Għalija kienet ġimgħa stramba din li fiha l-Parlament Ewropew reġa’ beda jiltaqa’ fil-kumitati tiegħu wara l-waqfa ta’ Awwissu. Stramba għax ma’ kullimkien fi Brussell, stajt tiltaqa’ mal-fdalijiet ta’ btala li ma tridx titlaq, anki jekk għadda zmienha. Jew forsi zmienha kien għadu ma għaddiex.
Mal-kuriduri li qishom labirinti tal-binjiet fejn intasab il-Parlament, stajt tara uffiċjali u deputati jinġemgħu minn siegħa għal siegħa. Uffiċċji li kienu battala lbieraħ, illum tarahom jimtlew hekk kif minn jum għal jum jaslu aktar funzjonarji u deputati.
Kwazi fuq wiċċ kulħadd dehru l-għeja ta’ vaganzi mitmuma u d-dwejjaq ta’ min ma xtaqx li jkollu jidħol lura għax-xogħol daqshekk malajr. Xi trid tagħmel?
Imma barra l-Parlament, is-sajf kien għadu għaddej. Ġimgħa qabel, qaluli, t-temp kien dar għall-frisk u l-kiesaħ. Issa, reġa’ lura għas-sajfi. Quddiem il-ħarġa ewlenija tal-bini tal-Parlament, fil-Pjazza ta’ Lussemburgu (dwar din għad irrid nikteb), il-kafejiet kienu kollha għall-beraħ. L-imwejjed li nħarġu fuq il-bankini jibqgħu kollha mimlija bin-nies sa minn nofsinhar ‘il quddiem.
***

L-INKWIET JIZDIED
Qed jizdied l-inkwiet fost pajjizi Ewropej dwar li l-logħba ċess mar-Russja fuq l-Ukrajna ħadet dimensjonijiet mhux mistennija. Il-ġrajjiet jistgħu isiru inkontrollabbli. Wieħed mill-akbar fatturi ta’ inċertezza sar il-fatt li ħadd donnu ma jaf ibassar sa fejn il-President Russu Putin lest iwassal l-esiġenzi tiegħu. U qed jikber għarfien li r-Russja ħaditha wisq bi kbira dak li sar is-sena li għaddiet, meta l-gvern tal-Ukrajna twaqqa wara sensiela ta’ protesti popolari fit-toroq u l-pjazez tal-kapitali Kiev.
Ir-Russja rat dan bħala attentat sfaċċat biex jitneħħa gvern elett demokratikament u jitpoġġa minfloku gvern li jpoġġi lill-Ukrajna fil-kamp tal-Unjoni Ewropea. Uħud qed jissuspettaw li fil-fehma tal-Kremlin, dan jiġġustifika kull tip ta’ ħidma diplomatika u bl-armi maħsuba biex terġa’ ġġib lill-Ukrajna fl-orbita Russa.
Biss fl-istess waqt jidher li fost uħud mill-pajjizi Ewropej qed titqawwa l-fehma li ma jistgħux iħallu lir-Russja tibqa’ għaddejja bil-manuvrar goff tagħha dwar l-Ukrajna qisu ma ġara xejn. Qed jinsistu biex is-sanzjonijiet ekonomiċi meħuda kontra r-Russja jitwessgħu.
Fost dawk li jidhru li webbsu l-pozizzjoni tagħhom, hemm il-kanċellier Ġermaniza Merkel. Issa, hi kienet għall-ewwel temmen li l-Ewropa kellha timxi fit-triq tad-diskussjoni mhux tal-konfront. Li Merkel bidlet fehmietha b’dal-mod hu wkoll sors ta’ tħassib.
***

