“L-ISTITUZZJONI TAL-PARLAMENT TINSAB FI KRIŻI”: AĠĠORNAMENT TAL-PARLAMENT, 15 TA’ FRAR 2011

Ma nkunx qed nesaġera meta ngħid li l-istituzzjoni tal-Parlament tinsab fi kriżi. Qatt ma niftakar li fil-pajjiż, kien hemm daqshekk sfiduċja u xettiċiżmu dwar dak li qed nagħmlu aħna d-deputati f’dil-Kamra, daqs kemm hemm illum.

Mhix kriżi li skattat f’daqqa waħda. Ilha tinħema u għal diversi raġunijiet. Imma fl-aħħar ġimgħat, żgur li l-problema rrankat. Fost il-poplu, hemm il-ħsieb ċar li l-Kamra tad-Deputati mhi sservi għal xejn ħlief biex dawk li jinsabu eletti fiha, jitgħażżnu, ma jagħtux kas tal-problemi reali li qed jiffaċċjaw il-familji u fl-istess ħin kollha kemm aħna, npappuha tajjeb.

Lil hinn imbagħad minn x’qed jaħsbu u jemmnu ċ-ċittadini dwarna, hemm ir-realtà ta’ kemm dil-Kamra qed taqdi tajjeb il-funzjonijiet tagħha ta’ skrutinju fuq il-liġijiet li jiġu proposti u fuq l-ispiża pubblika. Dawn huma funzjonijiet fdati lilna mill-Kostituzzjoni li tpoġġi fuqna l-aqwa inkarigu li ngħid jien, jeżisti fi stat, dak jiġifieri, li l-Parlament skont artiklu 65 tal-Kostituzzjoni qiegħed hemm biex “jagħmel liġijiet għall-paċi, ordni u gvernar tajjeb ta’ Malta”.

IL-PARLAMENT MHUX IWETTAQ IL-ĦIDMA TIEGĦU TAJJEB

Mhux il-kas li wieħed jgħid… kif intqal ħafna drabi f’diversi oqsma f’dal-pajjiż matul l-aħħar snin… li wieħed jagħmel “riforma” u jibdel il-Parlament, qisu kien xi qasam bħal skejjel jew transport, u billi nibdlu l-organiżazzjoni u l-istrutturi tagħhom, nkunu mingħalina solvejna l-problema. Dawn it-taparsi soluzzjonijiet li drajna bihom, imlaqqma riformi, li jħallu l-affarijiet fejn kienu meta ma jagħmluhomx agħar… u li għandhom il-vantaġġ għall-gvern, li jagħtu l-impressjoni li l-affarijiet sejrin ’il quddiem u qed jirranġaw… żgur ma jgħoddux għall-Parlament. Tnaqqas jew iżżid in-numru ta’ deputati, tagħmilhom “full timers” jew le… il-funzjonijiet u l-istruttura tal-Parlament se jibqgħu dak li huma.

Qabel xejn, irridu nistaqsu jekk il-Parlament hux iwettaq il-ħidma tiegħu tajjeb meta jiġi biex jgħaddi l-liġijiet u jagħmel il-funzjonijiet ta’ skrutinju li joħorġu minn dil-ħidma.

Jien l-ewwel wieħed li ngħid li le.

Anki fuq l-aktar kejl bażiku ta’ kif qed jgħaddu l-liġijiet, m’hemmx spazju u mezzi biżżejjed biex il-liġijiet jiġu mgħarbla b’mod effettiv. Ngħidu x’ingħidu, l-istruttura ta’ kumitati qed tiżvixxra l-ħidma ta’ sorvelja u ta’ skrutinju serju u kostanti, li għandha ssir meta tkun qed tgħaddi liġi. Il-mod moħbi u ta’ malajr kif jaħdmu l-kumitati qed ikompli jimmina s-serjetà li biha għandhom jitqiesu liġijiet ġodda.

