ewropa terġa’ tintwera b’mod konkret li jissodisfa lill-popli. L-ideali “qodma” ta’ ħarsien u ta’ wens soċjali jridu jiġu mogħtija lostru ġdid bil-fatti u mhux bil-kliem.
Meta daħal fil-kariga sentejn u nofs ilu, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Juncker wiegħed li se jmexxi politika li biha jaġġorna għaż-żminijiet tal-lum, il-mudell soċjali Ewropew. Qal li se juri kif għadu jgħodd għal żminijietna. Fil-fatt il-Kummissjoni tinsab appik li tvara proposti ġodda (jew hekk qed tgħidilhom) li jmorru f’din id-direzzjoni.
Sadattant, il-Parlament Ewropew fil-laqgħa plenarja tiegħu ta’ dax-xahar għadda b’maġġoranza sabiħa dokument twil fejn elenka tista’ tgħid l-oqsma kollha soċjali — mill-edukazzjoni sas-saħħa, sal-politika tal-impjiegi u tal-pensjonijiet. Poġġa għalihom miri dwar kif għandhom jitmexxew skont il-“valuri” Ewropew.
U kif għedna, fl-istqarrija tagħha dwar x’beħsiebha tagħmel waqt li tkun fil-kariga, il-Presidenza Maltija saħqet li se tagħti prioritá lill-“Ewropa” soċjali. L-istati membri jeħtieġ li jaqblu fuq linji ta’ tmexxija soċjali ħalli jagħtu nifs ta’ serħan lill-popli, u dan bħala parti mill-missjoni tal-Unjoni Ewropea nnifisha.
Kemm se jwasslu ’l bogħod dawn id-dikjarazzjonijiet?
Uħud jarawhom bħala kliem sbieħ li se jibqgħu kliem. Għax sadattant, ir-regoli ta’ tmexxija tal-finanzi tal-pajjiżi għadhom ankrati mal-istess prinċipji bħal fl-aħħar snin, bl-issikkar taċ-ċinturin b’kollox.
Ħaġa waħda hi żgura: l-Unjoni Ewropea għandha bżonn turi li ma spiċċatx mill-ġdid sempliċement magna ekonomika u għandha bżonn tikkonvinċi dwar hekk. Jekk le, se tkompli titlef l-appoġġ.

Facebook Comments

Post a comment