Il-ġimgħa li għaddiet, tkellimna fost oħrajn, dwar l-isfida l-kbira li għandha quddiemha l-Unjoni Ewropea kif ukoll iż-żona ewro: se jirnexxielha l-Ewropa tirranka l-ekonomiji staġnati tagħha? Kif jista’ jintlaħaq dan il-għan?
Il-problema tgħodd għall-Ewropa kollha imma hi l-aktar akuta għaż-żona ewro. Suppost li din kellha tkun il-mutur tat-tkabbir ekonomiku u tal-prosperità fost kulħadd. Kien jintqal li l-unjoni ekonomika u monetarja tal-Ewropa se sservi ta’ xprun għall-inizjattiva ekonomika fiż-żona kollha.
Mentri li ż-żona tal-ewro donnha qed isservi ta’ brejk fuq it-tkabbir ekonomiku. M’għadhiex f’xifer il-ħerba, kif kienet xi tliet snin ilu meta għotrot taħt id-daqqiet tar-riċessjoni internazzjonali. Mhux biss żammet sħiħ kontra l-mewġa ta’ fallimenti li kienu qed jheddu minn kullimkien fost banek u stati sovrani. Talli rkuprat u ħolqot strutturi biex bihom tilqa’ għad-daqqiet.
Biss, baqgħet ma seħħet – anki wara li għaddew is-snin – l-ebda rankatura fil-ħolqien ta’ proġetti ġodda, ta’ ġid ekonomiku u ta’ impjiegi. B’hekk żviluppa d-dibattitu kbir li issa se jkun għaddej dwar kif iż-żona ewro tista’ tniedi qawmien.

KIF JINQALGĦU L-PROBLEMI

Min-naħa l-oħra, tajjeb li nżommu quddiem għajnejna l-fatt li l-problemi ma jfaqqsux waħidhom jew mix-xejn. Jinħmew miċ-ċirkostanzi li jinqalgħu, tassew, imma jirriżultaw ukoll mill-mod kif ikunu tħejjew u nbnew l-affarijiet.
Quddiem l-għażliet li l-Ewropej se jkollhom jagħmlu fix-xhur li ġejjin huma u jħabirku biex isaħħu t-tmexxija ekonomika tagħhom, tajjeb li nistaqsu jekk il-problemi humiex ġejjin minn ċirkostanzi li m’hemmx kontroll fuqhom? Jew jekk humiex ċirkostanzi ġodda għal kollox, jew komplikati wisq? Jew inkella jekk parti kbira mill-problemi ta’ quddiemna hix ġejja mill-fatt li dak li nbena sa issa jġorr difetti kbar ta’ tfassil u ta’ binja, li jaħtu bil-kbir għall-ingranaġġ imblokkat li ninsabu fih?
Fi tmiem is-sena, naħseb li hu xieraq li nirriflettu fuq dawn l-aspetti. Irridu nifhmu kif dawk li jinsabu fuq naħat differenti tad-dibattitu l-kbir dwar x’għandu jsir biex l-ekonomija Ewropea tirranka qed jieħdu l-pożizzjoni tagħhom b’sens ta’ rieda tajba, mingħajr ma nċekknu l-piż tal-interessi li qed jirrapreżentaw. Wara kollox, il-ħajja tingħex skont l-interessi komuni jew dominanti ta’ dik u l-ieħor.
Biss forsi li d-dibattitu llum jeħtieġlu jitwessa aktar. Fuq kollox, irid jittratta b’attenzjoni l-fatturi fil-binja tal-ewro li qed ixekklu l-iżvilupp tagħha.
B’hekk f’dan id-dibattitu, ma jitqisux biss iċ-ċirkostanzi barranin li jliġġmu lill-pajjiżi tal-ewro milli jirrankaw; jew il-fatt li ċerti pajjiżi ma jkunux xorbu sal-aħħar mill-kalċi qares tal-awsterità. Imma jridu jidħlu wkoll fin-nofs, b’mod importanti, konsegwenzi li joħorġu mill-fasla nnifisha taż-żona tal-ewro.
Hemm proċessi ta’ taħsir u fejqan minn mard fiżiku fejn diffiċli taqta’ bejn is-sintomu u l-kawża tal-marda. Tal-aħħar hu dak li qiegħed joħloq il-marda, waqt li s-sintomu hu konsegwenza tal-marda li tidher u b’hekk turi li fil-ġisem dieħel it-taħsir. Hemm kuri li jattakkaw is-sintomu; jirnexxilhom iwittuh u jġagħluh jonqos – waqt li l-marda tibqa’ għaddejja. Jisparixxi biss dak li juri li l-marda tinsab hemm. U ssib il-kuri li jattakkaw il-kawża, li jmorru dritt fuq il-problema li tassew tassew qed twassal lejn kriżi.
Wiċċ imb’wiċċ kif ninsabu quddiem id-dilemmi taż-żona ewro, irridu nqisu b’reqqa jekk effettivament sa issa, il-kuri kinux indirizzati lejn is-sintomi jew lejn il-kawżi tal-problemi li nqalgħu fl-aħħar snin.

