M’ilniex li tkellimna f’dil-paġna dwar il-ftehim li l-Unjoni Ewropea kellha tiffirma fl-aħħar mal-Kanada, dwar kummerċ aktar ħieles bejniethom u dwar regoli komuni fil-qasam tal-investimenti. L-iffirmar u t-twettiq tal-ftehim kellhom isiru wara ħafna twegħir, ikkawżat l-aktar mill-kontroversji li nqalgħu dwar ftehim simili li kien qed jiġi negozjat bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti. Imma deher li b’mod jew ieħor l-intoppi mal-Kanada ġew megħluba. Meta s-soċjalisti Ġermaniżi vvotaw favur il-ftehim fil-konferenza tagħhom, kulħadd ħaseb li x-xilep kien ġewwa. Ġiet issettjata data biex il-ftehim mal-Kanada jiġi ffirmat bil-prosopoppea kollha.
Biss fl-aħħar jiem, qam inkwiet kbir ġdid. Il-parlament reġjonali tal-Belġju għaż-żona tal-Walloni (Belġjani tal-lingwa Franċiża) irrifjuta li japprova l-ftehim. Fil-Belġju, l-parlamenti reġjonali li minnhom hemm ħamsa, għandhom poteri fuq ċerti oqsma tal-kummerċ internazzjonali. Dan waqqaf il-proċeduri li kellhom iwasslu għall-iffirmar tal-ftehim fil-Lussemburgu. L-isfida saret urġenti: kif se jikkonvinċu lid-deputati taż-żona Franċiża fil-Belġju biex jirtiraw ir-rifjut tagħhom? Dawn ivvotaw b’maġġoranza tajba kontra l-ftehim. (Barra minn hekk, il-Bulgarija u r-Rumanija qed jinsistu li biex jiffirmaw il-ftehim, il-Kanada trid tneħħi l-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini tagħhom li jridu jżuru l-pajjiż.)
Lil hinn mid-dettalji tal-kontroversja li nqalgħet fil-Belġju, l-istorja kollha reġgħet waddbet serċjlajt qawwi fuq kif fl-Ewropa (u mhux fil-Belġju biss) inbidlu l-fehmiet dwar il-globalizzazzjoni. Jekk sa xi snin ilu, ħafna kienu jarawha bħala ħaġa tajba, issa n-numru ta’ dawk li jagħmlu hekk naqas sew.