BRUSSEL INBIDLET?
Xi ħadd saqsieni: Brussell inbidlet daqstant minn kif kienet fiz-zmien li kont tgħix fiha?
It-tweġiba mhix ħafifa. Iva, inbidlet bil-kbir fl-inħawi fejn joperaw l-istituzzjonijiet Ewropej. Il-binja tal-Parlament Ewropew innifsu kif ukoll binjiet bħal dak minn fejn jaħdem is-servizz ta’ azzjoni barranija huma differenti sew minn zminijieti; jew lanqas kienu jezistu. Imma l-binja tal-Berlaymont baqgħet l-istess. Qatt ma għoġbitni, imma llum nista’ ngħid li l-labirinti tagħha tifhimhom ħafna aktar malajr, jien talanqas, minn dawk tal-Parlament Ewropew illum, fejn għadni anki sa dil-ġimgħa, ġieli nagħqad minn livell għal livell nipprova nsib uffiċċju fejn ikolli nagħmel xi qadja.
Imbagħad hemm iz-zona li tiġi lejn l-istazzjon tal-ferrovija tan-nord. M’għandhiex x’taqsam mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Ukoll inbidlet bil-kbir. Hemm niftakar bħala l-bini dominanti l-Martini Centre, li għadek tarah fuq kartolini antiki ta’ Brussell. Illum sparixxa.
L-inħawi tal-istazzjon tal-ferrovija tan-nord kienu mitqiesa bħala koroh u mimlija nies ta’ qattagħni. Mhux aktar. It-torrijiet residenzjali u kummerċjali li nbnew f’dal-qasam jimpressjonawk. Fejn qabel in-nies kienu jzommu lura, ma jafux jekk min riesaq lejhom min-naħa l-oħra tat-triq hux se jagħtihom l-assalt, illum kulħadd iħossu ħieles u protett fid-dell ta’ torrijiet li għadni ma ddeċidejtx humiex sbieħ jew koroh.

***

IL-BALKANI
Quddiem l-aspettattivi tal-pajjizi Balkani tal-“Punent”, il-President attwali tal-Kummissjoni Ewropea Barroso kellu jgħidilhom li l-vokazzjoni politika tagħhom zgur se tkun dik li jingħaqdu, kif jixtiequ, mal-Unjoni Ewropea bħala membri tagħha.
Biss ftit tal-ġimgħat ilu, meta resaq biex ikollu l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew għan-nomina tiegħu bħala President ġdid tal-Kummissjoni, Jean Claude Juncker kien qal li fil-ħames snin li ġejjin, ma għandux ikun hemm zieda fil-pajjizi msieħba fl-Unjoni.
Intqal wara li ma hemm l-ebda kuntradizzjoni bejn iz-zewġ stqarrijiet. Barroso qed jifhem li z-zmien meħtieġ biex il-pajjizi Balkaniċi “tal-Punent” jaslu għal sħubija se jtul aktar min ħames snin.
Problema għall-Unjoni Ewropea qed issir din: għad hemm ħafna li jarawha bħala l-arka tas-salvazzjoni għalihom. Imma l-istrutturi tal-arka ma jifilħux il-piz tas-salvataġġ. Dawk li jinsabu fuq l-arka jafu din il-ħaġa imma ma jistgħux jew ma jridux jistqarruha fil-miftuħ.
***

IL-LIBJA U L-EWROPA
Tibqa’ mistagħġeb meta titkellem ma’ ċerti Ewropej, anki nies ta’ esperjenza u interess, li ma jirrealizzawx kemm il-Libja hi qrib tal-Ewropa, u kemm aħna ninsabu qrib tal-Libja. Li jfisser, jew għandu jfisser, li dak li jiġri hemm għandu jkun ta’ interess kbir għall-Ewropa.
Wisq nibza’ li minħabba xinhu għaddej fl-Ukrajna u fl-aħħar ġimagħtejn, xinhu għaddej fl-Iraq, din il-qrubija tal-Libja mal-Ewropa se tintesa. Il-ġrajjiet li qed iseħħu fil-Libja jinteressaw bil-kbir lill-Ewropa. Mhux biss għal li jista’ jiġri imma wkoll għall-imgħoddi. Ir-responsabbiltà storika għal ħafna mit-twegħir li l-Libja tinsab għaddejja minnu, hi Ewropea fl-aħħar mill-aħħar.
***
DIFLAZZJONI