Din hi ħidma politika tal-aqwa importanza għan-nazzjon. Imma l-ħidma politika trid il-pubbliċità biex tiffjorixxi. Ix-xogħol tal-kumitati, bil-maqlub ta’ x’kien jiġri qabel meta l-kumitati kienu jinżammu fil-plenarji tal-Kamra, illum hu l-aktar xogħol moħbi ta’ dal-Parlament. Ma jqanqal l-ebda interess u ħadd ma jkun jaf bih jew jimportah minnu. Inkunu boloh jekk nagħlqu għajnejna għall-fatt li l-kwalità ta’ skrutinju tal-abbozzi ta’ liġijiet niżlet bil-kbir fl-aħħar snin.

REGOLAMENTI U DIRETTIVI EWROPEJ

Il-gvern forsi jieħu gost li l-affarijiet isiru mingħajr wisq taħbit għalih. Imma din hi fehma mijopika. Ix-xogħol parlamentari jista’ jkun għaddej b’ħeffa komda għall-gvern, imma liġijiet li joħorġu magħtuba mill-Parlament, kif qed jiġri b’ħafna abbozzi, żgur mhumiex fl-aħjar interess tas-soċjetà.

Imbagħad hemm fattur ieħor li qed jimmina s-siwi ta’ dal-Parlament, fattur li kien prevedibbli mill-bidu nett. Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea qed tfisser li deħlin f’pajjiżna patafjun ta’ liġijiet u regolamenti mnebbħa u infurzati mill-istanzi tal-Unjoni Ewropea. Fuq dawn, fir-realtà mhux fuq il-karta, l-Parlament ftit qed jeżerċita skrutinju.

Illum jgħidulna li ninsabu fost l-aktar pajjiżi li qed nimplimentaw malajr regolamenti u liġijiet deċiżi mill-Unjoni Ewropea. Imma dan ġara l-aktar għax ħafna minn dawn ir-regolamenti qed jiddaħħlu b’sempliċi Avviż Legali – “Legal Notice”, fil-qafas ta’ liġi bażika li tkun għaddiet bħala “enabling legislation” u li tkun vojta mill-kontenut. Wara, dan il-kontenut jiddaħħlilha per mezz tal-Avviżi Legali li joħorġu. Għall-bidu l-Kummissjoni Ewropea kienet għokritha għajnha minn dil-proċedura imma issa jidher li aċċettatha.

L-effett finali qed ikun li proċeduri parlamentari li suppost qegħdin hemm għall-finijiet ta’ skrutinju qed jingħataw il-ġenb. Se jintqal li funzjonijiet ta’ konsultazzjoni u skrutinju qed isiru per mezz tal-MEUSAC u per mezz tal-kumitat tal-Kamra li fost materji oħra konnessi mar-relazzjonijiet barranin, jiddiskuti wkoll ir-regolamenti u liġijiet li jitilgħu mill-Unjoni Ewropea.

Jien konvint li dan mhux qed ikun biżżejjed. La l-MEUSAC u lanqas il-kumitat tal-affarijiet barranin tal-Kamra m’għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom riżorsi tekniċi u amministrattivi adekwati.

Wasal iż-żmien li jsir audit professjonali ta’ kif qed nilqgħu għall-isfida… bħala pajjiż, mhux biss bħala Parlament… għall-bidliet fir-regolamenti u l-liġijiet li ġejjin minn Brussel. U fuq il-bażi tar-riżultati li joħorġu minn dan l-audit, wieħed ikun jista’ jitkellem aktar…

IL-PARLAMENT SAR QISU KUNSILL LOKALI

Li żgur hu li dal-Parlament hu l-anqas wieħed mill-Parlamenti Ewropej li qed iżomm ruħu kurrenti ma’ xinhu qed jitkewwes fi Brussel u Strasborug fid-diversi oqsma tal-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea… U dan mhux biss għax għadna mingħajr ebda rappreżentanza bħala Parlament fi Brussel…

Li żgur hu li l-każ li ġara f’Ġunju tas-sena li għaddiet fil-qasam tas-sajd madwar l-ibħra ta’ Malta, fejn konna marbuta mad-dħul ta’ regolamenti ġodda fuq bażi Ewropea li dwarhom ma kien sar xejn, u li ħadd donnu ma kien jaf bihom… ma kienx każ iżolat. Bl-istess mod, nista’ nsemmi wkoll x’ġara fl-aħħar snin fil-qasam tal-enerġija sostenibbli, fejn dħalna bla ma qiesna x’qed nagħmlu, għal impenji li domna biex nirrealiżżaw fejn se jwassluna. Dwar dawn l-impenji, illum ninsabu lura ħafna, bir-riskji ta’ penali kbar ta’ flus li għad irid ikollna nħallsu bħala pajjiż.

