Uħud ħasbu li malajr se tizvinta l-furja politika fl-Ewropa kontra l-mod kif il-kumpaniji l-kbar qed jeħilsu milli jħallsu t-taxxi dovuti minnhom fuq il-profitti li jagħmlu. Huma ppostjaw l-uffiċċji tagħhom fil-Lussemburgu, l-Olanda, Londra, Ġibiltà, Ċipru, kif ukoll Malta ma’ oħrajn, biex inaqqsu u jevitaw it-taxxi.
Diversi skandli ngħataw pubbliċità kbira fil-midja Ewropej ftit tax-xhur ilu. Imbarazzaw bil-kbir lill-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker li kien Prim Ministru tal-Lussemburgu fiz-zmien meta l-kumpaniji l-kbar ingħataw mezzi mill-aqwa mill-gvern tiegħu biex ikunu jistgħu jizolqu mil-ħlas tat-taxxi jekk ipoġġu uffiċċju tagħhom f’pajjizu. B’risposta, Juncker ta impenn li l-Kummissjoni tiegħu se tieħu passi biex l-abbuzi dwar taxxi mil-kumpaniji l-kbar jiġu kontrollati fuq bazi Ewropea. Il-ħidma tal-Kummissjoni f’dal-qasam ma waqfitx, għadha sejra sal-lum.
Qed jiġri l-istess min-naħa tal-Parlament Ewroepw fejn zewġ kummissjonijiet jinsabu għaddejja biex jiddiskutu x’għandu jsir għall-futur u biex jiflu kif fis-snin li għaddew il-kumpaniji setgħu zgiċċaw daqstant milli jħallsu t-taxxi. Il-pressjoni biex din il-problema tiġi ffaċċjata ma qatgħetx.
Din il-ġimgħa l-Kummissarju Margarete Vestager kienet quddiem il-kumitat tal-Parlament Ewropew li qed jinvestiga l-istejjer tat-taxxi li nqalgħu, biex tfisser kif qed tmexxi x-xogħol tagħha. Hi trid tagħlaq it-toqob fis-sistema tat-tassazzjoni tal-pajjizi membri li qed jippermettu lill-multinazzjonali u oħrajn jirranġaw l-affarijiet favurihom. Wieħed mill-modi kif qed tmexxi dil-ħidma hu billi tqis jekk ċerti miżuri li jħaffu l-piż tat-taxxi jistgħux jitqiesu bħala għajnuniet tal-istat, “state aid”, lill-kumpaniji. B’hekk jikkozzaw mal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea dwar kompetizzjoni. Hu mod effettiv kif il-Kummissjoni tista’ trazzan il-problema ta’ taxxi li mhumiex qed jitħallsu kif suppost.
Tibqa’ l-mistoqsija: minn fejn ġejja din il-persistenza?
Raġuni waħda hi li fil-pajjizi tal-Unjoni Ewropea ilhom is-snin jitħaddmu mizuri ta’ hekk imsejħa awsterità li wasslu biex jitnaqqsu l-kondizzjonijiet tax-xogħol, jizdiedu t-taxxi u jitnaqqsu s-servizzi soċjali fuq ħaddiema, impjegati u pensjonanti. Waħda mir-raġunijiet għaliex dan sar, kien biex il-banek Ewropej ma jikkrollawx. Issa sar magħruf li ħafna mil-kumpaniji l-kbar, fosthom banek, kienu qed isibu kif jingħataw appoġġi kbar mill-gvernijiet waqt li jaraw kif jagħmlu biex ma jġorru l-ebda piż.
Dil-ħaġa ħolqot rabja kbira. Iċ-ċittadini Ewropej mhumiex lesti jħallsu għas-salvataġġ tal-kumpaniji l-kbar, waqt li dawn jibqgħu jgawdu kif dejjem għamlu u forsi aktar.

