Għal min iħares minn barra lejn x’qed jiġri bejn il-Greċja u l-pajjiżi ”sħabha” fiż-żona tal-ewro, l-impressjoni tkun li erġajna ninsabu fil-bidu tal-kriżi tal-ewro mal-ħames snin ilu. F’dak iż-żmien ukoll, il-Greċja kienet f’xifer il-falliment għax il-gvern ma setax jibqa’ jġorr il-piżijiet tad-djun li kien twikka bihom. Minħabba l-kriżi finanzjarja tas-sena 2008, l-imgħaxijiet fuq dawn id-djun kien sploda ’l fuq u faqa’ l-baġit tal-gvern.
Għall-ewwel beda jintqal li skont ir-regoli li fuqhom kienet imsejsa ż-żona ewro, l-Griegi kellhom isolvu l-problemi tagħħom waħidhom. Imbagħad il-fehma nbidlet u l-membri l-oħra taż-żona bdew isellfu l-flus fil-biljuni lill-Greċja biex iżommuha fil-wiċċ.
Illum minkejja dawn l-interventi, mill-ġdid il-Greċja tinsab daharha mal-ħajt. Il-gvern ġdid tas-Siriża qed isostni li ma jistax ikompli għaddej bil-ftehimiet li saru f’rabta mas-self li l-Ewropej taw lill-Greċja għax il-poplu jinsab wisq imgħaffeġ b’piżijiet. Qed jinsisti li s-self li sar lil pajjizu jinħafer jew jitħaffef bil-kbir, waqt li se jkun qed iwettaq riformi soċjali maħsuba biex jgħinu liż-żgħar, lill-pensjonanti u lill-ħaddiema. L-Ewropej qed iwieġbu li dan ma jistax ikun għax il-Greċja trid tonora l-obbligi li daħlet għalihom. U f’daqqa waħda, iż-żona ewro dehret li daħlet fi kriżi ġdida, bil-Greċja l-perċimes.
Veru li donna ninsabu lura fil-bidu tal-gwaj li għaddiet minnu ż-żona ewro fl-aħħar snin. Biss, il-qagħda sadattant inbidlet għal kollox, kif inbidlu wkoll iċ-ċirkostanzi li madwarhom qed jippernja dan l-aħħar episodju Grieg. Tajjeb li wieħed jara kif u għaliex inbidlu l-affarijiet.

X’ĠARA FIL-GREĊJA

L-ewwelnett, fil-Greċja nnifisha: skont il-ftehimiet ta’ self li għamlet mal-pajjiżi Ewropej, din ingħatat flus biex tifdi s-self il-qadim u tibdlu f’dejn mal-Ewropej b’imgħax li setgħet iġġorr. Min-naħa tagħha, l-Greċja ntrabtet li tieħu miżuri qawwija biex iġġib bilanċ fil-baġit tal-gvern, billi tnaqqas l-ispejjeż, tiġbor aktar taxxi u tbigħ assi u propjetajiet publiċi. Kienu miżuri iebsa li mill-bidu ħolqu diffikoltajiet politiċi kbar għall-gvernijiet tal-ġurnata u wara problemi soċjali enormi.
Għal darba, darbtejn, instab li xorta waħda l-Greċja ma kinitx qed tlaħħaq mal-piżijiet tad-djun u l-Ewropej qablu li jtawlu ż-żmien li fih il-Greċja kellha tħallas lura s-self mogħti lilha, waqt li anki l-imgħaxijiet fuq is-self tnaqqsulha. Min-naħa tiegħu l-gvern Grieg – l-ewwel tal-Pasok soċjal-demokratiku immexxi minn George Papandreou, imbagħad tad-Demokrazija Ġdida, partit lemini, immexxi minn Antonis Samaris, f’koalizzjoni mal-Pasok – beda jara kif se jwettaq ir-riformi li kienu marbuta mas-self Ewropew.
Aktar sabha ħaġa faċli li jaqta’ l-ispejjeż, speċjalment fil-qasam soċjali. Ġew affettwati ħażin pensjonijiet, pagi u servizzi soċjali li tnaqqsu, ġieli bil-qawwi. Tkeċċew ħaddiema minn mal-gvern. Zdiedu t-taxxi u bdew isiru sforzi li ma tantx irnexxew, biex jinġabru b’aktar galbu. Ma tantx sar progress fil-ħidma biex jiġu mibjugħa assi tal-gvern waqt li l-kontrolli fuq l-evazjoni tat-taxxa baqgħu lura sew. Bħala rizultat ta’ dan kollu, id-defiċit tal-gvern fl-aħħar snin naqas qatigħ u beda jingħeleb għal kollox, qabel tibda tgħodd il-piz tal-imgħaxijiet li jridu jitħallsu.
Biex jaslu sa hawn, ħafna ċittadini Griegi – fosthom l-aktar dawk bi dħul baxx imma anki l-klassi medja – ħallsu prezz tassew għoli. Il-faqar zdied bil-kbir; in-numru ta’ nies qgħeda mhux l-anqas fost iz-zgħazagħ, għola u baqa’ għoli ħafna; is-servizzi soċjali sfaw mherrija; ħafna pensjonanti spiċċaw fixxa. Biex tagħqad fl-aħħar snin, minħabba li tnaqqset in-nefqa tal-gvern, l-ekonomija ċkienet bi kwart. U minħabba f’hekk rizultat ieħor kien li matul is-snin li twettaq il-ftehim ta’ salvataġġ għall-Greċja, il-piz tad-djun baqa’ jizdied minflok ċkien. Fejn għall-bidu d-djun kienu jammontaw għal xi 125 fil-mija tal-ekonomija kollha tal-pajjiz, illum id-djun telgħu għal aktar minn 170 fil-mija tal-ekonomija.
Il-partit tas-Siriza sostna fl-aħħar snin li għandu jieqaf il-pjan ta’ salvataġġ (bail-out) tal-Ġreċja għax qed jagħmel deni soċjali enormi. Rebaħ l-elezzjoni tax-xahar li għadda fuq din l-għajta u minnufih telaq biex iwettaq il-wegħdiet elettorali tiegħu.