It-theddida tad-diflazzjoni fl-Ewropa, jiġifieri li l-prezzijiet jibdew jaqgħu u jibqgħu jaqgħu għal ħafna aktar zmien, hi xi ħaġa ġdida. Sa ftit taz-zmien ilu, kienu jbezzgħuna bl-inflazzjoni, l-għoli tal-prezzijiet. Dan kien ta’ dannu għax bi prezzijiet dejjem jogħlew, in-nies ma kinitx tlaħħaq mal-għoli tal-ħajja u ma jkollhiex biex tixtri. Il-produzzjoni tal-fabriki ma tinbiegħx, jizdied il-qgħad u n-nies tbati; jew forsi wkoll ibatu s-sidien. Ir-regoli tat-tmexxija taz-zona tal-ewro, tista’ tgħid kollha, huma mibnija biex iħarsu lill-ewro mill-perikli tal-inflazzjoni.
Issa li t-theddida hi tad-diflazzjoni, ir-regoli donnhom se jibqgħu jitħaddmu bl-istess mod. U xinhuma l-perikli tad-diflazzjoni, tat-tnaqqis fil-prezzijiet? Li ħafna anqas imorru jixtru jew jinvestu, għax jemmnu li l-prezzijiet se jkomplu jaqgħu. Allura l-ekonomija tkompli tmur lura, b’zieda fil-qgħad u tnaqqis fil-konsum.
Tqum il-mistoqsija: tgħid iz-zona ewro qed tilqa’ għall-problemi tad-diflazzjoni bl-għodod li zviluppat għal kontra l-inflazzjoni?
***
VOTI

Id-diskussjoni fil-kumitati parlamentari li attendejt għalihom ikkonċernaw bil-kbir l-uzu tal-fondi li joħorġu mill-baġit tal-Unjoni Ewtropea. Kif qed jintefqu?
X’impatt qed ikollhom? Qed ikun hemm nefqa kbira bizzejjed biex tlaħħaq mal-esiġenzi ta’ ħidma li l-gvernijiet u l-Parlament Ewropew innifsu jpoġġu fuq l-Unjoni? – u li ħafna minnhom trid tlaħħaq magħhom il-Kummissjoni Ewropea.
Fil-laqgħat tal-kumitati parlamentati, kien hemm ħafna diskors madankollu dwar kif l-Unjoni kollha kemm hi trid tassigura li l-gvernijiet nazzjonali jmexxu l-finanzi tagħhom b’responsabbiltà. Uħud saqsew kif il-Kummissjoni tista’ tagħmel dan, jekk il-finanzi tagħha huma mħarbta għall-aħħar.

KUMPENSI

Wara li l-Ewropej daħħlu sanzjonijiet fuq ir-Russja, din wieġbet billi daħħlet is-sanzjonijiet tagħha. L-importazzjonijiet lejn ir-Russja ta’ prodotti tal-ikel mill-Ewropa u l-Istati Uniti kienu pprojbiti għal sena sħiħa.
Il-mizura laqtet u qed tolqot ħazin lil diversi oqsma Ewropej fil-produzzjoni tal-ikel. Sabu suq ewlieni tagħhom magħluq għalihom. Il-Kummissjoni Ewropea kellha tidħol fix-xena biex tagħtihom appoġġ fil-gwaj li laqathom. Fost ħidmiet oħra, għamlet dan billi tat sussidji ħalli l-provisti kbar li spiċċaw bla min jixtrihom ikunu jistgħu jiġu mizmuma f’imħazen privati u statali, waqt li mizuri oħra kienu jinvolvu ħidmiet fejn i-Kummissjoni daħlet biex tixtri bi prezz garantit l-istokkijiet li mhumiex isibu bejgħ. L-inizjattiva bdiet fis-setturi tal-frott li fis-sajf kien abbundanti. Hu prodott li jeħzien malajr. Issa nfirxet lejn prodotti tal-ħalib u riesqa lejn prodotti tal-laħam.
Qed jikber it-tħassib dwar kemm tista’ tizdied l-ispiza fuq din il-ħidma. Kif wieħed jista’ jifhem, il-produtturi qed jingħaqdu flimkien biex jitolbu garanziji ta’ ħarsien. Aktar ma jdum għaddej il-konfront mar-Russja, aktar se jizdied il-bzonn ta’ fondi. Ħadd mhu qed jogħġbu dan il-prospett.

Facebook Comments

Post a comment