F’dal-kuntest, hu ċar li f’ħafna direzzjonijiet ta’ tmexxija, l-Parlament Malti ġie mċekken għall-istatus ta’ kunsill lokali. Li jdejjaqni aktar u aktar, hu li dan qed jiġri b’mod u manjiera li jeċċedu dak li kien se jiġri, jew li kellu għalfejn jiġri, taħt l-applikazzjoni stretta tar-regoli ta’ tmexxija tal-Unjoni Ewropea.

Qed jiġri għax il-Parlament tagħna mhux qed ikun iggerjat biex jassumi r-responsabbiltajiet tiegħu taħt il-Kostituzzjoni, u għax qed iħalli li r-responsabbiltajiet tiegħu jiġu injorati jew jiġu bħala stat ta’ fatt, mgħoddija lil ħaddieħor, li hu wkoll mhux qed iwettaqhom tajjeb.

IL-KUMITAT TAL-KONTIJIET PUBLIĊI

Aktar minn hekk, għandna r-realtà l-oħra li l-iskrutinju li jsir minn dil-Kamra tal-operat tal-gvern hu dgħajjef għall-aħħar. Għandna sistema per mezz tal-Kumitat tal-Kontijiet Publiċi fejn l-istess ministri li jkun qed jiġi mifli l-operat tal-ministeri tagħhom, huma membri sħaħ u permanenti tal-Kumitat. Naturalment huma jaraw ir-rwol tagħhom bħala dak ta’ avukati difensuri tal-gvern.

Dan mhux mod kif il-Kumitat tal-Kontijiet Publiċi jista’ jmexxi l-ħidma tiegħu b’mod serju. Sa fejn naf jien, sistema bħal din ma teżisti fl-ebda Parlament ieħor tad-dinja.

U mhux ta’ b’xejn imbagħad li ma jista’ jsir l-ebda xogħol siewi biex matul is-snin, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur, li hu għodda ewlenija ta’ dal-Parlament fejn jidħol l-iskrutinju tax-xogħol tal-gvern, ikun jista’ jtejjeb il-kwalita tar-rapporti u tal-istħarriġ li jagħmel tas-sistema governattiva.

Din is-sitwazzjoni anomala – biex nuża l-kelma fis-sens korrett tagħha – kompliet teħżien fl-aħħar xhur bid-deċiżjoni perversa tas-Sedja li tagħti lill-maġġoranza tal-gvern fi ħdan il-Kumitat tal-Kontijiet Publiċi, kontroll fuq l-aġenda u l-proċedura tal-Kumitat. Fil-veru sens tal-kelma, l-għan donnu sar li l-Kumitat jispiċċa kelb tal-għassa li la jista’ jigdem u lanqas jinbaħ.

…M’hemmx dubju li l-gvern preżenti jġorr l-akbar responsabbiltà għad-deterjorazzjoni li rajna u qed naraw fil-kwalità tal-ħidma parlamentari. Il-laqgħat tal-Parlament u l-aġenda tiegħu qed jiġu soġġetti aktar minn qatt qabel, għall-esiġenzi ta’ safar tal-ministri u deputati tal-gvern, l-aktar fuq xogħol konness ma’ ħidmiet fl-Unjoni Ewropea.

Il-mozzjoni ta’ proċedura li ninsabu għadejjin biha biex jittieħdu l-voti hi mfassla bl-aktar mod brutali, biex tassigura li l-votazzjonijiet isiru meta jaqbel lill-gvern.

