Wieħed jiftakar il-kjass li sar fil-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-Pilatus Bank li ġie akkużat li ħasel u ħawwad trasferimenti ta’ ftit mijiet ta’ miljuni ta’ ewro. Saret investigazzjoni sħiħa dwar hekk mill-Awtorità Bankarja Ewropea. Indaħlet il-Kummissjoni biex jiċċensuraw dak li sar u joħorġu l-kundanni u t-twissijiet tagħhom, mhux l-anqas lejn l-Awtorità Maltija li tissorvelja s-servizzi finanzjarji.
Kważi fl-istess żmien li nkixef l-“iskandlu” tal-Pilatus, instab każ ta’ ħasil tal-flus minn bank Daniż, id-Dansk Bank, li barra minn pajjiżu, kien jopera fost oħrajn fl-Estonja. Instab li għal snin twal – ħafna qabel twaqqaf il-Pilatus u sa meta dan kien qed jingħalaq – mill-Estonja, id-Dansk Bank kien ħareġ b’ħasil tal-flus, xi 200 biljun ewro. F’nofs dax-xahar, l-Awtorità Bankarja Ewropea ddeċidiet li tagħlaq l-investigazzjoni li kienet fetħet fuq l-awtoritajiet ta’ sorvelja finanzjarja tad-Danimarka u tal-Estonja biex tara kinux ħadmu bi ksur tar-regoli finanzjarji Ewropej.
X’kuntrast ma’ kif ġabu ruħhom lejn Malta! Il-Kummissjoni stqarret li se tistenna rapport dettaljat mil-Awtorità Bankarja Ewropea qabel tagħti l-opinjoni tagħha!
Biex inkunu ġusti ma’ kulħadd: Sven Giegold, deputat Ewropew tal-ħodor li xejn mhu ħelu lejn Malta, kellu jistqarr li dil-proċedura ma’ Dansk Bank kienet “skandaluża”. Wara kollox, ftit seta’ jgħid mod ieħor.

***

SALTNA TAD-DRITT
L-argumenti fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej dwar l-istat (jew is-saltna) tad-dritt mhumiex se jieqfu hesrem.
Kulħadd jistqarr… jew jidher li qed jistqarr… kif il-materja hi tal-akbar importanza. L-Unjoni Ewropea ma tistax tħares in-naħa l-oħra jekk u meta xi membru tagħha jkun qed jikser bl-aktar mod flagranti l-aqwa valuri tagħha – bħar-rispett tad-demokrazija u t-tħaddim bla preġudizzji tal-liġijiet, fil-ħelsien sħiħ tal-ġudikatura. Il-punt hu siewi u ma jistax jiġi injorat.
Qamet il-mistoqsija dwar kif qed jiġi żgurat li s-saltna tad-dritt verament qed titħaddem. Biex tabilħaqq tiġi rispettata, irid ikun hemm snien fil-mod kif tiġi sorveljata l-prattika fl-oqsma li jorbtu mas-saltna tad-dritt. Biss, il-valuri Ewropej, għalkemm mistqarra f’diversi trattati bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni, jibqgħu – irridu jew ma rridux – vagi. Minħabba f’hekk, il-problema li tinqala’ hi dwar kif se jinstab li l-valuri Ewropej qed jiġu kalpestati tassew jew le. Trid tinħoloq proċedura serja biex tkejjel jekk u kif dan qed jiġri – proċedura li tkun ġusta u oġġettiva, u fejn kulħadd jaqbel li hi hekk. Imma din mhijiex ħaġa ħafifa.
Kif – u minn min – il-valuri Ewropej jistgħu qed jiġu mkasbra malajr spiċċaw suġġetti ta’ lotta politika. Inbdiet bl-akkużi kontra l-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban. Tkompliet bl-isforzi tal-gvern Pollakk biex jiżgura, skont hu, li l-ħatriet fil-ġudikatura jirriflettu tassew il-valuri politiċi u soċjali tal-maġġoranza fil-gvern.
Il-kritika kontra dawn il-gvernijiet skattat mix-xellug politiku. B’ritaljazzjoni mil-lemin qamu kritiċi simili. Kontra Malta, is-Slovakkja u r-Rumanija.
Dwar kemm dawn l-“attakki” huma ġustifikati jew le, hemm ħafna xi tgħid. Il-biċċa għadha bogħod milli titqies bħala deċiża. Wieħed jistenna li l-kontroversja titkompla wara l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss.
Madankollu l-mod kif qed tiġi mmexxija u sostnuta hu nieqes mit-trasparenza. Jekk gvern jiġi mgħarbel dwar x’rispett qed juri lejn il-valuri essenzjali tal-Unjoni Ewropea, dan għandu jsir b’mod oġġettiv. Mentri t-triq li qed tiġi segwita hi waħda maqbuda f’għanijiet partiġġjani, bil-għan li jitpoġġew fl-iżbarra kemm gvernijiet tal-lemin, kemm dawk tax-xellug. Kellna nsegwu logħba ta’ patta pari patta, fejn il-verità tiġi sagrifikata fl-aħjar interess ta’ naħa jew oħra għal raġunijiet li ta’ spiss jibqgħu okkulti.

