Il-Kummissjoni Juncker donnha twieldet taħt kewkba ħażina. Lanqas laħqu għaddew ġimagħtejn mit-twaqqif tagħha li ma sabitx ruħha taħt attakk; jew aħjar il-President tagħha. Tant li kellu jsejjaħ konferenza stampa u jippreżenta ruħu quddiem il-Parlament Ewropew biex jagħti spjega personali. Fil-Parlament ħassejt li Jean Claude Juncker kien fuq id-difensiva u attent wisq li ma jagħmilx żbalji.
It-tabxa li sab ruħu fiha hi serja għax tista’ tintefaħ politikament u tinstema’ ikreh. Biss ħafna mill-fatti li tqanqlu “kontra” Juncker huma qodma jew kienu magħrufa minn ilu. Biex jiżgiċċa mill-problema, Juncker wiegħed li se jagħti spinta kbira ‘l quddiem lil miżuri Ewropej biex irażżnu l-evażjoni tat-taxxa minn kumpaniji billi jirreġistraw f’pajjiżi li jissejħu “ġenna fiskali”. (Malta wkoll issib min jagħtiha dan il-laqam…)
Dnub li l-Kummissjoni ta’ Juncker ħabtet daqshekk malajr ma’ dan l-iskoll. Il-qamar tal-għasel tagħha intemm kmieni wisq.

***

GĦAX QAMET IT-TEMPESTA

Bħal Malta, l-Lussemburgu hu pajjiz zgħir Ewropew li zviluppa bil-kbir ekonomikament (u qabilna) permezz tas-servizzi finanzjarji, bit-twaqqif għandu ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji li jmexxu l-operat tagħhom mit-territorju tiegħu. Raġuni ewlenija għax jagħmlu hekk kienet u għadha biex ditti jkunu jistgħu jmexxu b’mod ċentrali n-negozju tagħhom li jinfirex fuq pajjizi u ġieli kontinenti differenti, waqt li jnaqqsu l-pizijiet tat-taxxi li jkollhom iħallsu.
Pajjizi bħal-Lussemburgu (u Malta) ilhom jiġu kkritikati għax jgħinu lil dawk li jixtiequ jaħarbu l-obbligi tagħhom lejn il-komunitajiet minn fejn jiġbdu l-profitti tagħhom. Ilu jkun hemm sforzi biex il-mod kif joperaw dawn il-pajjizi jiġi kontrollat.
Matul il-kampanja elettorali għall-Parlament Ewropew Jean Claude Juncker bħala kandidat tal-Partit Popolari Ewropew għall-presidenza tal-Kummissjoni Ewropea, kellu jwieġeb ħafna mistoqsijiet dwar ir-rwol tiegħu matul is-snin bħala Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi ta’ pajjizu, mitqies bħala rifuġju ewlieni mill-ħlas tat-taxxa. Minkejja d-dubji li baqgħu dwaru minħabba f’hekk, il-kandidatura tiegħu ġiet approvata wara l-elezzjoni ta’ Mejju mill-Parlament Ewropew.
Ftit aktar minn ġimgħa ilu, grupp ta’ ġurnalisti minn gazzetti Ewropej ippubblikaw ħafna dokumenti uffiċjali mil-Lussemburgu li wrew kif l-awtoritajiet tat-taxxi ta’ hemm kienu nnegozjaw ma’ kumpaniji kbar biex bil-moħbi jingħataw rati vantaġġjuzi ħafna ta’ taxxa. Intqal ukoll li dan sar bi sfida, jekk mhux bi ksur, ta’ regoli Ewropej.
Qamet tempesta ta’ kritika fl-Ewropa. Quddiem il-Parlament Ewropew, fejn ma tantx ingħata laqgħa tajba, Juncker semma kif il-liġijiet fiskali fl-Ewropa jvarjaw minn pajjiz għal pajjiz, ħaġa li tippermetti lill-pajjiżi differenti li jissettjaw rati biex jagħtu vantaġġ akbar lil min imur joqgħod għandhom. Saħaq li fl-imgħoddi kien insista li l-aħjar triq kienet biex l-Unjoni Ewropea ddaħħal politika komuni li tinkwadra l-mod kif it-taxxi jiġu mħaddma. Fis-sewwa, Juncker ma tantx kien konvinċenti
Din hi kwistjoni li se tkompli tiżviluppa.