L-INTRANSIĠENZA TAL-GVERN

Dejjem gvernijiet differenti raw kif il-mozzjoni ta’ proċedura li jaħdmu biha, tiffaċilita l-ħidma parlamentari tagħhom. Biss, f’ċirkostanzi fejn il-gvern tal-lum għandu maġġoranza ta’ wieħed fil-Parlament u anqas minn kwota elettorali ta’ maġġoranza relattiva fuq l-Oppożizzjoni mal-pajjiż kollu, il-mozzjoni ta’ proċedura tal-lum tmur ħafna aktar ’il bogħod minn dawk ta’ qabilha, biex tillimita kif u meta jinżammu dibattiti u jsiru l-votazzjonijiet.

Se jintqal li dan ġara għax l-Oppożizzjoni ċaħdet li jkun hemm “pairing”. Li ma jintqalx hu li fiċ-ċirkostanzi politiċi li minnhom telaq u li fuqhom qed jibbaża l-ħidma tiegħu, il-gvern kellu d-dmir li jmexxi politika rikonċiljattiva u bbażata fuq “give and take” – fuq kompromess ġenwin, mhux waħda arbitrarja li akkost ta’ kollox tibda ddettata minnu u tispiċċa ddettata minnu.

Eżempju ta’ din l-intransiġenza hu d-deċiżjoni li biha l-gvern qal li se jibni Parlament ġdida fid-daħla tal-Belt. Sa fejn naf jien, ħadd mid-deputati ma ġie konsultat fuq din id-deċiżjoni, li ma tagħmel l-ebda sens.

Li l-Parlament għandu bżonn spazju aħjar minn fejn jaħdem hi ħaġa li ilha ċara għal deċennji sħaħ. Imma hi ġennata li tagħmel investiment ta’ bini ġdid għall-Parlament f’post fejn ikun aħjar li jsiru binjiet li joħolqu attività kummerjali u kulturali, ħalli jgħinu biex jinġabru l-folol fil-belt kapitali. Fejn se jitpoġġa, l-Parlament mhux se jgħin biex jinġabru n-nies ħalli jkabbru l-ħajja komunali. Imma se jservi biex iż-żona tnaqqas mill-attività publika.

Sadattant ma kien hemm l-ebda sinjal ta’ xi ħsieb li għall-Parlament innifsu, se jiżdiedu r-riżorsi li bihom ikun jista’ jaħdem aħjar. U allura ninsabu quddiem turija oħra ta’ kif f’dal-pajjiż, l-investiment publiku meħtieġ jew ma jsirx, jew isir tard ħafna, jew isir b’mod ħażin, jew isir biex intellgħu “white elephants”.

Biex tagħqad, il-publiku mhux qed iwaħħal fil-gvern għad-deċiżjoni ħażina li ħa dwar kif u fejn se jibni dar ġdida għall-kamra tar-Rappreżentanti… Qed iwaħħal fid-deputati kollha… ħaġa li tkompli ċċajpar il-prestiġju tal-istituzzjoni parlamentari.

IL-KWISTJONI TAŻ-ŻIEDA FL-ONORARJI

Biss m’hemmx dubju, id-diżillużjoni fil-pajjiż bil-Parlament splodiet fl-aħħar xhur minħabba x’ġie żvelat baxx baxx fi tweġiba mogħtija mill-Ministru tal-Finanzi, fit-18 ta’ Novembru 2010 għal mistoqsija parlamentari li kienet saret minn sieħbi l-onor. Leo Brincat.

Skont din it-tweġiba, fit-12 ta’ Marzu 2008, il-kabinett kien iddeċieda li b’effett immedjat:

1)il-ministri jibdew jirċievu l-onorarji bħala deputati, u dan b’żieda mas-salarji tagħhom ta’ ministri;

2)id-deputati kollha, u allura ukoll il-ministri u sergretarji parlamentari, jiżdidulhom l-onorarja tagħhom b’40 fil-mija;

3)fil-każ tal-ministri, l-onorarji biż-żieda l-ġdida bdew jitħallsu minnufih;

4)skont il-ministru tal-finanzi, għalkemm iż-żieda fl-onorarja tad-deputati kienet ukoll effettiva mit-12 ta’ Marzu 2008, peress li kellha titħallas mill-Parlament, kienet għadha fil-proċess ta’ implimentazzjoni.

