Fl-aħħar sentejn u aktar, il-ħlas jew le tat-taxxi dovuti minn ċittadini u kumpaniji fl-Ewropa sar suġġett jaħraq. Qamu l-iskandli li nafu bihom dwar kif qed jiġu evitati l-ħlasijiet ta’ biljuni ta’ ewro f’taxxi fuq profitti ta’ kumpaniji u dħul ta’ individwi. Ġew pubblikati miljuni ta’ dokumenti u messaġġi elettroniċi li urew kif qed jitwettqu dawn l-abbużi. Ta’ spiss ħafna, jiġru b’mezzi legali u bl-involviment ta’ dipartimenti ta’ gvernijiet membri tal-Unjoni Ewropea.
Mil-lemin għax-xellug tal-ħidma politika qamet l-għajta biex dan l-iskandlu jitwaqqaf. It-tliet kolonni tat-tmexxija tal-Unjoni – il-Kunsill tal-Ministri, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament – tellqu inizjattivi maħsuba biex idaħħlu miżuri li jrażżnu l-evażjoni tat-taxxa u l-manuvrar legali u finanzjarju li bih tista’ tiżgiċċa mit-taxxa.
Sa issa, ma tantx sar progress, għalkemm is-suġġett kollu għadu jaħraq u jqanqal tħassib kbir. Għadu fuq l-aġenda. Politikament baqa’ popolari, speċjalment fil-Parlament Ewropew. Jekk it-taxxi kollha dovuti jitħallsu, id-dħul tal-gvernijiet jispara ’l fuq u jkunu jistgħu jitnedew proġetti ġodda mingħajr bżonn li jiddaħħlu xi taxxi ġodda.

L-EVAŻJONI TAT-TAXXA

Kif issir l-evażjoni tat-taxxa? U mhux hi biss… anke dak li jissejjaħ ippjanar agressiv biex int jew il-kumpanijia tiegħek ma jkollkomx għalfejn tħallsu t-taxxa kollha li suppost?
Fuq quddiem, ovvja, hemm il-mezzi llegali li bihom taħbi l-fondi li tkun daħħalt. Dal-ħasil ta’ flus hu kriminali. Iservi biex flus li jkun ġejja mid-droga, serq, mafja jew terroriżmu, fost oħrajn, jintbagħtu fejn jinbidlu fi flejjes li jitqiesu bħala ħielsa minn kull tebgħa kriminali. Wara li jkunu “nħaslu”, sidhom jista’ jużahom qisu qalagħhom bl-aktar mod innoċenti.
Hemm imbagħad il-mezzi legali li jieħdu diversi forom. Jikkonċernaw fost oħrajn negozji li jsiru minn kumpaniji stabbiliti f’diversi pajjiżi, bħall-hekk imsejħa ditti multinazzjonali. Dawn għandhom għażla ta’ kif juru fejn u kif qed jagħmlu l-bejgħ u x-xiri tagħhom, minn pajjiż għal pajjiż bil-kumpaniji u l-friegħi tan-negozji tagħhom imwaqqfa fil-pajjiżi differenti. Jgħaddu l-prodotti u l-partijiet tal-prodotti li se jbigħu lill-istess ditti tagħhom, u skont il-prezz li jiċċarġjaw “lilhom infushom” minn pajjiż għal pajjiż, jiddeterminaw kemm se jagħmlu profitt hemm, kemm se jagħmlu profitt hawn.
Ċara li se jagħżlu li juru li għamlu l-aqwa profitti fil-pajjiż fejn se jħallsu l-anqas taxxa. Aktar u aktar jekk ma’ tali pajjiż, ikollhom ftehim lest iffirmat – l-hekk imsejjaħ “tax ruling” – li bih isir qbil li t-taxxi dovuti ikunu ftit li xejn, jekk mhux xejn. Il-pajjiż fejn sar in-negozju, fejn saru il-bejgħ u x-xiri jew ix-xogħol li bih inbena l-prodott li nbiegħ – jispiċċa hu bi dħul ta’ taxxa mill-iċken.
Allura dik tqieset l-isfida fl-aħħar snin: x’għandu jsir biex dawn il-prattiċi jitwaqqfu? Fi ħdan l-OECD – organizzazzjoni li tiġbor flimkien fiha lill-aqwa stati kapitalisti – ilha ssir ħidma ħalli l-gvernijiet jaqblu fuq proċeduri li jrażżnu din il-manipulazzjoni tas-sistemi differenti ta’ tassazzjoni li jitħaddmu fil-pajjiżi differenti. Kemm ilhom li skattaw l-iskandli tal-Luxleaks u tal-karti tal-Panama, fost oħrajn, fl-Unjoni Ewropea tqanqlet ħeġġa biex mal-Unjoni jkun hemm salvagwardji aqwa minn tal-OECD kontra dil-logħba bit-taxxi.
Fost l-ewwel linji ta’ attakk, kien hemm proposti ħalli l-hekk imsejħa “tax rulings” – arranġamenti privati kważi, bejn kumpaniji u ministeri tal-finanzi dwar kemm it-tieni se jiċċarġa taxxa lil tal-ewwel – ma jibqgħux aktar fil-magħluq, imma jkunu magħrufa. Kontroversja li qamet kienet jekk l-informazzjoni dwarhom għandhiex titqassam bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali differenti tat-taxxa; jew hux ukoll mal-midja; jew jekk terġa’ mal-publiku. F’das-sens, il-prinċipju li ħareġ qawwi kien dak tat-trasparenza: m’għandux ikun hemm arranġamenti moħbija dwar x’taxxi se jiġu ċċarġjati, pajjiż pajjiż, lil ditti multinazzjonali u impriżi oħra li jinnegozjaw f’pajjiżi differenti.

