Se nerġgħu mmorru lura minn fejn bdejna? Dik kienet il-mistoqsija li qamet malli xterdet l-aħbar li l-Prim Ministru Grieg Samaras ma kienx irnexxielu fit-tielet vot li ħa l-Parlament Grieg, jeleġġi lill-persuna li kien innomina għall-Presidenza tal-Greċja, Stavros Dimas. Wara li saru l-ewwel u t-tieni votazzjonijiet, fejn Dimas li kien l-unika persuna nominata baqa’ l-art, deher li Samaras kellu disfatta riesqa. Suppost li l-elezzjoni għall-Presidenza Griega, li bħal ta’ Malta hi purament ċermonjali, kellha ssir fi tliet xhur oħra.
Samaras kien jaf li dieħel għal sfida iebsa. Jekk il-Parlament ma jeliġġix il-President li ppropona, kien se jkollu jsejjaħ elezzjoni bikrija. Il-Greċja kienet tinsab riesqa lejn it-tmiem tal-programm ta’ salvataġġ tagħha maż-żona ewro. Biex l-aħħar parti tas-self li kellha tirċievi jiġi trasferit, iz-zona tal-ewro u l-Fond Monetarju Internazzjonali stennew mizuri ġodda ta’ issikkar taċ-ċintorin. Dawn kienu se jerġgħu jixegħlu l-korla tal-Griegi, li fl-aħħar xhur, donnha bdiet tbatti.
Il-partit xellugi Siriza ilu jisħaq biex il-Greċja tirrinunzja għall-programm ta’ salvataġġ li ma ġabx ħlief imrar għal bosta familji Griegi. Imma kien naqqas sew mill-popolarità u niżel għal kważi tliet punti ta’ persentaġġ biss aktar mill-vot tal-partit Demokrazija Ġdida ta’ Samaras, skont is-sondaġġi. Ftit tal-ġimgħat qabel, bl-għajta kontra l-awsterità li ġab is-“salvataġġ” tal-Greċja, Siriża kien jiddomina sew.
Meta ċ-ċans ta’ rebħa elettorali sar aktar qawwi, