Sa fl-aħħar id-diskussjonijiet bejn il-gvern Ingliż u l-Unjoni Ewropea dwar it-talba tal-gvern biex jibdel it-termini li taħthom qed titħaddem is-sħubija fl-Unjoni tar-Renju Unit jidher li ħadu r-rankatura. Matul il-ġimgħat l-Ewropej ilmentaw li għadhom jistennew eżattamant fhiex u b’liema mod il-gvern ta’ David Cameron ried jasal għall-bidliet li xtaq. Qalu bir-raġun, li ftit li xejn kienu ħarġu dettalji konkreti dwar x’qed jistennew l-Ingliżi. Sadattant kemm il-Prim Ministru Ingliż u kemm il-ministri tiegħu kienu daru l-kapitali Ewropej fejn sostnew it-talba tagħhom imma dejjem f’diskors ġenerali.
Sadattant ukoll ir-retorika politika fir-Renju Unit bdiet tiħrax. Il-kampanja ta’ dawk li jixtiequ li l-Gran Brittanja tħalli l-Unjoni Ewropea telqet u beda jkollha effett. Il-kriżi tal-immigrazzjoni tal-aħħar xhur tatha saħħa akbar. Fost sorsi Ewropej beda jidħol is-suspett li l-gvern Ingliż kien wara kollox qed ilesti għall-ħruġ tal-pajjiż mill-Unjoni. Biex jirribatti din l-impressjoni li xterdet kemm fost l-Ewropej u kemm fost l-Ingliżi nfushom, Cameron għamel interventi fil-publiku biex juri kemm jixtieq li l-Ingliżi jibqgħu membri sakemm l-interessi tagħhom, bħala pajjiż b’munita tiegħu u li ma jridx jidħol fiż-żona ewro, se jkunu imħarsa.
Din jidher li se tkun l-aqwa argument li fuqu li l-Ingliżi se jserrħu n-negozjati tagħhom. Għall-bidu donnhom kienu se jagħfsu biex isseħħ bidla fit-trattati tas-sħubija fl-Unjoni. Dan biex tippermettilhom ma jkunux marbutin li jsegwu miżuri li jwasslu għal sħubija dejjem akbar fl-Ewropa, fost punti oħra. Imma b’hekk, it-tmienja u għoxrin pajjiż membru tal-Unjoni kollha kien se jkollhom jirratifikaw it-trattat kif mibdul. Uħud minnhom riedu anki jorganizzaw referendum dwar hekk. Mhux biss il-biċċa kienet titwal imma l-possibiltà li l-ftehim milħuq jiġi miċħud kienet tibqa’ kbira. U l-gvern Ingliż hu wkoll marbut li s-sena d-dieħla jorganizza r-referendum tiegħu dwar jekk ir-Renju Unit għandux jibqa’ jew le fl-Unjoni.
Allura jidher li l-mira se tkun li jekk jintlaħaq ftehim, dan jieħu forma ta’ arranġament bejn ir-Renju Unit u l-membri l-oħra, bi qbil li meta jasal il-waqt li t-trattati tal-Unjoni jerġgħu jiġu emendati, l-arranġament li jilħqu, jidħol fit-testi l-ġodda. Diffiċli tgħid kemm in-negozjati se jaslu malajr. Diskussjonijiet tekniċi ilhom għaddejja xi xhur mingħajr iżda ma kien hemm stqarrija ċara u definittiva mill-gvern ta’ Cameron sa fejn eżatt irid jasal.
Jista’ jkun li din it-tattika tħaddmet minħabba li hemm kurrent qawwi anki fil-Partit Konservattiv biex l-Ingilterra toħroġ mill-Unjoni. Jekk dawk li jaħsbuha b’dal-mod isiru jafu kmieni wisq lejn fejn qed jimmira l-gvern, malajr jibdew jgħidu li dan mhux biżżejjed u jsaħħu l-kampanja tagħhom għall-ħruġ tar-Renju Unit. Fl-istess ħin, waqt li għaddej bin-negozjati, il-gvern la jista’ jgħid vi u lanqas va. Imma sakemm jasal għall-konklużjoni tad-diskussjonijiet (bit-tama li jiftiehem mal-Ewropej) il-kampanja tal-Brexit, li r-Renju Unit joħroġ, tkun kisbet vantaġġ qawwi fl-opinjoni pubblika.

