Nitkellmu ħafna dwarha imma ma naħsibx li nafu tajjeb kemm fil-verità hi importanti fostna. Jidher li l-ekonomija diġitali nfirxet sew fostna fl-aħħar għoxrin sena, kemm fost id-ditti u l-gvern, kemm fost iċ-ċittadini. It-teknoloġija diġitali fil-ħafna aspetti tagħha saret sostenn ta’ oqsma ekonomiċi differenti. U għalhekk hemm bzonn li nkunu nafu tajjeb sa fejn twassal u kif qed tikber.
Kemm fl-istatistika u kemm fl-analizi ta’ kif qed jizviluppaw l-affarijiet, sakemm m’għandix zball, jonqsuna elementi meħtieġa ta’ tagħrif li fuqhom tista’ titħejja politika għall-futur.
L-informazzjoni ma tridx tillimita ruħha għall-impatti ekonomiċi biss, imma trid tkopri wkoll id-dimensjoni soċjali f’opportunità u fi sfida.
Problema tal-ekonomija diġitali hi li għandha potenzjal biex toħloq firda soċjali fost iċ-ċittadini — bejn dawk li huma familjari magħha u dawk li jibqgħu barra minnha jew li juzawha b’mod li ma jiftħilhom l-ebda triq ta’ zvilupp personali.

***

STRATEĠIJA U TURIZMU

Meta l-affarijiet ikunu sejrin tajjeb fil-qasam tat-turizmu tqum polemika dwar liem hi l-aħjar triq li għandna nieħdu biex inkomplu nkattru t-turiżmu. Meta ninnota li tkun għaddejja, nieħu gost. Naraha bħala konferma li tassew il-qasam ikun sejjer tajjeb.
Il-kontroversja ġeneralment tqum dwar jekk għandniex inkomplu nkattru t-turiżmu hekk imsejjaħ “ta’ massa” — jiġifieri nies li jkunu qed ifittxu vaganza “medja”, bla frilli; jew għandniex nitilqu għal turiżmu ta’ klassi “għolja” għax ma nifilħux aktar żidiet kbar fin-numru ta’ turisti li jżuruna.
Ġibna u nistgħu nibqgħu nġibu esperti turistiċi biex idawluna dwar l-għażliet quddiemna. Imma żgur li talanqas żewġ mistoqsijiet fondamentali għadhom bla tweġiba effettiva.
L-ewwel: kif se jirnexxielna nifirxu aktar matul is-sena l-wasla tat-turisti? Hemm ix-xhur tax-xitwa u ta’ qabel is-sajf li matulhom għadna nistgħu nospitaw ħafna aktar viżitaturi.
It-tieni, bil-konġestjoni tat-traffiku, l-kruha ta’ binjiet li dejjem jinfirxu, in-nuqqas ta’ stendards f’ħafna faċilitajiet, bl-istess ċokon tiegħu, mhux se nsibu limitu strett fuq kemm pajjiżna jista’ jkun ta’ interess għal turisti ta’ klassi “għolja”?

***

KANĊER

Il-kampanji li jsiru biex jinkoraġġixxu liċ-ċittadini jieħdu passi ħalli jaraw jekk jinsabux mhedda mill-kanċer, huma ta’ min ifaħħarhom. Il-marda ssir aktar qerrieda, aktar ma ddum ma tintebaħ biha.
Hu minnu li l-istess kampanji jistgħu iqanqlu l-biża’ fost in-nies. Imma aħjar biża’ li jwassal biex jittieħdu miżuri preventivi, milli inkuranza li jista’ jkollha konsegwenzi gravi ħafna.
Qed nikteb mill-esperjenza. Xahar jew tnejn ta’ dewmien fil-kura meħtieġa biex tilqa’ għall-attakk tista’ tfisser id-differenza bejn ħajja u mewt. Ħadd ma jmissu jidħol għal dan is-sogru.

Alfred Sant
05 ta’ Marzu 2015

Facebook Comments

Post a comment