Fl-aħħar xhur u aktar, qamu kontroversji kbar dwar il-ftehim tal-kummerċ u investiment li l-Unjoni Ewropea qed tinnegozja mal-Istati Uniti imsejjaħ it-TTIP. Sadattant, ftit intqal dwar ftehim li aktar minn sentejn ilu, l-Unjoni Ewropea kienet lestiet mal-Kanada, imsejjaħ is-CETA. Dan ukoll kien dwar il-kummerċ u l-investimenti, u tista’ tgħid li jixbah ħafna lit-TTIP. Jew aħjar tgħid bil-maqlub, għax il-miżuri li qed jiġu negożjati mal-Istati Uniti kienu mfassla fuq dawk li tlestew mal-Kanadiżi.
Meta qam il-kjass dwar it-TTIP, wieħed mill-punti kbar ta’ kritika kien li fin-negozjati, l-Ewropej kienu se jaqblu li meta kumpanija (Amerikana) tqajjem ilment li gvern Ewropew ikun bidel il-liġijiet b’mod li jnaqqsilha mill-prospetti u l-profitti tagħha, tista’ tagħmillu kawża. Din ma titlax quddiem il-qrati tal-pajjiż, imma quddiem bord ta’ arbitraġġ kummerċjali “indipendenti”. L-iskandlu kien kbir: kif jistgħu l-Ewropej jippermettu li kumpanji Amerikani kbar jagħtu l-ġenb lill-qrati ta’ pajjiżhom u jikkontestaw il-liġijiet mgħoddija mill-Parlamenti nazzjonali quddiem bordijiet li bla dubju jkunu jxaqilbu lejn l-interessi privati?

MUDELL DIĠÀ LEST

Imbagħad xi ħadd induna li dil-ħaġa kienet diġà ddaħħlet: fil-ftehim mal-Kanada li l-Unjoni Ewropea kienet waslet biex tikkonkludi bla ħadd ma qajjem kwistjonijiet. Privatament, uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea kienu baqgħu mgħaġġba bil-frattarija dwar it-TTIP, għax kienu jafu li l-ftehim tas-CETA kien diġà tlesta. In-negozjaturi mal-Amerikani kienu segwew fil-passi ta’ dawk li nnegozjaw mal-Kanadiżi. Li ġara kien li l-Kanada m’għandhiex il-fama ta’ xi superpotenza, anzi tgawdi fama ta’ pajjiż simpatiku u “kwiet” (barra milli għandha riżorsi minerali u oħrajn ta’ rikkezza kbira). Ħadd ma ħabbel moħħu jara kif ftehim miegħu seta’ jqajjem problemi.
Imma meta l-kontroversja dwar it-TTIP kompliet tikkarga, il-ftehim mal-Kanada wkoll, minkejja li kien wasal biex jiġi ffirmat u ratifikat, spiċċa qed jiġi kontestat. Min kien ħareġ kontra t-TTIP ma setax jaċċetta li miżuri simili għal tiegħu jidħlu fi trattati ma’ pajjiżi oħra. Għal kulħadd it-trattament għandu jkun l-istess. F’daqqa waħda mhux biss it-TTIP deher li se jinkalja, imma anki l-ftehim Kanadiż. Kemm l-Unjoni Ewropea u kemm il-Kanada raw kif se jillipazzaw għal dan.
Per eżempju, sena ilu, waqt żjara f’Malta biex jippreżenta l-kredenzjali, xtaq jiltaqa’ miegħi l-ambaxxatur (High Commissioner) tal-Kanada. Kont naf biex ġej. Jien bħal ħafna fostna għandi simpatija kbira lejn il-Kanada. Tkellimna fit-tul. X’taqbad tgħid?
Minn naħa, togħġobni l-idea li l-Ewropa jkollha rabtiet tajba mal-Kanada, art fejn wara kollox, hemm ħafna Maltin joqogħdu. Min-naħa l-oħra, anki mal-Kanada ftehim Ewropew irid ikun ibbilanċjat, biex iħares l-interessi tal-ħaddiema (ngħid jien, taż-żewġ naħat). Fil-fehma tiegħi, u hekk għedt lill-ambaxxatur, il-ftehim mal-Kanada seta’ jimxi ’l quddiem, imma wara li jkun żgurat mija fil-mija li l-interessi nazzjonali differenti jkunu mħarsa u rispettati, u li xejn mhu se jservi ta’ preċedent għal meta n-negozjati tat-TTIP jitwasslu sal-aħħar.
Ma setax jonqos madankollu li t-titubar dwar il-ftehim Kanadiż iqanqal kontroversji ġodda. Bħal ma kien ġara fit-TTIP, immobilizzaw kontra tiegħu fil-Kanada u fl-Ewropa, għaqdiet tas-soċjetà ċivili u trejd unjins. Intużaw l-istess argumenti bħal fil-każ Amerikan. Biss dejjem baqa’ qawwi l-punt li altru l-Kanada, u altru l-Istati Uniti – id-daqs u l-qawwa politika u ekonomika tat-tnejn ma jitqabblux flimkien.
Ir-reżistenza għas-CETA spiċċat ħafna anqas qawwija minn dwar it-TTIP. Instab kompromess ġdid dwar kif (u jekk jistgħux) isibu rimedju barra mill-qrati nazzjonali, dawk il-kumpaniji li jqisu li ġew imqagħbra b’bidliet li jkunu saru fil-liġijiet ta’ pajjiż. Il-qasma bejn dawk kontra u favur kienet ħafna aktar dgħajfa minn bejn dawk kontra t-TTIP. Esponenti ewlenin li huma kontra t-TTIP, iddikjaraw li huma favur is-CETA.