Din l-informazzjoni qajmet agħa kbira fil-pajjiż. U bir-raġun. Fi żmien meta ċ-ċittadini qed ikollhom iġorru piżijiet dejjem akbar f’taxxi u prezzijiet ogħla mingħajr ma jiżdiedu l-pagi, li anzi baqgħu jistaġnaw, il-ministri u d-deputati dehru li qed igawdu żidiet ta’ dħul mill-aktar sostanzjali.

Għall-membri ta’ din il-Kamra, l-agħar kien li ma kienu jafu xejn b’xinhu għaddej. Huma li suppost qed igawdu minn żidiet sostanzjali fid-dħul tagħhom tul aktar minn sentejn u nofs, ma kienu missew xejn minnhom. Iż-żidiet li suppost kienu ħadu bla ma jafu, tħabbru meta l-poplu kien iħossu bir-raġun magħkus mill-piżijiet u spejjeż li l-gvern għabba fuqu. U d-deputati spiċċaw iddisprezzati min-nies, għal li kienu ngħataw jew se jingħataw… dejjem bla ma jafu, u li ħafna nies ħasbu li bħall-ministri, kienu diġà ħadu.

Biex tkompli tgħaxxaqha imbagħad, kien hemm il-punt li waqt li l-proċess ta’ kif id-deputati kellhom jitħallsu kien baqa’ pendenti, l-ministri u s-segretarji parlamentari gawdew fl-aħħar snin u mill-bidu nett, l-onorarji parlamentari, kif miżjuda mill-kabinett f’Marzu 2008, billi tħallsu direttament mill-ministeri tagħhom, fl-istess ċekk mas-salarji.

MEWĠA TA’ GĦADAB

Mhux ta’ b’xejn li mewġa ta’ għadab lejn il-parlamentari kollha xterdet mal-pajjiż u għadha qawwija fost il-poplu. Ħafna nies… u tifhem għaliex… ħassew ruħhom traduti mid-deputati. Ħafna nies ma setgħux jagħmlu d-differenza bejn kif mexa l-gvern u bejn kif ġew trattati d-deputati.

Fit-28 ta’ Diċembru, jien ktibt lill-Ispeaker biex inqajjem talba ħalli dal-każ jiġi kunsidrat wieħed ta’ disprezz lejn il-Parlament min-naħa tal-gvern.

Każ ta’ disprezz hu differenti minn wieħed ta’ ksur ta’ privileġġ għax hu ħafna usa’ minn kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw ksur ta’ privileġġ. Skont l-Erskine May, kull att jew nuqqas li joħloq ingombru jew impediment fit-twettiq tal-funzjonijiet tal-Parlament, jew li joħloq ostruzzjoni, jew jimpedixxi lil membru jew uffiċjal tal-Kamra milli jkun jista’ jaqdi dmirjietu, jew għandu xi tendenza diretta jew indiretta li tipproduċi rizultati bħal dawn, għandu jiġi trattat bħala każ ta’ disprezz, anki jekk ma jkunx hemm preċedenti għall-offiża li tkun saret.

Dan kien il-mod kif il-House of Commons u Parlamenti oħra qiesu kwistjonijiet ta’ każi ta’ disprezz meta qamu.

L-Istanding Orders tagħna u l-prattika ta’ dil-Kamra dejjem marru fis-sens li materji li ma jkunux iċċarati fl-Istanding Orders infushom, jew fl-Ordinanza li tirregola l-privileġġi u l-poteri tal-Parlament, għandhom jiġu regolati skont il-prattika tal-House of Commons. Din il-proċedura tirrekjedi li fejn kwistjoni ta’ disprezz titqajjem minn deputat b’kitba lill-Ispeaker, din ghandha titressaq minn dan tal-aħħar quddiem il-Kamra kollha. Għedt lill-Ispeaker li kont qed nagħmel dan bl-ittra li bgħattlu.

Qed inpoġġi kopja tal-ittra tiegħi lill-Ispeaker bid-data tat-28 ta’ Diċembru 2010 fuq il-Mejda tal-Kamra, kif ukoll it-tweġiba tas-Sedja mibgħuta fit-22 ta’ Jannar 2011. Issa veru li għall-ewwel ġimgħa wara li bgħattlu l-ittra, l-Ispeaker kien indispost u ra l-ittra tiegħi biss fl-4 ta’ Jannar 2011.