***

DIMOSTRAZZJONI U STRAJK

Il-qagħda soċjali fil-Belġju qed teħżien wara li l-gvern il-ġdid ta’ koalizzjoni bejn partiti tal-lemin, ħabbar miżuri ta’ issikkar taċ-ċintorin. In-nies qed tqis li l-issikkar se jolqot liż-żgħar, lill-anzjani u lill-ħaddiema u jħalliha ħafif lill-“kbar”.
Il-ġimgħa l-oħra nżammet dimostrazzjoni massiċċa fi Bruxelles. U għaddejjin tħejjijiet għal strajk ġenerali lejn nofs Diċembru.

***

PROSPETTI GĦAT-TLETT MITT BILJUN

X’se jiġri biex jitwaqqaf il-fond ta’ 300 biljun ewro li Juncker wiegħed ħalli jiġi varat programm ta’ investiment vast fl-Ewropa u jintuża kontra l-istaġnar ekonomiku li ma hemmx li jiħfief?
Il-kelma hi li l-President tal-Kummissjoni Ewropea qed jgħaġġel il-ħidma meħtieġa biex dan il-pjan jitlesta sal-bidu ta’ Diċembru. X’se jkun qed jipproponi fih għadu misterju għal ħafna. Uħud mill-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew, fosthom is-soċjalisti, qed jaħsbu biex iħejju l-pjani tagħhom ħalli meta jasal il-waqt, ikollhom x’juru.
Ħafna qed jibżgħu li l-pjan jispiċċa jkun lista ta’ proġetti li l-Kummissjoni Ewropea ma rnexxilhiex timmonta sa issa, iffinanzjati b’fondi li ma rnexxilhiex tonfoq. Imma kif tkellem Juncker jidher li dan mhux it-tir tiegħu.
Fuq kollox, jinħass ukoll id-dell tal-Ġermanja, li ma tantx taqbel ma’ tkabbir fl-ispiża tal-gvernijiet, sakemm ma jkun hemm ċertezza li l-fondi għall-ispiża jeżistu tabilħaqq. Il-proposti biex jinstabu l-fondi l-ġodda x’aktarx li se jkunu bbażati fuq aktar self u aktar garanziji mill-gvernijiet, ħaġa li l-gvern Ġermaniż iqis bħala triq li twassal biss lejn l-infern.

