Matul is-sena 2015, fil-Parlament Ewropew rajna jiżvolġu sensiela ta’ kriżijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u li għalihom għad trid tinstab soluzzjoni.
Bħala membri tal-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament, ma’ sħabi Marlene Mizzi u Miriam Dalli tad-delegazzjoni Maltija, segwejt mill-qrib l-avvenimenti.
Għamilna l-interventi meħtieġa biex kull fejn stajna, inħarsu l-interessi ta’ Malta.
F’dan, fejn kien neċessarju għall-interess nazzjonali, ġieli morna kontra l-linja tal-istess Soċjalisti u Demokratiċi.
Xahar wara l-ieħor, kellna l-kriżi fiż-żona tal-ewro kkawżata mill-problemi finanzjarji tal-Greċja.
Kellna t-terroriżmu, b’żewġ attakki kiefra f’Pariġi, li waħħxu lil kulħadd.
Rajna l-fawra tal-immigrazzjoni mill-Afrika u l-Lvant Nofshani lejn l-Ewropa f’żewġ mewġiet, mill-Mediterran ċentrali, imbagħad mit-Turkija.
Kellna l-konfront bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja, li għadu għaddej; u l-mistoqsija ta’ x’se jsir mir-Renju Unit, li għad jista’ jitlaq mill-Unjoni.
Sadattant, il-qagħda ekonomika fl-Ewropa baqgħet staġnata jew fraġili.
Taħt gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat, dan ma ġarax f’Malta.
Anzi rajna tkabbir ekonomiku li jisboq sew il-medja Ewropea.
Imma f’kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet li semmejt, hemm involuti wkoll interessi vitali ta’ Malta.
Hu kruċjali li l-poplu tagħna jkun konxju ta’ x’jinsab għaddej fl-Ewropa – ta’ kif dan se jolqtu – attent għal kif se nilqgħu għall-isfidi.
Sa ftit ilu, ħafna fostna ma kinux qed jirrealiżżaw kemm l-iżviluppi fl-Ewropa jistgħu jaffettwawna, għat-tajjeb u għall-ħażin.
Personalment jien ħassejt li għandi nagħti kontribut biex dan in-nuqqas jingħeleb.
Użajt matul is-sena li ntemmet, l-2015 – u se nibqa’ nuża għal li ġej– ħafna mir-riżorsi li l-Parlament Ewropew jipprovdi biex inwassal b’mod li jiftiehem u jinteressa, informazzjoni dwar xinhu għaddej fl-Ewropa.
Hu ta’ sodisfazzjon kbir li ninnota kif kull stħarriġ ta’ opinjoni li sar juri li fl-aħħar sena, f’pajjiżna kiber għarfien aħjar tal-issues Ewropej.
Aktar Maltin qed jifhmu x’għandhom ikunu l-prioritajiet nazzjonali ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
L-akbar sfida li tidher quddiemna hi dik tal-immigrazzjoni.
Soluzzjoni dejjiema u ġusta tista’ tinstab biss fuq bażi Ewropea.
Trid tirrispetta l-valuri Ewropej favur il-ħniena u l-għoti ta’ kenn lill-ippersegwitati, waqt li tirrispetta wkoll ix-xewqat leġittimi tal-komunitajiet biex ma jitgħabbewx b’piżijiet finanzjarji u soċjali eċċessivi.
Fil-Parlament Ewropew għas-sena l-ġdida se nkun qed nagħti sehmi biex jintlaħaq dan il-għan.
Għal li ġej ukoll se tkun qed titħejja tweġiba Ewropea għat-theddida tat-terroriżmu, fejn il-Parlament Ewropew iġorr responsabbiltajiet partikolari.
F’dal-qasam, fir-rispett tan-newtralità ta’ Malta u tad-drittijiet tal-bniedem, se nkun lest nappoġġja kull miżura li ssaħħaħ is-sigurtà ġenerali taċ-ċittadini Ewropej kollha.
Sfida oħra quddiem l-Ewropa hi kif se xxejjen l-istaġnar ekonomiku.
Uħud mill-miżuri meħtieġa għal dan jitilgħu għall-iskrutinju tal-Parlament Ewropew.
Irridu nkunu attenti biex nifhmu minn qabel kif se jaffettwawna għat-tajjeb jew għall-ħażin.
It-tendenza fit-tmexxija Ewropea hi li jiġu addottati miżuri li jpoġġu lil kulħadd fl-istess kejl.
Dan iwassal biex pajjiżi u reġjuni żgħar jew iżolati jispiċċaw fi żvantaġġ imqabbla ma’ ħaddieħor.
Hekk qed jiġri fil-każ ta’ Għawdex, u ta’ setturi importanti għalina bħall-manifattura, it-trasport, speċjalment l-Air Malta, il-biedja, is-sajd u dalwaqt, it-tassazzjoni.
Personalment, se nkun viġilanti f’ħidma biex jitrażżnu miżuri Ewropej ta’ one size fits all.
Madankollu, irridu nħarsu wkoll lejn l-opportunitajiet ġodda.
Fl-Ewropa qed titħejja politika ġdida diġitali, jiġifieri għal dak kollu li jitwettaq bil-kompjuters u l-mezzi elettroniċi ta’ kumnikazzjon.
Fil-livell tal-Parlament Ewropew, l-għan tiegħi se jkun dak li nappoġġja kull inizjattiva favur l-iżvilupp tal-ekonomija diġitali biex noħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħna.
Fl-aħħar, insemmi id-dibattitu importanti li se jibqa’ għaddej dwar il-futur tal-Ewropa.
Hemm min irid li jibni strutturi aqwa ta’ għaqda , jagħmilha anki Ewropa federali.
Hemm min iridha ssir aktar modesta u tagħti lura lill-istati membri t-tmexxija ta’ oqsma ewlenin.
Biħsiebni nkompli nipparteċipa f’dan id-dibattitu, fil-livell tiegħi, bil-għan li nippromwovi l-interessi nazzjonali ta’ Malta.
F’isem il-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew u f’ismi, nawgura lill-Maltin u l-Għawdxin kollha sena ġdida 2016 mimlija riżq, paċi u hena.

Facebook Comments

Post a comment