KONTRA DRAGHI

Fil-ħarġa tal-ġurnal influwenti Ġermaniż Der Spiegel ta’ nofs Diċembru deher artiklu-editorjal li attakka bil-qawwi lill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi. Wissieh li jekk se jibqa’ sejjer bil-pjan tiegħu biex il-Bank Ċentrali Ewropew jixtri ċ-ċedoli ta’ self maħruġa mill-pajjiżi tal-ewro li kienu jinsabu sa ftit żmien ilu f’diffikoltajiet, se jkollu jitlaqqam il-“Kap tad-Diżastru”. Skont Der Spiegel, u fil-fatt skont l-awtoritajiet politiċi u ekonomiċi Ġermaniżi kollha, jekk il-Bank Ċentrali Ewropew jagħmel kif qed jipproponi Draghi, se titkisser is-sinsla ta’ serjetà finanzjarja li fuqha għandha tippernja t-tmexxija tal-ewro.
Min-naħa tiegħu, Draghi ilu jipponta biex il-Bank Ċentrali Ewropew ikun aktar lest, jekk dik hi l-kelma, fil-mod kif jgħin lill-istati membri taż-żona ewro jixprunaw l-ekonomiji tagħhom. Ilu jinkwieta dwar kif id-deflazzjoni – jiġifieri r-roħs kostanti fil-prezzijiet – qed iżomm lura l-fiduċja ekonomika u l-investimenti.
Ħaġa bħal din tidher stramba għal ħafna minna li drajna matul ħajjitna ninkazzaw l-aktar meta l-prezzijiet jibqgħu jogħlew bla rażan. Imma jqum periklu tal-istess tip meta l-prezzijiet jibqgħu neżlin. F’ċirkostanzi hekk, min jixtieq jixtri jibqa’ jistenna ftit ieħor sakemm il-prezzijiet jissoktaw jorħsu, u min jixtieq jinvesti, jagħmel l-istess.
Sadattant il-fabriki u l-impriżi jispiċċaw mhumiex ibigħu. Għax jinsabu bla xogħol, ikeċċu lill-ħaddiema tagħhom. Fl-aħħar “ħadd” ma jispiċċa jixtri, wisq anqas jinvesti għax il-flus fl-idejn jixxottaw. Draghi u oħrajn bħalu iridu jilqgħu għal dan il-periklu. F’moħħhom għandhom il-ħsieb li din id-deflazzjoni qed tissoda għax iż-żona tal-ewro mhijiex tidher kompatta biżżejjed.