***

WARA SITT XHUR

Kien kważi nofs il-lejl meta għamilt intervent dil-ġimgħa fil-plenarja tal-Parlament Ewropew. Dħalt f’parti mill-aġenda li qisha l-Aġġornament tal-Kamra tad-Deputati tagħna. Fiha tista’ tqajjem kull suġġett. Peress li kull intervent mistenni jdum minuta, nista’ nniżżlu kollu hawn mingħajr ma nixpakka l-artiklu. Għedt hekk:
F’Mejju, iċ-ċittadin Ewropew wera li jrid bidla fit-tmexxija tal-Ewropa. Forsi wkoll xtaq li s-sinjal għall-bidla jingħata minn dan il-Parlament. Kważi sitt xhur wara l-elezzjonijiet Ewropej, nistaqsi: il-bidla li l-kostitwenti tagħna riedu, qiegħda sseħħ? Ingħid li mhijiex.
Stennejt li jkollna dibattiti ċari dwar xi jridu l-popli Ewropej. Dwar fejn fl-aħħar snin, ittieħdu deċiżjonijiet tajba u fejn saru żbalji fit-tmexxija tal-Unjoni Ewropea u taż-żona ewro. Stennejt mistoqsijiet dwar kif l-għaqda Ewropea qed taffettwa għat-tajjeb u għall-ħażin il-ħajja taċ-ċittadini li eleġġewna, ħalli fejn hemm x’jinbidel, jinbidel. Minflok, komplejna b’li kien qed isir hawn qabel Mejju.
Ftit f’pajjiżi fehmu l-maniġġi dwar min laħaq President ta’ Kummissjoni, Kumitat, delegazzjoni u ma nafx x’aktar. Ftit jimportahom. L-argumenti favur aktar jew anqas Ewropa iħallu liċ-ċittadini fjakki minn għarfien ta’ xinhu joħloq l-istaġnar ekonomiku u jġib daqstant nies qgħeda. M’aħniex niddiskutu għaliex il-mudell soċjali Ewropew qed jiżżarma u kif nistgħu nibnu politika serja dwar l-immigrazzjoni.
Din l-aġenda ġiet ikkapparata mill-estremi politiċi, u mill-hekk imsejħa populisti. Dan hu żball kbir. L-isfidi quddiem iċ-ċittadini Ewropej ma jingħelbux bid-diskorsi teknokratiċi li nisimgħu, qisna sirna funzjonarji tal-Fond Monetarju Internazzjonali.
L-isfidi jingħelbu wara li jkun sar diskors politiku bla kantunieri, bejn rapprezentanti tal-popli Ewropej. Inkluż li niddiskutu mill-qiegħ l-istrutturi politiċi li bnew ta’ qabilna jekk mhumiex iservu tajjeb lill-Ewropej.

***

IL-BAĠITS

Għadha miftuħa l-kwistjoni ta’ kif se jiġu mitqiesa l-baġits tal-gvernijiet għas-sena d-dieħla. Huma riedu jgħaddu mill-eżami tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġi żgurat li mhumiex jiksru r-regoli Ewropej dwar kemm jistgħu jkunu kbar id-defiċit u d-dejn tal-gvernijiet.
Il-Kummissjoni ta’ Barroso li għalqet fl-aħħar ta’ Ottubru stqarret li wara l-ewwel daqqa ta’ għajn, ma sabitx fil-baġits affarijiet li jiksru l-medda ta’ regolamenti dwar kif għandhom jinżammu. Qalet ukoll li l-biċċa l-kbira tax-xogħol ta’ sorvelja li kien baqa’ xi jsir kienet se tħallieh għall-Kummissjoni ta’ warajha.
L-ewwel parti ta’ din il-konklużjoni ġiet rapportata bil-kbir. Ħafna ħasbu li l-baġits tal-gvernijiet ta’ Franza u l-Italja, li l-aktar kienu tqiesu kontroversjali, se jeħilsuha ħafif. Mentri fil-fatt, wara rriżulta li s-sorvelja fuqhom li għad trid issir mill-Kummissjoni l-ġdida ta’ Juncker tista’ tqanqal problemi.

***

IMMIGRANTI GĦALL-BENEFIĊĊJI SOĊJALI

Argument ewlieni tal-gvern Ingliż ta’ David Cameron kontra r-regoli tal-Unjoni Ewropea hu li dawn joffru skop kbir għal immigrazzjoni bejn stati membri ta’ ċittadini Ewropej li jmorru f’pajjiż biex ikunu jistgħu jerdgħu mill-benefiċċji soċjali li joffri.
Fl-aħħar ġimgħat, dan l-argument ġie mxellef. Studju li sar minn istitut tar-riċerka f’Londra, sab li l-immigranti Ewropej, l-aktar tal-Est, kienu spiċċaw iħallu aktar riżorsi fir-Renju Unit milli jeħdulu benefiċċji.
U sentenza li tat il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea kienet fis-sens li pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea jista’ jdaħħal regolamenti biex jipproteġuh kontra immigranti bħal dawk li lmenta dwarhom Cameron.
Fit-taqtigħa taħraq fi ħdan il-lemin Ingliż dwar min se jiġbor lejh l-aktar voti li jridu Ingilterra soda u ħielsa, l-immigrazzjoni hu fost l-aktar suġġetti jaħarqu.

16 ta’ Novembru 2014

Facebook Comments

Post a comment