SENS TA’ MISTĦIJA

Imma jidhirli li ż-żmien li wara, ħadet is-Sedja biex tirrispondi b’mod sostantiv għal dak li jien poġġejt quddiemha, kien ta’ tul eċċessiv. Tliet ijiem qabel l-Ispeaker bagħatli t-tweġiba tiegħu, fid-19 ta’ Jannar, l-Onor Prim Ministru għamel stqarrija dwar il-kwistjoni kollha tal-onorarji li ħadu l-ministri u s-segretarji parlamentari, u li kellhom jieħdu d-deputati. Bir-rispett kollu, in vista ta’ fiex kienet tikkonsisti t-tweġiba tas-Sedja, ngħid li bilfors iqum suspett raġonevoli li d-dewmien fit-tweġiba li bagħatli l-Ispeaker kienet kondizzjonanta minn stennija għall-istqarrija tal-Prim Ministru.

L-għada li rċevejt l-ittra tas-Sedja, fit-23 ta’ Jannar bgħatt tweġiba qasira fejn għedt kif wara li qrajt it-tweġiba tal-Ispeaker, “din kienet l-ewwel darba kemm ili membru tal-Kamra tar-Rappreżentanti li qed inħossni nistħi ngħid li jien deputat”.

Nieħu l-opportunità ta’ dan l-aġġornament biex intenni din il-fehma, waqt li npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-e mail tiegħi tat-23 ta’ Jannar.

Fit-tweġiba tagħha, is-Sedja sostniet li bid-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar l-onorarja tad-deputati, ma kienx seħħ disprezz lejn il-Parlament, lanqas fid-dawl tad-definizzjoni li toħroġ mill-prattika parlamentari Ingliża li dan id-disprezz jista’ jirriżulta minn “an act or omission which obstructs or impedes the House of Parliament in the performance of its functions”. Jidhirli li l-mod kif is-Sedja waslet għall-konklużjonijiet tagħha hu difettuż, abużiv u miftuħ beraħ għall-akkuża ta’ parzjalità.

Ma jistax ikun li fejn jaqbel mod, nikkwotaw il-prattika Maltija, u fejn jaqbel mod ieħor, napplikaw il-prattika Ingliża. Dan il-metodu qed jissarraf dejjem biex jaġevola bl-aktar mod lampanti lill-Eżekuttiv, li diġà għandu aġevolamenti kemm irid fit-tmexxija tax-xogħol parlamentari.

Il-linja ta’ gwida fl-Istanding Orders tagħna dwar meta għandna nsegwu l-prattika Ingliża hi ċara. Imma fil-fehma tiegħi, dil-linja qed tiġi injorata għal kollox mis-Sedja preżenti meta jinqalgħu ċerti ċirkostanzi. B’hekk, it-trasparenza, anki fit-tmexxija ta’ dal-Parlament, qed tkompli tonqos bil-kbir.

FATTI MATERJALI

It-tieni: quddiem sitwazzjoni bla preċedent, l-aqwa test ta’ jekk setax kien hemm disprezz tal-Kamra tar-Rappreżentanti fl-aġir tal-gvern, għandu joħroġ minn kunsiderazzjoni ta’ fatti materjali. Jiġifieri fuq quddiem nett, r-reazzjoni pubblika meta sar magħruf kif kien inbidlu aktar minn sentejn u nofs ilu, id-dħul tal-ministri u l-onorarji tad-deputati, bla ma qatt dil-ħaġa ġiet imħabbra.

Kull ma kellha tagħmel is-Sedja biex tifhem li quddiem fatti bla preċedent, il-Kamra kienet ġiet miftuħa għad-disprezz popolari, kien li taqra l-gazzetti u tikkonsulta dwar x’kien għaddej fil-medja u fil-pjazez dwar is-suġġett.

It-tielet: għalkemm l-Ispeaker f’każ bħal dan għandu t-territorju fejn irid jasal għal deċiżjoni skont il-ġudizzju tiegħu, l-ewwel irid skont il-prattika Ingliża li aħna bl-istanding Orders f’qasam bħal dan, marbutin li nsegwu, jtella’ l-każ quddiem il-Kamra meta ssirlu talba bil-kitba minn deputat. Bl-argument li mhux qed issegwi l-prattika Ingliża, argument li nirritjeni hu abużiv, is-Sedja naqset milli tagħmel dan.

