L-Onor Dr Michael Frendo M.P.
Speaker,
Kamra tar-Rapprezentanti.

Onorevoli:

Grazzi tal-ittra tieghek li waslitli l-bierah is-Sibt 22 ta’Jannar fis-6.00 pm, bi twegiba ghall-ittra li kont bghattlek fit-28 ta’ Dicembru 2010, dwar disprezz lejn il-Parlament, muri min-naha tal-gvern fir-rigward tad-decizjonijiet li ttiehdu dwar onorarji ta’ deputati u membri tal-Ezekuttiv.
Fuq il-fond tal-ittra tieghek nirrizerva d-dritt li nirrispondi b’dettal aktar ‘il quddiem.
Madankollu ghandi nghidlek kif wara li qrajt l-ittra tieghek b’kull attenzjoni, din kienet l-ewwel darba kemm ili membru tal-Kamra tar-Rapprezentanti li qed inhossni nisthi nghid li jien deputat.
Bhala gest personali biex nesprimi das-sentiment, iddecidejt li nassenti ruhi ghada mis-seduta tal-Parlament li se tigi indirizzata mill-President tal-Parlament Ewropew Dr Buzek, u dan bl-ebda sens ta’ disprezz lejh jew lejn il-persuni l-ohra li se jindirizzaw il-Kamra. Se jkun il-mod tieghi kif nuri thassib kbir ghal kif l-aqwa istituzzjoni tad-demokrazija kostituzzjonali qed tigi mzebilha u mminata, u qisu ma gara xejn.

Alfred Sant M.P.
23 ta’ Jannar 2011.

 

22 ta’ Jannar, 2011

L-Onorevoli Dr Alfred Sant M.P.
Kamra tad-Deputati,
Il-Palazz,
Valletta

Onorevoli,

Nagħmel riferenza għall-ittra tiegħek tat-28 ta’ Diċembru 2010 li, kif taf int, minħabba li jien kont indispost, stajt naraha biss fl-4 ta’ Jannar 2011.

Fl-ittra tiegħek inti ressaqt quddiemi, fi kliemek, “każ li jidhirli gravi ħafna, ta’ disprezz lejn il-Parlament mill-Gvern, biex int tieħu dwaru kull azzjoni xierqa.”

Fl-ittra tagħmel riferenza għal tweġiba tal-Onor. Tonio Fenech, Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment fit-18 ta’ Novembru 2010 għall-mistoqsija magħmula mill-Onor. Leo Brincat fejn ġiet indikata u spjegata d-deċiżjoni tal-Kabinett meħuda fit-5 ta’ Mejju 2008 u l-mod tal-implimentazzjoni tagħha.

Fil-kuntest ta’ dan, tlabt li jiġi kkonsidrat minni “jekk b’dan li sar, il-Gvern għandux jitqies bħala ħati ta’ disprezz lejn il-Kamra u għandux ikun ordnat li jagħmel dak li jitqies bħala meħtieg biex din is-sitwazzjoni tkun rimedjata.”

Inti indikajt ukoll li “Il-materja ta’ disprezz lejn il-Kamra hi kwsitjoni ħafna usa’ minn kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw ksur ta’ privileġġ u mhix marbuta bir-regoli ta’ proċedura li jiddeterminaw kif jitressaq ksur ta’ privileġġ. Disprezz lejn il-Kamra jiddefinixxi ruħu skont l-Istanding Orders tal-Kamra, skont il-House of Representatives (Privileges and Powers) Ordinance, u skont il-prattika tal-House of Commons.”

F’dan ir-rigward inti tikkwota mill-Erskine May dwar x’jikkonstitwixxi disprezz skont dak l-awtur u tindika li inti qed issegwi, permezz tal-ittra tiegħek lili, il-proċedura tal-House of Commons dwar kwistjoni ta’ disprezz.

Inti wkoll sostnejt li Gvern, bħala Eżekuttiv, jista’ jitqies ħati ta’ disprezz lejn il-Parlament u semmejt preċedenti minn Parlamenti demokratiċi oħrajn cioe’ il-Kanada, New South Wales u l-Indja fejn, inti għidt, li “dil-problema tqajmet u anki fejn Gvern instab ħati ta’ disprezz.”

Inti kkummentajt ukoll li se jkun hemm bżonn, fost punti oħra, li “l-Gvern jgħaddi lill-Parlament kopja awtentika tad-deċizjoni tal-Kabinett tal-5 ta’ Mejju 2008, li biha żdiedu l-onorarji tal-membri parlamentari, ħalli jispjega għaliex kellu jieħu daqshekk żmien biex iwettaq deċiżjoni dwarhom, waqt li wettaqha minnufih fir-rigward tal-istess membri tal-kabinett.”

Fl-aħħarnett, inti wkoll kkummentajt li qed tiktibli fis-sens li “hu importanti li tiġi sostnuta s-saħħa tal-Parlament Malti biex jissodisfa l-funzjonijiet kostituzzjonali tiegħu, li jilleġisla u jiskrutinja lill-Eżekuttiv. Kull ħaġa li tattakka, tirridikola u ddgħajjef is-saħħa tal-Parlament fil-qadi ta’ dmirijietu tirrekjedi tweġiba qawwija u effettiva, qabel kollox mill-Parlament innifsu.”

Huwa minnu dak li tgħid inti li “Disprezz lejn il-Kamra jiddefinixxi ruħu skont l-Istanding Orders tal-Kamra, skont il-House of Representattives (Privileges and Powers) Ordinance, u skont il-prattika tal-House of Commons.”.