IMMIGRANTI

In-negozjati mal-Ingliżi ma setgħux jaslu fi żmien agħar għall-Ewropej, imdamdma kif jinsabu bil-kriżi tal-immigrazzjoni. Din kien ilha ttektek bil-qawwi, imma sakemm kienet taffettwa lill-Italja, il-Greċja u Malta setgħet tiġi mpoġġija fil-ġenb. Issa li l-mewġa tal-immigrazzjoni faret minn kullimkien, il-pajjiżi membri tal-Unjoni qed jitħabtu biex jiftehmu bejniethom u biex jiskopru politika effettiva. Ma tantx qed jirnexxielhom f’dan. Iċ-ċifri jitkellmu waħidhom.
Aktar minn 800,000 immigrant waslu dis-sena sa issa fl-Unjoni Ewropea. Skont il-Kummissjoni Ewropea, 600,000 minnhom għaddew mill-Greċja. Wara ħafna battibekki, il-pajjiżi membri tal-Unjoni ftehmu li se jqassmu bejniethom 160,000 immigrant skont kwoti maħduma mal-Kummissjoni. Sa issa, bejniethom il-pajjiżi ħarġu offerti għal 1,418-il post fit-territorji tagħhom għall-immigranti. Sar ħafna kjass dil-ġimgħa għax fl-aħħar, 30 immigrant telqu mill-Greċja biex jintlaqgħu fil-Lussemburgu.
Jidher sew li ftit hemm ħeġġa biex il-pajjiżi jiftħu l-bibien tagħhom, minkejja d-deċiżjonijiet li ħadu. Politikament issikkata kif tinsab fil-politika interna tal-Ġermanja, il-kanċellier Merkel qalet li jekk il-Ġermanja tagħlaq il-fruntieri tagħha, tiskatta gwerra ġdida fil-Balkani.
Iffaċċjat bit-telqa tal-pajjiżi Ewropej meta jiġu biex iwettqu d-deċiżjonijiet meħuda fil-qasam tal-immigrazzjoni, il-President tal-Kunsill Ewropew Tusk iddeċieda li jsejjaħ summit ieħor tal-mexxejja, “informali” din id-darba, meta jkunu Malta aktar tard dax-xahar għal-laqgħa mal-mexxejja tal-pajjiżi Afrikani. Din tal-aħħar ukoll hi maħsuba biex iġġib qbil bejn Ewropej u Afrikani dwar kif se jitrażżnu l-kurrenti ta’ immigrazzjoni rregolari lejn l-Ewropa. Anki hawn, se tkun ħaġa tqila biex jinstab ftehim effettiv.

FRODI FIL-ĦUT

Issemmew fl-aħħar xhur numru ta’ każi fejn ditti u negozji fl-Ewropa (u barra minnha) użaw metodi kif iwasslu l-prodott tagħhom fuq is-suq u kif ibigħuh, li mhumiex aħjar minn frodi. Każ li ssemma’ dil-ġimgħa laqat qrib ħafna tal-istituzzjonijiet Ewropej. Jirrigwarda mal-mija u ħamsin mill-aqwa restoranti ta’ Brussell, fejn imorru jieklu ħafna mill-uffiċjali u politikanti l-aktar influwenti, li jżommu lill-Unjoni għaddejja. Anzi, issemmew ukoll l-istess canteens fil-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew fejn jitrejqu impjegati u viżitaturi.
Għaqda tal-konsumaturi għamlet investigazzjoni fost dawn l-istabbilimenti dwar il-ħut li kienu qed iservu. Instab li fil-maġġoranza kbira tagħhom – mal-95 fil-mija – qed jgħaddu ħut ta’ kwalità inferjuri jew ħut differenti minn dak li jipproponu, waqt li jiċċarġjaw il-prezz tal-ħut “it-tajjeb”. Per eżempju, iwegħduk li se jservuk tonn tal-Atlantiku jew tal-Mediterran, u minflok jagħtuk tonn tat-Tajlandja. Jew tordna bakkaljaw u jġibulek marlozz; tordna lingwata u bla ma jgħidulek iġibulek xi ħuta ċatta bħalha, mrobbija fil-Vjetnam f’kondizzjonijiet xejn iġjeniċi.
L-ironija f’dawn is-sejbiet hu li komplew jikkonfermaw, wara l-iskandli li qed jheżżu l-kumpanija tal-karozzi Volkswagen, kemm f’ħafna każi madwar l-Ewropa, id-difiża tal-konsumatur għadha dgħajfa. B’ċertu mod, l-istess sejbiet farrġu xi ftit forsi lill-produtturi tal-laħam aħmar. Fl-aħħar ġimgħat, dawn raw il-bejgħ tagħhom jaqla’ daqqa wara li ngħatat pubbliċità kbira lil stqarrija tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa dwar kif l-ikel fil-wisq tal-laħam aħmar, idabbarlek kanċer. Jekk dan hu minnu, talanqas meta qed tordna laħam aħmar f’restorant ta’ Brussell, se tkun żgur li qed tiekol lilu, mhux xi prodott ieħor.

Facebook Comments

Post a comment