Bħala palljattiv, fhimt jien, fl-ittra li bagħtitli, is-Sedja stqarret li “huwa anomalu li deċiżjoni tal-kabinett dwar żieda fl-onorarja tal-membri tal-Kamra ma ġietx notifikata lill-Ispeaker jew lill-Iskrivan tal-Kamra fiż-żmien li ttieħdet, imma ġiet komunikata issa għall-implimentazzjoni retroattivament għat-12 ta’ Mejju 2008. Dan m’għandux isir”.

Bir-rispett kollu, l-użu tal-kelma “anomalu” hi minnha nnifisha anomala, meta użata f’kuntest bħal dan, minn Sedja li suppost qiegħda hemm biex tiddefendi u tħares id-drittijiet u l-privileġġi ta’ dal-Parlament.

Id-dizzjunarju tiegħi jiddefinixxi l-kelma “anomalu” bħala irregolari, inkonsistenti. Ninsabu quddiem deċiżjoni li biha bidla fil-ħlasijiet ta’ korp ta’ membri mwaqqaf u elett mill-poplu bis-saħħa tal-kostituzzjoni, baqgħet mistura għal aktar minn sentejn u nofs waqt li ngħatat biss lil uħud minn dal-korp, jiġifieri l-ministri fil-kabinett.

Diġà hemmhekk, twettqet diskriminazzjoni lampanti bejn membri ta’ dal-Parlament. Imbagħad il-bidla fl-onorarja ġiet żvelata fl-agħar żmien, b’konsegwenza li r-reputazzjoni tal-membri tal-Kamra ġiet skreditata għall-aħħar. Liema grupp ta’ ħaddiema f’liema azjenda żgħira jew kbira, f’liema pajjiż qatt se jippermettu li tiġri ħaġa bħal din u qisu ma ġara xejn, bl-iskuża li ġew iffaċċjati b’irregolarità jew inkonsistenza?

DISPREZZ AGGRAVAT U LAMPANTI

Il-palljattiv l-ieħor li sabet is-Sedja kien li fl-istqarrija tiegħu lill-Parlament tad-19 ta’ Jannar, il-Prim Ministru jidher li rrikonoxxa li kien hemm “anomalija” u ppropona li l-materja titqiegħed għall-konsiderazzjoni u deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra.

Nerġa’ ngħid bir-rispett kollu: effettivament l-istqarrija tal-Prim Ministru aggravat u mhux naqqset id-disprezz muri lejn din il-Kamra. Tul l-istqarrija, l-Prim Ministru qal li qed jirrevoka l-bidliet fl-onorarja tad-deputati li kienu ddaħħlu f’Marzu tas-sena 2008.

Ġimagħtejn u nofs qabel, fil-31 ta’ Diċembru 2010, l-Iskrivan tal-Kamra kitbet lid-deputati kollha biex tavżahom li minn Jannar ta’ dis-sena, kienu se jitħallsu bir-rata l-ġdid ta’ onorarji, u li malajr kemm jista’ jkun se jitħallsulhom l-arretrati. Irrespettivament mill-merti tad-deċiżjoni li ħabbar il-Prim Ministru, id-deċiżjoni nnifisha – jekk tista’ tissejjaħ deċiżjoni – tkompli taggrava d-disprezz muri lejn il-Kamra. Liema grupp ta’ ħaddiema jaċċetta li jiġi trattat b’dal-mod, li l-bidliet fil-ħlasijiet li jingħataw jittellgħu u jitniżżlu, qishom bi swiċċ tad-dawl, l-ewwel bil-moħbi, imbagħad mil-lum għal għada, u qisu ma ġara xejn?

Fl-istess intervent tal-Prim Ministru intqal li l-Ministri kienu se jirrifondu d-differenza bejn l-onorarji miżjuda li kienu gawdew fl-aħħar sentejn u nofs, u l-onorarji l-antiki. Imma tqum il-mistoqsija: jekk tassew dak li l-ministri tħallsu kienu onorarji, kif setgħu jitħallsu mill-voti ministerjali tagħhom u mhux bħad-deputati l-oħra kollha, mill-vot tal-Parlament li minnu jitħallsu l-onorarji, miżjuda jew imnaqqsa?