ĦARSIEN SOĊJALI

Sa nofs is-snin disgħin tas-seklu l-ieħor, jew forsi ftit aktar, l-Unjoni Ewropea kienet mitqiesa bħala għaqda ta’ pajjizi sovrani li rnexxielha ddaħħal mal-Ewropa ħarsien soċjali qawwi. Fl-istess ħin, bit-tkabbir tas-swieq madwar politika ta’ kummerċ ħieles, kien irnexxielha tagħti spinta sabiħa lill-ekonomiji tal-pajjiżi membri tagħha. Per eżempju, t-trejd unjins Ingliżi daru favur is-sħubija ta’ pajjiżhom fl-Unjoni Ewropea malli ndunaw li din kienet ankrat il-ħarsien soċjali fit-tmexxija tal-pajjiżi membri tagħha. B’hekk, ipprovditilhom tarka kontra dak li l-Partit Konservattiv Ingliż dejjem kien lest jagħmel: jimmina lit-trejd unjins u d-drittijiet tal-ħaddiema.
Biss il-globalizzazzjoni ma waqfitx hawn jew hemm. Min-natura stess tagħha, tirrombla ’l quddiem, twessa’ dejjem aktar il-fruntieri tagħha, l-oqsma li fihom tiddeffes. Meta s-suq ikompli jitwessa kull fejn jista’ jasal f’kull kontinent, se jirbaħ min hu l-irħas. Fejn jidħol ix-xogħol tal-ħaddiema, ngħidu aħna, min jitħallas l-anqas – u min għandu l-anqas protezzjoni – se jirbaħ, fis-sens li dak li se jipproduċi għal min iħaddmu, se jaħtaf il-bejgħ. Bosta spiċċaw minn taħt. Il-prospetti tagħhom għal ħajja żgura u stabbli b’xogħol li jfornilhom biex jgħixu tajjeb spiċċaw ħolma mitlufa.
L-istorja kompliet titgħarraq bil-kriżi finanzjarja, imbagħad ekonomika tas-sena 2008. Ġiet ikkawżata mill-abbużi u żbalji fit-tmexxija tal-banek u istituzzjonijiet finanzjarji li l-istess globalizzazzjoni xerdet. Biex jilqgħu għaliha donnu ma kienx hemm ħlief politika ta’ issikkar taċ-ċintorin li dejqet l-aktar lin-nies tax-xogħol. Dawn kellhom jaċċettaw, jekk mhux il-qgħad… u ta’ spiss il-qgħad… kondizzjonijiet tax-xogħol dejjem agħar, biex jiġu jirriflettu l-esiġenzi tas-suq “dinji”. Fl-Ewropa, speċjalment is-sud tagħha imma mhux biss, u barra minnha, l-ħarsien soċjali tnaqqar sew.
Ma tagħtix tort lil min fiċ-ċirkostanzi beda jqis li l-Unjoni Ewropea nnifisha kienet abbandunat il-politika ta’ ħarsien soċjali għal waħda fejn l-aqwa għan kien li s-swieq Ewropej u ta’ barra jinfetħu għall-kompetizzjoni. U min kien se jikkompeti b’suċċess? Kumpaniji enormi bil-qawwa li jmexxu fabriki, minjieri, irziezet kbar, kompjuters ġgantin, banek ta’ kull xorta, u uffiċċji tal-eluf f’kull rokna tad-dinja: kellhom il-qawwa li jibdlu b’ħeffa kbira ħidmiethom fuq livell dinji, skont kif jidhrilhom.
Aktar u aktar nies bdew isibu li waqgħu lura bla ma kellhom kif jew minn fejn jirpiljaw. Il-wasla fosthom ta’ ħaddiema minn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea fejn il-kondizzjonijiet ta’ ħajja kienu anqas minn tagħhom, u mbagħad ta’ immigranti irregolari u ta’ refuġjati minn barra ll-Unjoni Ewropea, komplew iħawdu l-biegħa. Is-sentiment li ma kienx baqa’ ħarsien soċjali effettiv fl-Ewropa kiber.
U mhux fl-Ewropa biss. Fl-Istati Uniti ħafna ċittadini kienu qed iħossu l-istess ħaġa, u dan f’pajjiż fejn il-ħarsien soċjali dejjem kien anqas qawwi minn fl-Ewropa.

IL-PARTITI “ESTREMISTI”

Iż-żmien meta rrankat il-globalizzazzjoni kien ukoll iż-żmien meta l-partiti soċjalisti demokratiċi u Laburisti tal-Ewropa addottaw irwieħhom għal tmexxija fejn is-suq ħieles isir dominanti. Aktar ma għaddew ix-xhur, għall-bidu din l-istrateġija tax-xellug “tradizzjonali” dehret rebbieħa. Meta iżda, l-qagħda ekonomika ħżienet u l-kumpaniji l-kbar baqgħu paxxuti waqt li l-ħaddiema, iż-“żgħar” fis-soċjetá u anki l-klassijiet tan-nofs kellhom iġorru aktar piżijiet, is-sitwazzjoni politika tax-xellug (soċjalisti/ Laburisti eċċ.) sfat imminata.
L-agħar kien li dejjem aktar u aktar nies qiesu li mhumiex u ma setgħux isibu refuġju għand is-soċjalisti demokratiċi. Is-sejħa ta’ partiti hekk imsejħa “populisti”, jew għar-rank estremisti mix-xellug u mil-lemin, bdiet tiġbidhom u tħollilhom ir-rabta li kellhom mas-soċjalisti. Il-partiti l-ġodda li bdew jifformaw taw espressjoni lill-biżgħat tal-elettorati mill-insigurtá u l-awsteritá li trabbew sew fis-soċjetá Ewropea.
Il-kriżi tal-immigrazzjoni tal-aħħar snin serviet biex tkompli ssaħħaħ il-kurrenti populisti. Fl-aħħar żminijiet, anki l-idea li qabel kienet popolari ħafna, ta’ Ewropa “magħquda” sfat kontestata. Kif ukoll l-ewro. Partit tal-lemin estrem fi Franza bħall-Front Nazzjonali spiċċa l-aktar partit li għandu appoġġ fost il-Franċiżi, poplu li kien fost l-aqwa ta’ favur l-Ewropa. Il-Front Nazzjonali qiegħed jistqarr li Franza għandha tneħħi l-ewro biex tmur lura lejn il-frank Franċiż. Bl-istess mod, il-moviment taċ-Cinque Stelle fl-Italja, li jrid l-istess politika dwar l-Ewropa bħall-Front Nazzjonali, jinsab riesaq biex ikun ras imb’ras mas-soċjalisti u d-demokratiċi.