X’SAR FIŻ-ŻONA EWRO

Matul is-snin li l-Greċja kienet għaddejja minn dal-kalvarju, il-pajjizi membri taz-zona ewro raw kif isaħħu t-tmexxija tal-munita tagħhom, biex ma jerġgħux jiġu b’daharhom mal-ħajt bħal ma ġara wara l-2008. Għalhekk qablu li għandu jitwaqqaf fond kbir li jkun f’qagħda li jinnegozja salvataġġ finanzjarju meta pajjiż taż-żona jiltaqa’ ma’ problemi kbar (kif inqalgħu wara l-Greċja, fl-Irlanda, l-Portugall u Ċipru). Imsejjaħ il-Mekkanizmu għall-Istabbiltà Ewropea, f’dan il-fond taw sehemhom il-pajjizi kollha membri taz-zona, inkluża Malta. Jintqal li għandu bizzejjed rizorsi biex jilqa’ għal kull tiġrib li jista’ jseħħ. Kemm dan hu minnu, għad irridu naraw għax sa issa l-Mekkaniżmu ma ġiex iffaċċjat b’xi skoss qawwi.
Miżura importanti oħra li ttieħdet kienet li ġew issikkati bil-kbir ir-regoli dwar kif il-gvernijiet membri taz-zona ewro jmexxu l-finanzi tagħhom. Il-Ġermanja saħqet li għandu jitwaqqaf patt fiskali li jiżgura li sena wara l-oħra, il-baġits nazzjonali jiġu spezzjonati u jekk jinstab li mhumiex jirrispettaw ir-regoli stabbiliti għat-tmexxija finanzjarja, jittieħdu passi kontra l-gvern jew gvernijiet responsabbli.
Ir-regoli jgħidu fost oħrajn, li d-deficit ta’ gvern ma jistax jaqbeż it-3 fil-mija tal-ekonomija tal-pajjiz. Fejn qabel ir-regoli kienu jitħaddmu b’mod pjuttost laxk, huma issa qed jiġu applikati b’mod tassattiv. Madankollu, xorta għadu jezisti dubju dwar kemm pajjizi ewlenin bħal Franza jew l-Italja se jitqiesu bl-istess mod bħal Malta jew l-Irlanda. Il-Kummissjoni Ewropea hi nkarigata li tidderieġi s-sorvelja tal-finanzi u l-ekonomiji tal-pajjiz, bil-poter li anke timmulta lil min jibqa’ ma jsegwix il- ”pariri” (jew direttivi) tagħha.
Imbagħad ukoll iz-zona ewro qed twaqqaf unjoni bankarja. Permezz tagħha, l-banek fi ħdan iz-zona qed jaqaw taħt sorvelja Ewropea mill-Bank Ċentrali Ewropew u jridu josservaw regoli komuni ta’ tmexxija, b’mod tassattiv. Qiegħed jitwaqqaf fond ieħor, li għalih jikkontribwixxu l-istess banek, biex meta xi bank jersaq lejn il-falliment, dal-fond jifli jekk għandux jindaħal biex jgħin, u jekk jiddeċiedi li iva, itellaq pjan ta’ salvataġġ għall-bank. Jekk jiddeciedi li le, iħalli lill-bank ifalli.
B’dal-mod, il-pajjizi membri taz-zona ewro huma issa fiduċjuzi li ma jistax jiġri kif ġara wara l-2008. Dakinhar, biex isalvaw il-banek tagħhom, uħud mill-gvernijiet kellhom jidħlu għal obbligi finanzjarji li għoddhom għarrquhom.
L-ilqugħ kollu li semmejna hu frott ta’ negozjati, xprunati ta’ spiss mill-Ġermanja, li twettqu bejn il-membri taz-zona ewro hekk kif fittxu li jilqgħu għat-tempesti tal-aħħar snin. Tassew li bl-izviluppi fil-Greċja qed terġa’ tinħass l-għafsa ta’ krizi. Did-darba madankollu z-zona ewro tidher li hi mħejjija ħafna aħjar minn qabel biex tilqa’ għaliha… ħlief għal saram wieħed, li għandu importanza fondamentali.
Aħjar nitkellmu dwaru xi darb’oħra.

Facebook Comments

Post a comment