MHUX KOMPATTA

Qed tidher mhux kompatta minkejja li fl-aħħar snin, daħħlet miżuri straordinarji biex issaħħaħ l-istrutturi tagħha ta’ tmexxija. Il-pajjiżi li kienu se jfallu, minflok ħalliethom jitħabtu għal rashom, daħlet biex tgħinhom… sakemm ħallsu l-prezz qares tal-awsterità, li ġabet magħha ħafna tbatijiet għal min jinsab minn taħt fis-soċjetà Ewropea. Fl-aħħar snin ukoll, in-numru ta’ dawk li jinsabu minn taħt \żdied.
Draghi ma jgħidhiex ċar u tond. Imma aqra sew dak li qal u kiteb, bħal per eżempju f’artiklu li deher ftit ilu f’ġurnali Ewropej, u li nġab ukoll fl-orizzont. Tifhem kif fil-ħsieb tiegħu, bl-istrutturi li għandha bħalissa ż-żona ewro, se jkun diffiċli biex tmexxi tajjeb l-ekonomiji u l-finanzi tal-pajjiżi membri.
Iż-żona ewro tista’ tkun stabbli, imma se tibqa’ staġnata. Ħadd ma jridu dan. Tista’ tkun instabbli billi tħalli l-gvernijiet jonfqu aktar u aktar milli jdaħħlu, bir-riskju qawwi li malajr togħtor. Mill-ġdid, ħadd ma jridu dan.
Is-soluzzjoni għal Draghi hi li jkun hemm tisħiħ tal-għaqda monetarja. Dan jista’ jiġri biss billi politikament u ekonomikament, titwaqqaf awtorità ċentrali bil-fondi tagħha u bil-Bank Ċentrali li jirrispondi waħdu għall-ħteġiet tat-tmexxija tal-munita ewro. B’hekk, il-Bank ikun jista’, fost miżuri oħra, jidħol skont il-bżonn għall-bejgħ u x-xiri li jsir taċ-ċedoli ta’ self li joħorġu l-gvernijiet. M’hemmx kelma oħra għal struttura bħal din: trid tkun waħda li hi politikament federali.
Issa, l-bużillis qiegħed f’dan: ħadd, jew kważi ħadd, ma jrid struttura federali għall-Ewropa biex din tiġi tixbah ngħidu aħna, lill-Istati Uniti tal-Amerika. Lanqas il-Ġermanja federali ta’ Merkel ma tridha. Anzi, kull darba li jittieħdu deċiżjonijiet fi ħdan il-Kunsill Ewropew jew il-Bank Ċentrali Ewropew li jersqu f’din id-direzzjoni, malajr jaqbżu interessi Ġermaniżi vestiti li jressqu l-kwistjoni quddiem il-qorti kostituzzjonali Ġermaniża ta’ Karlsruhe biex din tiddetermina jekk hijiex tinkiser is-sovranità tal-pajjiż.
M’aħniex insemmuha hawn għall-ewwel darba. Hi problema li ilha tkarkar. U li se tibqa’ tkarkar. Għax hi problema li tidħol fil-qalba tal-proġett għall-għaqda Ewropea. Sa fejn għandha twassal din l-għaqda? Lil min għandha tibbenefika u kif? Skont liema regoli se titħaddem: ta’ effiċjenza ekonomika skont prinċipji neo-liberali? Skont ideat ta’ ġustizzja soċjali? ta’ bilanċ bejn interessi nazzjonali? U kif għandha titkejjel? Kif jistgħu jinżammu l-bilanċi bejn reġjuni differenti?

MISTOQSIJIET IKARKRU

Iż-żona ewro żviluppat patafjun ta’ miżuri biex bihom tkejjel il-progress ekonomiku u soċjali. Daħħlet proċeduri ta’ eżami u korreżżjoni tal-ekonomiji Ewropej, bħall-proċess li għadu kemm beda għal dis-sena, l-hekk imsejjaħ “semestru Ewropew”, fejn it-tmexxija ekonomika u finanzjarja ta’ kull pajjiż tiġi miflija fid-dettall. Il-Kummissjoni Ewropeja toħroġ twissijiet u pariri. Imma xejn minn dan kollu mhu qed jirrispondi għall-mistoqsijiet dwar sa fejn għandha twassal l-għaqda.
Fil-fatt, mhux faċli tagħti tweġibiet ċari għall-mistoqsijiet li jitqanqlu. M’għandhniex nistagħġbu li l-Ewropej (u aħna l-Maltin ovvjament magħhom) għadhom ifittxu tweġibiet sodisfaċenti. Huma mistoqsijiet li minkejja d-diskussjonijiet li jinsabu għaddejja, kollha mkebba fi kliem tekniċi tal-ekonomija li ftit jifhmu, se jibqgħu kruċjali fix-xhur li ġejjin. Bil-mod tiegħu, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Draghi jidher li lest imexxi ’l quddiem tweġiba li ma togħġobx lil ħafna. Forsi għalhekk li beda jaqla’ daqstant kritika.
Ewropa waħda, tnejn jew tlieta? Jew inkella hemm mod ieħor minn dak li qed jiġi prattikat bħalissa li bih l-Ewropa tista’ tkun waħda u diversa? Naraw jekk matul l-2015 jibdewx jingħataw xi tweġibiet.

***

L-isbaħ xewqat għal Sena Ġdida 2015 mimlija riżq u hena lill-editur, staff u qarrejja kollha ta’ It-Torċa.

28 ta’ Diċembru 2014

Facebook Comments

Post a comment