GĦALFEJN DAWN IL-FTEHIMIET?

F’dan kollu, wieħed ikollu bilfors jistaqsi – x’siwi għandhom dawn il-ftehimiet li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti jinsabu ħerqana għalihom?
Ir-raġunijiet favurhom joħorġu mill-ħsieb li f’dinja globalizzata, fejn l-ekonomiji tal-kontinenti differenti huma marbuta flimkien b’rabtiet mill-qrib li bħalhom qatt ma dehru qabel, m’hemmx alternattiva għall-progress ħlief dik li s-swieq ikomplu jingħaqdu sal-aħħar. B’hekk l-azjendi tad-dinja kollha jkunu jistgħu jgawdu minn opportunitajiet kullimkien li jkunu tajba u l-istess għal kulħadd.
Issa, kemm ilha tinfirex il-globalizzazzjoni, ix-xkilijiet għan-negozju u l-investiment li kienu jeżistu mal-ħamsin sena ilu tneħħew bil-kbir. Dawn kienu magħmula per eżempju minn tariffi tad-dwana fuq prodotti li tixtri minn barra pajjiżek, kwoti li jillimitaw kemm tista’ tbiegħ f’dan jew dak il-pajjiż, u xkilijiet oħra li jzidu fil-prezz ta’ prodott jew servizz.
Għalkemm tneħħew xkilijiet hekk, baqgħu oħrajn kbar, per eżempju fil-qasam tal-kummerċ: bħal regolamenti differenti fl-Amerika, fl-Ewropa u mkejjen oħra dwar kif jiġu ttestjati prodotti ġodda u l-istandards ta’ produzzjoni li japplikaw għalihom; bħall-mod kif prodotti tal-biedja jiġu ċertifikati tajba għall-konsum; jew bħall-mod kif gvernijiet jixtru l-bżonnijiet tagħhom. Nistgħu nsemmu eżempji oħra, fil-qasam tal-investiment.
Il-problema hi li dawk li jikkritikaw dawn il-ftehimiet, mhux bla raġuni, igħidu li kull ma se jagħmlu hu li jservu l-interessi tal-kumpaniji l-kbar. Se jagħtuhom ċans inaqqsu l-ispiża tagħhom, u żidu fil-bejgħ waqt li jirromblaw fuq id-drittijiet tal-ħaddiema u l-konsumaturi, u jnaqqsu l-ħarsien tal-ambjent.
Kif rajna, il-kwistjonijiet dwar is-CETA u t-TTIP qasmu l-opinjoni politika mal-Ewropa kollha. Tkellimna f’dil-paġna diġá dwar hekk daqs xahar ilu. Dwar it-TTIP sal-lum, fil-koalizzjoni bejn il-lemin u x-xellug fil-Ġermanja hemm diviżjoni: il-kanċellier Merkel għadha temmen fit-TTIP, imma mhux is-soċjalisti fil-koalizzjoni tagħha. Fl-istess ħin, id-deputat kanċellier soċjalista Gabriel saħaq li jaqbel mas-CETA, imma mhux mat-TTIP. Uħud minn sħabu sfidawh dwar hekk. Hu sejjaħ konferenza tas-soċjalisti Ġermaniżi dwar is-CETA. Qablet miegħu.
U allura t-triq ’il quddiem dwar is-CETA ġiet żblokkata. Fl-Ewropa tal-lum, kulħadd jaf li kull bidla trid titlaq minn Berlin biex tasal. Imma Gabriel baqa’ jgħid, kontra xinhu l-ħsieb ta’ Merkel, li l-istess trattament ma jistax jingħata lit-TTIP.
Ħafna mill-manuvri li qed isiru huma biżantini, veru. Imma jirriflettu realtà qawwija: dik li maż-żewġ naħat tal-Atlantiku, il-biża’… ġustifikat, ngħid jien… hu li dawn il-ftehimiet itejbu l-opportunitajiet għall-kumpaniji l-kbar, mhux għaċ-ċittadini.

Facebook Comments

Post a comment