***

DJUN FIŻ-ŻONA TAL-EWRO
Il-livell ta’ dejn fil-pajjiżi taż-żona tal-ewro meħuda kollha flimkien, imqabbel ma’ kemm huma kbar l-ekonomiji tal-istess pajjiżi membri, baqa’ jonqos. Hekk ukoll jista’ jingħad għad-defiċits fil-budgets tagħhom, anke jekk b’xi riżervi. Iċ-ċifri jinsabu taħt il-limiti sew ta’ xinhu permess mir-regoli li ddaħħlu fl-aħħar snin bil-kunsens tal-membri kollha taż-żona, ħalli jirregolaw it-tmexxija tagħha. Dan hu riżultat inkoraġġanti għalkemm mhux il-pajjiżi membri kollha jinsabu f’sitwazzjoni sabiħa.
Fost dawk li dwarhom jitqanqlu d-dubji, hemm l-Italja. Hawn, il-biża’ hu li r-rata ta’ tkabbir ekonomiku se tonqos sew minn dik imbassra – ħaġa li twaddab lill-Italja f’pożizzjoni fejn tkun qed tikser bil-qawwi r-regoli ta’ tmexxija taż-żona tal-ewro. Imma l-istess ħaġa tista’ tintqal dwar Franza, minkejja li taħt il-President Macron, din tipproġetta ruħha bħala protagonista fil-binja ta’ Ewropa aktar qawwija u magħquda. Imma kif jista’ jkun hemm aktar għaqda, meta pajjiż bħal Franza jibqa’ sena wara l-oħra, mhuwiex konformi mar-regoli eżistenti ta’ tmexxija?

***

LYRA MC KEE

Il-qtil insensat tal-ġurnalista Lyra Mc Kee waqt li kienet qed issegwi dimostrazzjoni fl-Irlanda qanqlet biża’ kbir dwar il-paċi li ilha tirrenja fl-Irlanda tul dawn l-aħħar għoxrin sena. Ftakart fit-twissijiet li fissru f’laqgħat miegħi, deputati Irlandiżi fil-Parlament Ewropew.
Skont huma, jekk bil-Brexit se terġa’ tidħol fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u dik ta’ Isfel, se tfawwar il-vjolenza bejn “Kattoliċi” u “Protestanti” – bejn dawk li jridu l-għaqda tal-Irlandiżi f’pajjiż wieħed, u dawk li jridu jibqgħu f’għaqda mar-Renju Unit. Il-fatt li ż-żewġ naħat kienu jagħmlu parti mil-Unjoni Ewropea u allura sfaw bla fruntiera fi ħdan is-suq Ewropew, kien raqqad is-sens li bejniethom teżisti xi fruntiera. B’hekk iddaħħal sentiment ta’ għaqda bejn iż-żewġ naħat waqt li żammew sodi fl-aspirazzjoni tagħhom. Jekk bil-Brexit, das-sentiment jogħsfor, il-ġlied malajr jissokta. U l-vjolenza fl-Irlanda – kif tgħallem l-esperjenza – taf tkun mil-aktar ħarxa. Wieħed jittama li l-qtil ta’ Mc Kee ma hux l-ewwel pass f’din it-triq qalila.

***

MIFTEHMIN?

Sa ftit taż-żmien ilu, kulħadd kien qed jistenna li r-relazzjonijiet bejn Franza u l-Ġermanja se jissaħħu tant li t-tnejn flimkien kellhom iressqu proposti għal aktar għaqda fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Filfatt, ħafna stati membri stennew il-proposti taż-żewġ pajjiżi qabel fissru fehmiethom.
Illum hemm dubji kbar kemm tabilħaqq Franza u l-Ġermanja huma miftehmin bejniethom, jew kemm jistgħu jkunu.
Dwar iż-żona tal-ewro, il-Ġermanja tant naqqiet u naqqset minn dak li kien qed jipproponi l-President Franċiż Macron li llum, l-ideat li ħarġu għal riformi ġodda bilkemm jingħarfu minn x’ried Macron.
Dwar koperazzjoni fil-qasam tad-difiża u militari, irriżultaw differenzi kbar bejniethom, mhux l-anqas fil-bejgħ ta’ armi lis-Sawdi Għarbija.
Sadattant, il-Ġermanja irriġettat proposti Franċiżi biex fuq il-kumpaniji kbar “diġitali” (bħal Google, Facebook eċċ.) tiddaħħal taxxa ta’ xi 3 fil-mija tal-bejgħ li jagħmlu.
Imbagħad, kien hemm nuqqas kbir ta’ qbil bejn iż-żewġ naħat dwar kemm għandu jiġġedded iż-żmien li jingħata lill-Prim Ministru Ingliża Theresa May ħalli hi tgħaddi l-proposti tagħha dwar Brexit mil-Parlament Brittaniku. Il-Ġermaniżi riedu jagħtu perijodu pjuttost twil, il-Franċiżi wieħed iqsar sew. Fil-prattika, għaddiet tal-Ġermaniżi.
Tgħid, se tkompli titwal il-lista ta’ materji li fuqhom jirriżulta nuqqas ta’ qbil bejn Franza u l-Ġermanja?

Facebook Comments

Post a comment