B’ċertu mod, ħassejtni qisni qed nattendi pontifikal bil-liturġija mħaffa. Il-kardinali, il-monsinjuri u l-kjeriċi tal-Parlament Ewropew kienu kollha miġbura u bħal ma jiġri f’quddiesa, it-tmiem taċ-ċerimonja kien magħruf diġà. Saru d-diskorsi tal-okkazjoni mill-Papa l-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea u mill-kardinali. U forsi l-akbar differenza minn pontifikal papali kienet li l-kjeriċi ngħataw iċ-ċans wara li jgħidu tagħhom, b’xi minuta kull wieħed.
Jean Claude Juncker għamel diskors sobriju, xieraq għal konsagrazzjoni bħal din. F’li qal, kien konkret aktar milli stennejt. Imma għandi problema meta jitkellem hu: juza liema lingwa juza, inkluza xi waħda li naf, bħall-Ingliz, jien ikolli nibqa’ nuza l-“headphones” tal-interpretazzjoni. Tant izomm leħnu baxx li jien talanqas ma nismax tajjeb x’ikun qed igedwed. Għall-bidu bzajt li qed nittarrax, imma l-istess ħaġa ma ġratx meta tkellmu oħrajn warajh.

***

VOT FAVUR

Il-Parlament Ewropew ivvota b’423 favur il-Kummissjoni kollha kemm hi, 209 deputat ivvotaw kontra u kien hemm 67 astensjoni. Ivvotaw favur l-aktar il-membri tal-partit tal-popolari, il-grupp tas-soċjalisti u demokratiċi, u l-liberali, li prattikament qed jifformaw bejniethom koalizzjoni “kbira”.
Kif kien mistenni wkoll, laħqu għaddew malajr malajr l-aħħar zewġ nomini li tressqu quddiem il-kumitati tal-Parlament fil-bidu tal-ġimgħa — tas-Slovena Violeta Bulc li daħlet bħala Kummissarju minflok il-kompatrijotta tagħha Bratusek li l-parlamentari qiesu li kienet fjakka wisq; u tas-Slovakk Maros Sefcovic li sar Viċi President ukoll minflok is-Slovena mwarrba. Kienet ħaġa ċara li kulħadd ried li l-affarijiet ma jibqgħux jitwalu dwar il-ħatra tal-Kummissjoni.
Fid-diskors tiegħu qabel il-vot, Juncker ipprova jassigura lill-fazzjonijiet kollha li se josserva l-wegħdiet li kien għamlilhom. Iddefenda l-istrutturi pjuttost komplikati li daħħal fit-tmexxija tal-Kummissarji. Qal li b’hekk qed jassigura li kull min ikun involut f’qasam qed jaħdem id f’id ma’ dawk kollha involuti fih.
Għall-grupp soċjalista l-aktar wegħda importanti kienet dik li Juncker se jassigura li jinħoloq fond ta’ 300 biljun ewro biex ivara proġetti li jiġġeneraw ħidma ekonomika u impjiegi. Hi wegħda li għadha qed tqanqal ħafna kontroversji u mistoqsijiet.

***

IL-MUDELL SOĊJALI EWROPEW

Il-Parlament Ewropew zamm dibattitu din il-ġimgħa dwar l-ezerċizzju li bih l-Unjoni Ewropea, permezz tal-Kummissjoni, tifli minn qabel il-baġits tal-pajjizi membri kollha u tassigura li mhumiex qed jitgħabbew b’defiċits li jmorru kontra r-regoli Ewropej. B’dan l-ezerċizzju, l-argument hu li qed jiġi assigurat li l-ebda pajjiz ma jidħol għal djun li ma jkunx jiflaħ u li jkollhom effett ħazin fuq il-pajjizi membri l-oħra.
F’intervent li għamilt, sħaqt fuq l-aspetti aktar wiesgħa ta’ dak li qed jiġri. Fir-realtà l-Ewropa mhijiex qed tlaħħaq mal-globalizzazzjoni u qed taqa’ lura. Biex issir aktar kompettitiva u tiġġenera l-investimenti li għandha bzonn, qed ikollha tnaqqar jew tħott fil-mudell soċjali tagħha. Imma xorta waħda l-ekonomiji mhumiex jikbru bizzejjed u jiġġeneraw bizzejjed xogħol.
Il-popli Ewropej mhux se jaċċettaw sistema li tpoġġi dejjem aktar pizijiet soċjali fuqhom mingħajr ma l-ekonomiji jirpiljaw.