IT-TREJD UNJINS

It-trejd unjins jinsabu tista’ tgħid fl-istess tabxa, għalkemm forsi anqas. L-iżviluppi tal-aħħar tletin sena naqqsulhom bil-kbir l-isħubija li kellhom fost il-ħaddiema tas-settur privat, l-aktar fil-qasam industrijali. Iż-żieda ta’ impjiegi fis-settur privat tas-servizzi ma wassalx biex il-ħaddiema fis-servizzi jitħajru… jew aħjar jitħallew… jingħaqdu ma’ unjin. B’hekk, il-unjins f’ħafna każi spiċċaw kkonċentrati l-aktar fis-settur publiku.
Imma l-istess globalizzazzjoni, fl-importanza li din tat lit-tmexxija privata fis-suq ħieles, bdiet taffettwa il-mod kif il-gvernijiet jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom. Wara l-2008, b’mod tassattiv, ir-regoli taż-żona euro bdew jimponu fuq il-gvernijiet tnaqqis fl-ispiża tagħhom. Dan ftit ippermettilhom ikunu b’idejhom miftuħa meta jitressqulhom talbiet għal kondizzjonijiet aħjar mit-trejd unjins. F’numru ta’ każi, il-unjins kellhom jaċċettaw tnaqqis fil-kondizzjonijiet ta’ xogħol tal-ħaddiema, biex jevitaw it-tkeċċija tagħhom.
L-aktar sinjal ċar dwar kif it-trejd unjins ukoll spiċċaw quddiem dilemmi kbar minħabba l-globalizzazzjoni u t-tweġiba għaliha li sibna sa issa, rajnieh fir-referendum tal-Brexit. Qaluli x’ġara rapprezentanti tat-trejd unjins Inglizi li riedu jorganizzaw laqgħat għall-membri tagħhom biex iħeġġuhom jivvotaw favur il-kamp tal-Ibqa’. Għal-laqgħat li organizzaw, ftit li xejn ġewhom membri. Imbagħad sabu li ħafna membri tagħhom kienu attendew minflok laqgħat organizzati mill-UKIP.

L-EWROPA JAQBLILHA?

Tibqa’ l-mistoqsija: l-Ewropa li kellha tingħaqad biex bħala blokk, tkun ukoll tista’ tisfa’ rebbieħa fil-ġirja lejn il-globablizzazzjoni, jaqblilha tkompli tiftaħ beraħ il-bibien tagħha għall-prodotti, servizzi, investimenti u bnedmin minn barra l-fruntieri?
Hi x’inhi t-tweġiba t-tajba għal dil-mistoqsija, il-fehma fost il-popli Ewropej – ħaddiema, mill-klassi tan-nofs jew pensjonanti, u forsi anke zgħazagħ – qed tirranka lejn il-le. Tant hu importanti das-suġġett għall-futur tagħna lkoll, li jixraqlu li nerġgħu nkomplu fuqu fi drabi oħra.

Facebook Comments

Post a comment