Nippreċiza biss għar-rigward il-prattika tal-House of Commons li Ordni Permanenti 197 tgħid li “Fil-każijiet kollha mhux maħsuba f’dawn l-Ordnijiet Permanenti, wieħed għandu jirrikorri għar-regoli, modi, użanzi u drawwiet tal-House of Commons tal-Parlament tar-Renju Unit, li għandhom jiġu segwiti safejn jistgħu jiġu applikati għall-proċeduri tal-Kamra b’konsiderazzjoni xierqa għan-natura speċjali tal-Kostituzzjoni.”.

Naqbel miegħek li trid issir distinzjoni bejn disprezz li huwa marbut ma’ ksur ta’ privileġġ u li allura jrid ikun regolat skond l-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati (Kapitolu 113), u disprezz li jirriżulta mod ieħor, u cioe mhux b’riżultat ta’ ksur ta’ privileġġ.

Anki l-Kostituzzjoni ta’ Malta tirrikonoxxi li l-kunċett ta’ disprezz lejn il-Parlament huwa distint minn dak li jirriżulta mill-ksur ta’ privileġġ u dan jidher ċar fl-Artikolu 34 (1) (c) li jgħid hekk:

“Hadd ma għandu jiġi privat mil-liberta’ personali tiegħu ħlief kif jista’ jkun awtorizzat b’liġi fil-każijiet li ġejjin, jiġifieri – …….

(c) fl-esekuzzjoni ta’ l-ordni ta’ qorti …… jew fl-esekuzzjoni ta’ l-ordni tal-Kamra tad-Deputati li tikkundannah għal disprezz lejha stess jew lejn il-membri tagħha jew għal ksur ta’ privileġġ;”.

Huwa ċar li fir-rigward tal-Kapitolu 113 “nuqqas ta’ qima” huwa regolat mill-Artikolu 8 u mill-Artikolu 11(4). Apparti l-kwestjoni tal-formalita’ kif ksur ta’ privileġġ għandu jitqajjem, mill-eżami tal-fatti tal-każ msemmija fl-ittra tiegħek jirriżulta li dawn ma jaqgħux fil-parametri ta’ nuqqas ta’ qima kif kontemplat fil-Kapitolu 113 li jittratta speċifikatament dwar privileġġi u setgħat tal-Kamra.

L-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra, mill-banda l-oħra jagħmlu riferenza għal tip ta’ “disprezz” li ma joħroġx minn ksur ta’ privileġġ. Dan huwa d-disprezz kif definit fl-Ordni Permanenti Nru. 66:

“Kull Membru li volontarjament ma jobdix xi ordni leġittima tal-Kamra, u kull Membru li volontarjament jew b’mod vessatorju jinterrompi l-mixi regolari tax-xogħol tal-Kamra jkun ħati ta’ disprezz.”.

Anke hawn huwa manifest li l-fatti kkonsidrati f’dan il-każ imressaq minnek ma jikkostitwixxux disprezz lejn il-Parlament taħt dan l-Ordni Permanenti.

Inti wkoll indikajt l-Erskine May biex jitfa’ dawl fuq it-tifsira tad-definizzjoni ta’ disprezz lejn il-Parlament.

Ma nħossx li dak li ġara huwa “an act or ommision which obstructs or impedes the House of Parliament in the perfomance of its functions”, (kwotazzjoni mill-Erskine May fl-ittra tiegħek) partikolament fid-dawl ta’ dak li indikajt int stess, li sal-lum qatt ma kienet il-prassi ta’ dan il-Parlament li l-ħlasijiet lid-deputati jiġu determinati b’riżoluzzjoni parlamentari iżda b’deċiżjoni tal-Eżekuttiv.

Inti tifhem li jiena obbligat u marbut li napplika t-terminu “disprezz lejn il-Kamra” prettament u biss kif definit min-normi viġenti tal-Kamra fiċ-ċirkostanzi kollha tal-każ.

Madankollu huwa anomalu li deċiżjoni tal-Kabinett dwar żieda fl-onorarja tal-Membri ma ġietx notifikata lill-Ispeaker jew lill-Iskrivan tal-Kamra fiż-żmien li ttieħdet imma ġiet komunikata issa għall-implimentazzjoni retroattivament għat-12 ta’ Mejju 2008. Dan m’għandux isir. U dan fl-aħjar interess tar-relazzjoni kontinwa li hemm bejn dawn iż-żewġ Istituzzjonijiet Kostituzzjonali.

Dan jidher li huwa rikonoxxut anke mill-Kap tal-Eżekuttiv, il-Prim Ministru, fl-istqarrija parlamentari tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2011 li issa qed jipproponi li din il-materja titqiegħed għall-konsiderazzjoni u deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra.

Fl-aħħarnett nagħmel tiegħi il-kliem tiegħek fl-ittra fejn tgħid li “Parlamenti oħra għandhom proċessi trasparenti u anki stabbiliti b’riżoluzzjonijiet parlamentari, dwar kif jiġu determinati l-ħlasijiet lid-deputati.” Sal-lum, kif inti wkoll indikajt, żidiet fl-onorarja saru b’deċiżjonijiet tal-Eżekuttiv u mhux tal-Parlament.

Dan kollu jitfa’ dawl ċar fuq il-ħtieġa għal awtonomija tal-Parlament in ġenerali – materja mqajma minn diversi Speakers ta’ qabli – u in partikolari fuq il-ħtieġa li affarijiet bħall-onorarja tal-Membri jiġu ‘l quddiem regolati bi proċeduri ta’ din il-Kamra fl-aħjar interess tad-demokrazija parlamentari ta’ Malta.

Inselli għalik.

Michael Frendo
Speaker

Facebook Comments

Post a comment