ARMONIZZAZZJONI

Biss l-offensiva kontra iż-żliq mill-ħlas tat-taxxi qed tmur ħafna aktar bogħod minn hekk. Intqal li biex wieħed ikun żgur li l-għan mixtieq se jintlaħaq – dak jiġifieri li tassew jiġu mrażżna u meqruda l-ħidmiet li bihom il-kumpaniji jevitaw il-ħlasijiet tat-taxxa – għandu jkun hemm l-istess mod li bih il-kumpaniji jżommu l-kontijiet tagħhom u li bih juru l-profitti. Il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea għandhom jaqblu li jkun skont dis-sistema li fil-liġijiet tagħhom, jissettjaw il-livelli ta’ tassazzjoni li se jkunu qed jiċċarġjaw.
F’dil-fehma kienu jbejtu żewġ għanijiet. L-ewwel, biex mal-Unjoni Ewropea l-istrutturi ta’ taxxi jiġu armonizzati: jiġifieri jinġabu tal-istess sura, fejn kollox jinħadem bl-istess mod. U t-tieni, li l-pajjiżi membri tal-Unjoni jibdew jersqu lejn rati ta’ taxxi li jkunu qrib ta’ xulxin. F’dal-qasam tissemma l-ħtieġa pereżempju, li għandu jkun hemm rata minima effettiva ta’ taxxa fuq il-kumpaniji (u l-individwi). Tkun rata li tapplika bl-istess mod għall-pajjiżi kollha. Jiġifieri, li l-ebda pajjiż ma jiċċarġja taxxa anqas minn ċertu livell, u dan mal-Unjoni Ewropea kollha.
Issa, sal-lum, bejn il-membri tal-Unjoni skont it-trattati li jreġuha, għadha tinżamm is-sovranità ta’ kull pajjiż fil-mod kif jorganizza s-sistemi tiegħu ta’ tassazzjoni. Dak li qed jiġi propost jimmina din is-sovranità nazzjonali li teżisti bħalissa. Naturalment sab u qed isib reżistenza qawwija fost numru ta’ stati membri – mhux kollha. Il-proposti ta’ armonizzazzjoni fis-sistemi ta’ taxxa jsibu l-akbar appoġġ fil-Parlament Ewropew u fil-Kummissjoni Ewropea.
Hawn, l-argument fondamentali hu li b’kompetizzjoni bejn l-istati membri dwar x’taxxi se jissettjaw fuq kumpaniji, hi ħaġa naturali li se jibqgħu jinħolqu toqob li minnhom kumpaniji u individwi makakki se jgħaddu biex jiżgiċċaw mill-ħlas ta’ taxxi dovuti. Mhuwiex argument fjakk li tista’ twarrbu bla wisq kura.
Min-naħa l-oħra, hu argument li jxejjen għal kollox waħda mill-aħħar ħiliet li baqagħlhom l-istati membri tal-Unjoni: dik li jmexxu l-istrateġija finanzjarja tagħhom b’ċerta awtonomija jew indipendenza. Jobbligahom li jissottomettu t-tmexxija tat-tassazzjoni tagħhom għal normi ġodda Ewropej li se jitfasslu skont l-interessi… ta’ min?
Fuq kollox, l-argument donnu qed ibarri l-ħsieb li għandu jkun hemm xi forma ta’ “kompetizzjoni” dwar l-issettjar minnhom ta’ taxxi bejn stati membri. Issa, pajjiżi membri ckejkna, jew gżejjer, u anke reġjunijiet għaliex le? – speċjalment jekk jinsabu f’inħawi mbiegħda tal-Unjoni u/jew jekk għandhom rikkezzi minerali jew naturali limitati – jeħtieġu ċerta libertà fil-mod kif jintaxxaw lil kumpaniji. F’ħafna każi din tkun l-aqwa mod kif jistgħu jiġbdu lejhom investiment ġdid.
M’hemmx għalfejn ingħid li Malta tista’ titqies bħala li taqa’ f’din il-kteogirja ta’ pajjiżi.

TA’ MIN SE TGĦADDI?

Ta’ min se tgħaddi? Kif jista’ jinstab kompromess dwar problema li tqajjem mewġ politiku, ekonomiku, nazzjonalistiku, morali, mhux żgħir?
Min se jkun kontra soluzzjoni li tħalli lis-sinjuri, lill-korrotti u lill-kumpaniji multinazzjonali l-kbar jibqgħu ma jħallsux it-taxxi dovuti minnhom?
Min se jaqbel li għandha tiddaħħal struttura ta’ taxxi li ma tgħoddx għat-tip ta’ ekonomija li jinsab fiha?
Min se jaċċetta li s-sovranità ta’ pajjiżu/ha titnaqqar f’waħda mill-aħħar oqsma fejn għadha qawwija – it-tassazzjoni?
Min se jiċħad li hi inġustizzja jekk il-kbar u l-qawwija jiġu aġevolati bil-kbir, imma ż-żgħar jiġu ntaxxati sal-aħħar ċenteżmu ta’ dak dovut minnhom?

***

Is-suġġett hu tant importanti li tajjeb jekk ma ndumux ma nerġgħu nagħtuh titwila.

Facebook Comments

Post a comment