Kif mistenni, wara li twaqqaf mit-Turkija, almenu sa issa, il-kurrent ta’ immigrazzjoni lejn l-Ewropa reġa’ qabad miċ-ċentru tal-Mediterran lejn l-Italja. Il-Libja m’għandhiex gvern li qed jiffunzjona tajjeb, tinsab maqsuma, u l-kosta tagħha toffri skop sħiħ biex minnha jitilqu dgħajjes u skuni. Il-kuntrabandisti tal-immigranti mhumiex jibqgħu lura. Mijiet ta’ nies diġà mietu mgħarrqa (jew hekk qed jingħad); eluf daħlu fl-Italja.
Hu mistenni li dan it-traffiku ta’ nies, l-aktar irġiel imma wkoll familji sħaħ, jiżdied fil-ġimgħat li ġejjin. L-isforzi biex jinżammu kontrolli għadhom qed jidhru dgħajfa. Miexi proġett biex il-Frontex jinbidel fi struttura aktar qawwija ta’ kontrolli fuq il-fruntieri mmexxi fuq bażi Ewropea. Imma dan għadu jqajjem kritika peress li kruċjali fit-tmexxija tiegħu, hi l-mistoqsija dwar jekk għandux ikun hemm kontroll Ewropew biex f’każ ta’ emerġenza, jidħol hu ħalli jmexxi l-fruntiera ta’ pajjiż li qed jispiċċa mgħarraq bir-refuġjati u immigranti, u jagħmel dan anke mingħajr il-kunsens tal-gvern konċernat.
Ħaġa minn ewl id-dinja li t-twaqqif ta’ din il-forza tqajjem riżervi. Sakemm jinħallu, qed jgħaddu l-ġimgħat, ix-xhur.

IL-LOGĦBA MAT-TURKIJA

Sadattant, il-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija dwar it-trażżin tal-immigrazzjoni ġejja minn dak il-pajjiż jidher li qed jaħdem. Fis-sens li l-immigranti m’għadhomx jaslu. Biss, uħud mill-miżuri li sar qbil dwarhom għad iridu jitwettqu, fuq quddiem nett id-dħul ta’ arranġament li bih ċittadini Torok ikunu jistgħu jżuru l-Ewropa bla viża.
Biex dan isir, it-Turkija kellha ddaħħal 72 miżura, imma fl-aħħar nifs, il-President Erdogan stqarr li mhux se jnaqqas ir-regoli f’pajjiżu li jħarsuh mit-terroriżmu, kif iridu li jsir l-Ewropej. Huma jqisu li dawn ir-regoli jmorru kontra d-drittijiet tal-bniedem. Il-kanċellier Merkel li l-aktar rabtet il-kapital politiku tagħha mal-ftehim mat-Turkija, stqarret li mhijiex tinkwieta; il-problema tista’ tiġi maħlula.
Mhux kulħadd jaqbel magħha. Fil-Parlament Ewropew hemm kurrent qawwi kontra l-gvern Tork, u l-Parlament għandu l-qawwa f’dal-każ li jivvota kontra l-arranġamenti li jsiru dwar il-viża. F’pajjiżi membri oħra qed iqum biża’ minn mewġa ġdida ta’ immigranti, mit-Turkija, did-darba ta’ ċittadini Torok.
Bejn Merkel u Erdogan donnha qed tiżviluppa logħba ġdida ta’ tingiż min-naħa lill-oħra u lura. Barra l-problema tal-viża, kien hemm l-inċident tal-kummidjant Ġermaniż li waqqa’ lil Erdogan għaċ-ċajt bil-goff, ħaġa li t-Turkija ħaditha ħafna bi kbira. U dil-ġimgħa, qam inċident ieħor fejn it-Turkija pprotestat kontra mozzjoni li qed tiġi diskussa fil-parlament Ġermaniż dwar il-massakru tal-Armeni li kien seħħ fi żmien l-imperu Ottoman. It-Torok għadhom jinsistu li mhux minnu li dan kien xi ġenoċidju.
Il-problema ewlenija fil-biċċa – u ta’ min jirrepeti xinhi – tikkonsisti filli wara ġimgħat u xhur ta’ krizi, l-Unjoni Ewropea għadha mingħajr politika serja u koerenti dwar l-immigrazzjoni. Kull ma għandna sa issa huma sensiela ta’ deċizjonijiet meħuda bi tweġiba għall-ġrajjiet, deċiżjonijiet li meħuda flimkien, bilkemm jammontaw għal aktar minn illipazzar.