***

IL-WIRT TA’ BARROSO

Meta jinbidel is-sultan, ħaġa ovvja, l-antik se jitqies bħala falliment u l-ġdid iqisuh bħala salvatur. Kienet il-qagħda li sab ruħu fiha Manuel Barroso, eks-President issa, tal-Kummissjoni Ewropea. Kemm mil-lemin u kemm mix-xellug, qala’ ħafna kritika dwar x’ġara u ma ġarax fl-għaxar snin li ilu jmexxi l-Kummissjoni. Biex inkunu għidna kollox, il-kritika ilha ssir u mhux issa, għax Barroso ħalla t-tmun.
Hu zar il-Parlament Ewropew għall-aħħar darba nhar it-Tlieta fejn ta rendikont ta’ x’għadda minnu. Fisser kif fl-aħħar snin, tempesta finanzjarja u ekonomika kbira kienet laqtet lill-Ewropa u l-fatt biss li l-istrutturi kollha baqgħu f’posthom u ma sfaxxawx kien zvilupp inkoraġġanti ħafna. Tkellem fit-tul dwar il-mod li bih il-Kummissjoni Ewropea rat kif tikkontribwixxi mhux biss kontra r-riċessjoni li skattat mal-krizi finanzjarja tas-sena 2008, imma wkoll biex tikkonsolida l-politika Ewropea f’diversi oqsma fejn setgħet tisfaxxa.
Biex wieħed ikun ġust, f’dak li qal Barroso, kien hemm punti validi ħafna. Imma ftit ħabblu moħħhom biex jiddiskutuhom. La nbidel is-sultan (jew Papa?), qiesu li ma kienx hemm għalfejn.

***

TGERGIR

Peress li kienet waħda plenarja, il-laqgħa tal-Parlament Ewropew din il-ġimgħa saret fi Strasburgu. Kienet l-aktar darba li smajt tgergir fost deputati li jkollhom jiġu f’dil-belt sabiħa għal-laqgħat. Forsi għax it-temp issa beda jiksaħ u għax il-lukandi kienu nballati.
Imma smajt min kien lest imaqdar kollox, u jipproponi li l-Ewropa ssib il-flus biex tagħlaq ħalq iċ-ċittadini ta’ Strasburgu u jaċċettaw li l-Parlament ma jibqax jiġi għandhom. Uħud ezaġeraw fil-kritika tal-belt. Per ezempju ma naqbilx li l-lukandi ta’ Strasburgu huma maħmuġin.

***

AKTAR INKWIET DWAR IL-BAĠIT TAL-UNJONI

Mhux biss l-Unjoni Ewropea qed tonfoq aktar milli qed ikollha flus. Talli wkoll qed jippersisti nuqqas ta’ ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar kemm għandu jitpoġġa fil-baġits futuri tal-unjoni. Din il-ġimgħa, l-Parlament ivvota rizoluzzjoni dwar il-baġit għas-sena d-dieħla li għandha ċans twassal għal konflitt mal-Kunsill. Il-Parlament irid jonfoq aktar. Il-Kunsill, jew parti minnu, anqas.
Kif din il-ħaġa tizviluppa fiz-zmien li ġej tista’ tispiċċa ġrajja kurjuza. Dan barra mill-kwistjoni l-oħra ta’ kif l-Unjoni bħalissa hi skoperta b’somma li tlaħħaq xi 26 biljun ewro fuq spejjez li daħlet għalihom fil-baġits tal-imgħoddi u li għadhom ma tħallsux.
Il-problemi tant huma tekniċi madankollu li ftit se jindunaw b’li jkun għaddej, ħlief funzjonarji u tekniċi li jehdew, għax dak hu xogħolhom, fuq dawn il-kwistjonijiet li jmissu u jaffettwaw mill-qrib il-ħajja tagħna lkoll, mingħajr ma nindunaw bihom.