***

PRONOSTIKU EKONOMIKU

Bħalma tagħmel kull rebbiegħa, l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat din il-ġimgħa t-tbassir tagħha dwar kif l-ekonomiji Ewropej se jizviluppaw matul is-sena li ġejja. Bl-eċċezzjoni ta’ Ċipru, l-istimi li qed tagħmel għall-pajjizi differenti issa jirraprezentaw titjib fuq dak li kienet qed tbassar sa ftit ilu. L-istennija hi li t-tkabbir ekonomiku se jissaħħaħ – mhux f’kull pajjiz l-istess, imma b’mod ġenerali t-tendenza se tkun li se jikbru l-konsum, l-investimenti u l-bejgħ u x-xiri, mhux l-anqas fi swieq barranin.
Mhuwiex tkabbir qawwi, anzi wieħed jista’ jgħid li hu modest ħafna. Biss il-fatt li qed tiġi konfermata t-tendenza lejn it-tkabbir qanqal fiduċja ġdida li forsi din id-darba mhux se jerġa’ jiġri kif ġara qabel. Kien ikun tħabbar it-tmiem tal-krizi ekonomika fl-Ewropa, jerġgħu jinbidlu ċ-ċirkostanzi u t-tbassir dwar titjib ekonomiku jinqaleb ta’ taħt fuq.
Safrattant, waqt li kulħadd qed joqgħod attent li ma jibnix tamiet wisq fiergħa, qed ikun hemm qbil li t-tkabbir ekonomiku li qed iseħħ għadu wieħed fraġili. Għad jista’ malajr jizvinta. Agħar minn hekk madankollu hu l-għarfien li t-titjib ekonomiku ftit se jaffettwa f’qasir zmien il-problema tal-qgħad. Mhux mistenni li se jwassal għal zieda fl-imjiegi f’qasir zmien.
Issa jekk hemm pjaga soċjali li qed toħloq problemi kbar kwazi fil-pajjizi Ewropej kollha, kemm barra u kemm ġewwa z-zona ewro, din hi l-qgħad. U l-aktar il-qgħad fost iz-zgħazagħ li f’numru ta’ sitwazzjonijiet laħaq livelli dizastruzi ta’ kwazi kwart taz-zgħazagħ kollha li jinsabu bla xogħol u ilhom hekk.
Ekonomisti qed jgħidu li mingħajr zieda qawwija fl-investimenti mhux se jkun hemm ċaqliq serju fiċ-ċifri tal-qgħad. Biss imbagħad oħrajn qed isostnu li effettivament diġà qed ikun hemm titjib f’dan il-qasam. Hu wieħed ċkejken ħafna veru, imma l-fatt li l-qgħad ma baqax tiela’ fl-aħħar xhur, anzi naqas bil-ftit, għandu jittieħed bħala sinjal ta’ inkoraġġiment. Din turija oħra ta’ kemm fl-aħħar snin, naqset il-fiduċja fil-ħila tal-ekonomija Ewropea biex tirpilja malajr mid-daqqiet li tkun qalgħet.

DIĠITALI

Qasam li dwaru hemm interess kbir bħala wieħed li minnu tista’ tinħoloq attività ekonomika ġdida u importanti hu dak imsejjaħ ”diġitali” – li jinkludi l-izviluppi li għandhom x’jaqsmu mat-teknoloġija tal-kompjuters u tal-inġenji kollha moderni tal-komunikazzjoni. Qed jintqal li l-isfida hi kif se jinħoloq suq wieħed diġitali fl-Ewropa biex jippromwovi investimenti u inizjattivi ġodda waqt li jgħin fit-tnaqqis tal-ispejjez tal-produzzjoni tad-ditti.
Din il-ġimgħa l-Kummissjoni Ewropea pprovat twieġeb għal din l-isfida billi ppubblikat pjan dettaljat għall-ħolqien ta’ suq diġitali wieħed fl-Ewropa. Hu pjan li jkopri diversi livelli ta’ ħidma: mill-ħolqien ta’ liġi waħda li tipproteġi lil min iħaddem l-għodod diġitali, bħala imprenditur, bħala artist jew bħala konsumatur, sal-modi kif jistgħu jitħajru inizjattivi ġodda diġitali ħalli jsibu appoġġ kullimkien fl-Ewropa. Is-suġġett hu wieħed tal-akbar importanza; jixraqlu li nitkellmu aktar dwaru u li nqisuh b’interess u attenzjoni.

Facebook Comments

Post a comment