***

IL-GVERN POLLAKK MHUX BIĦSIEBU JĊEDI

Bejn il-Polonja u l-Unjoni Ewropea qed jikber l-inkwiet. Kemm ilu li nbidel il-gvern fl-aħħar tas-sena li għaddiet, l-istrateġija interna li segwa l-gvern il-ġdid ħolqot tensjoni mal-istituzzjonijiet Ewropej. Dawn ma ħadux gost jaraw lill-gvern Pollakk jibdel il-proċeduri u r-regoli li bihom jitmexxa l-Qorti Kostituzzjonali tal-Polonja, u jintervjeni fit-tmexxija tal-istazzjonijiet tat-televixin u r-radjo biex jibdel il-personnel ta’ tmexxija.
Il-kritika li qamet kienet li l-mod kif dawn il-bidliet twettqu jmur kontra l-valuri Ewropej ta’ rispett lejn l-ordni bbazata fuq il-liġi u rispett lejn il-libertà ta’ espressjoni. Hemm proċedura ta’ sanzjoniijiet li tista’ tintuza kontra gvern li fil-fehma tal-Kummissjoni Ewropea mhux jirrispetta dawn il-valuri. Sa issa, il-Kummissjoni ppreferiet li tuza proċedura aktar ħafifa mal-gvern Pollakk biex tipprova twasslu għal xi kompromess dwar l-inizjattivi li ħa.
Dan l-isforz ma jidhirx li rnexxa. Il-gvern Pollakk baqa’ sod fil-fehma li dak li għamel kien ġustifikat, bħal meta per ezempju, qabad u nnomina imħallfin ġodda u bidel in-numru ta’ imħallfin li jridu jivvotaw biex deċizjoni tal-qorti kostituzzjonali tkun valida. Filfatt, ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni, il-gvern ta’ qabel kien innomina numru sħiħ ta’ imħallfin li kienu tal-istess kulur tiegħu biex ikun jista’ jagħmel il-bsaten fir-roti lil min jiġi warajh. Il-gvern tal-lum bl-ebda mod ma jrid jaċċetta din l-impożizzjoni. Il-mexxej tal-partit Jaroslaw Kaczinski stqarr ċar u tond li l-Polonja mhix se tħalli lilha nnifisha ssir kolonja tal-Unjoni Ewropea u mhiex se taċċetta proposti dwar x’għandha tagħmel li jmorru lil hinn mit-trattati tal-istess Unjoni.
M’għandi l-ebda simpatija ma’ Kaczinski u l-partit tiegħu. Jifformaw grupp ta’ konservattivi estremi appoġġjati mill-aktar kurrenti reazzjonarji tal-Knisja Kattolika u minn saffi filo-faxxisti fis-soċjeta Pollakka. Madankollu, nifhem għaliex qed iġibu ruħhom kif qed jagħmlu — l-Unjoni Ewropea ma tniffsitx meta lejliet l-elezzjoni, l-avversarji tagħhom kienu qed iwettqu l-ħniżrijiet. Għalhekk nifhem kif issa qed jirreżistu l-intervent minn Brussell fil-politika interna tal-Polonja.

***

INKWIET SOĊJALI FI FRANZA

L-inkwiet soċjali fi Franza kompla jitwessa dil-ġimgħa. Mhux sinjal tajjeb, la għall-pajjiż, u lanqas għall-Ewropa. Hemm żewġ interpretazzjonijiet ta’ li qed jiġri: l-ewwel waħda tgħidlek li l-gvern ta’ Manuel Vals u Francois Hollande irid jimmodernizza darba għal dejjem l-istrutturi ekonomiċi tal-pajjiż, mhux l-anqas fid-dinja tax-xogħol; it-tieni tisħaq fuq kif gvern suppost soċjalista ċeda għall-pressjoni neo-liberali u qed jittradi kemm lill-pajjiż u kemm lill-ħaddiema u impjegati li jappoġġjawh. Kulħadd jiddeċiedi liema interpretazzjoni hi t-tajba skont twemminu.
Biss konklużjoni oħra tispikka. Donnu spiċċa ż-żmien li Franza setgħet isservi bħala kontra-piż għall-Ġermanja. Jekk ir-Renju Unit jiddeċiedi li jħalli l-Unjoni, id-dominanza Ġermaniża fuq il-blokk issir eġemonija. Ix-xaqq dawl fil-biċċa hu li — naħseb b’mod ġenwin — il-Ġermanja ta’ Merkel ma tixtieqx li r-Renju Unit jitlaq. Li juri kif il-Ġermanja ma tantx hi mxennqa għal rwol eġemoniku fl-Ewropa. Xorta waħda, tibqa’ ma tindunax li meta taġixxi b’ras iebsa biex tasserixxi l-interessi nazzjonali tagħha, hekk tkun qed tagħmel: tagħti xhieda ta’ eġemoniżmu.

Facebook Comments

Post a comment