***

…U DWAR IL-BAĠITS TAL-MEMBRI

Sadattant, lanqas ma nistgħu ninsew il-problemi li qed ikomplu jagħfsu fil-baġits tal-pajjizi membri. Fuq quddiem nett, il-baġit ta’ Franza, fejn mistenni konfront kbir bejn il-Kummissjoni l-ġdida u l-gvern Franċiz li għamilha ċara li mhux se josserva l-wegħdiet li għamel dwar id-defiċit li se jkollu; il-miri li kien poġġa mhux se jilħaqhom. Dan għax iċ-ċirkostanzi ekonomiċi in ġenerali ma jippermettulux jagħmel dan.
L-istess problema x’aktarx li se tqum fil-kaz tal-Italja, li qed tipprezenta baġit li jinkludi f’ħallata ballata, tnaqqis ta’ taxxi, tnaqqis ta’ spejjez, spejjez ġodda u tibdil fl-istrutturi tal-istat li ħadd ma jaf fejn se jwasslu.
Imbagħad hemm il-Ġermanja. Il-kanċellier Merkel xtaqet li tkun tista’ tiftaħar kif għall-ewwel darba wara snin twal, se jirnexxielha tipprezenta baġit mingħajr defiċit. Imma l-ekonomija Ġermaniza tidher li qed tmajna u issa qamet kontroversja għax numru ta’ politiċi u esperti influwenti Ġermanizi qed isostnu li hemm bzonn ta’ investiment akbar fil-Ġermanja, mhux l-anqas fl-infrastruttura publika. Investiment bħal dan ikun jeħtieġ investiment mill-gvern u jekk isir, ikun ifisser naturalment li l-baġit tal-gvern mhux se jispiċċa f’bilanċ.

***

AVVENTURA

Tista’ tgħidilha avventura, tista’ tgħidilha traġi-kummiedja. Konna erba’ parlamentari Ewropej telgħin Strasburgu dil-ġimgħa fuq l-istess titjiriet — Marlene Mizzi, Theresa Commodini Cachia, David Casa u jien. Minn Malta għal Ruma bl-Alitalia u minn hemm għal Strasburgu. Iz-zmien f’Ruma diġà kien qasir ħafna bejn titjira u oħra imma qaluli li stajna nlaħħqu.
Kollox sfuma meta t-tijira minn Malta ddewmet, l-ewwel b’erbgħin minuta, imbagħad b’siegħa u nofs, imbagħad b’sagħtejn. Għamilna arranġamenti ta’ malajr biex minn Ruma ntiru għal Lyons u minn hemm għal Strasburgu.
Fl-aħħar, kulħadd tela’ fuq l-ajruplan għal Ruma, ingħalqu l-bibien u erġajna bdejna nistennew. Fl-aħħar il-bibien infetħu mill-ġdid u tħabbar li t-titjira kienet ikkanċellata għax il-personnel ta’ fuq l-ajruplan kien qabez is-sigħat li suppost idum fuq ix-xogħol b’mod kontinwu.
Il-vjaġġ lejn Strasburgu kien qed jinbidel f’dizastru liema bħalu. Imn’alla kienu l-personnel tal-Air Malta li f’tebqa ta’ għajn ipprovdewlna l-alternattiva. It-titjira ta’ Brussell kienet waslet biex titlaq. Stajna nitilgħu fuqha minnufih. Malajr malajr reġa’ sar iċ-“check in” u għabbewna. Għaddejna lejl fi Brussell u l-għada ħadna titjira lejn Strasburgu u dritt għall-Parlament.
Ikolli ngħid li mis-snin kollha li ili nivvjaġġa, din hi l-ewwel darba li rajt titjira tiġi kanċellata bil-mod li bih ġiet kanċellata t-titjira tal-Alitalia lejn Ruma nhar it-Tnejn li għaddew. Nirringrazzja bil-kbir lill-istaff tal-Air Malta tal-appoġġ li tawna.
Forsi l-ġimgħa d-dieħla nirrakkonta l-esperjenza li għaddejt minnha fit-triq lura.

Facebook Comments

Post a comment