Fl-agħar analiżi, dak li sar minn Marzu 2008 ’il quddiem kien jammonta għal abbuż tar-regolamenti finanzjarji tal-gvern, fejn flejjes li jitħallsu, iridu joħorġu mill-voti relattivi għalihom. Fi kwalunkwe każ, il-Parlament intuża bħala paraventu għal deċiżjoni moħbija tal-kabinett biex iżid id-dħul tal-membri tiegħu…

Xejn ma jista’ juri sentiment akbar ta’ disprezz lejn l-istituzzjoni tal-Parlament minn strataġemma bħal din.

Fit-tielet post, tul l-intervent tiegħu, il-Prim Ministru tkellem qisu kien ix-shop steward tal-grupp ta’ membri ta’ dal-Parlament li jikkostitwixxu l-kabinett. Telaq għal paraguni odjużi bejn kemm jaqilgħu diversi membri tal-Kamra, mqabbla mal-membri tal-kabinett. Nista’ ngħid li qatt kemm ili fil-politika ma smajt diskussjoni daqshekk merċenarja dwar il-ħidma tad-deputati, daqskemm smajt dak in-nhar.

SERVIZZ PUBLIKU

Kważi dejjem fil-ħajja politika Maltija, kien hemm fost il-politiċi ġenwini l-qbil li l-ħidma politika għandha titqies bħala servizz publiku, u l-paraguni ma’ ħidmiet kummerċjali mhumiex rilevanti għal kif għandu jitqies il-kontribut politiku. Fl-intervent tal-Prim Ministru, referebbili għall-ħidma tal-parlamentari, dil-priorità nqalbet ta’ taħt fuq.

U allura hi ħaġa inaċċettabbi li s-Sedja tqis l-intervent tal-Prim Ministru tad-19 ta’ Jannar, tħares lejh kif tħares lejh, bħala xi rimedju jew palljativ għal dak li s-Sedja għoġobha tlaqqam anomalija – u li jien u ħafna oħrajn, inqisu bħala disprezz lampanti tal-Parlament.

Jew nemmnu fid-demokrazija parlamentari jew ma nemmnux. Jekk nemmnu, irridu niddefenduha kontra ħidmiet li jbaxxuha jew jimminawha. Li ninħbew wara skużi proċedurali biex nagħlqu għajnejna għal disprezz manifest lejn il-Kamra hu formola oħra biex id-disprezz li bih ġiet ittrattata l-Kamra jaggrava. Dan se jkompli jwassal biex l-istima lejn l-istituzzjoni tal-Parlament fost iċ-ċittadini tibqa’ titbaxxa.

Fuq kollox, is-Sedja qiegħda hemm mhux biex tassigura li l-“business” tal-gvern ikompli għaddej bla inċidenti imma biex tassigura li l-Parlament jopera b’mod ħieles, trasparenti u bla xkiel.

Infakkar hawn b’kull rispett, lill-ex-Ispeaker ta’ dil-Kamra Dottor Jimmy Farrugia li f’cirkostanzi diffiċli, mis-Sedja, kien ta xhieda onesta u sinċiera ta’ dan l-impenn, akkost li jkun kalpestat min-naħa politika tiegħu għal deċiżjonijiet li ħa skont dan l-impenn. Illum, hawn bżonn kbir li l-eżempju kuraġġuż tiegħu jiġi segwit, fl-aħjar interess tad-demokrazija parlamentari f’pajjiżna. Jiddispjaċini madankollu li dan mhux qed jiġri.

Quddiem l-aktar ezempju ċar u bla preċedent ta’ disprezz tal-Parlament, minflok ittieħdet azzjoni kuraġġuża, ġiet preferita t-triq tal-konvenjenza u l-kompjaċenza. Bħala deputat ta’ dil-Kamra, jien ma nistax ma nikkundannax din il-preferenza li ngħidilha abużiva.

Facebook Comments

Post a comment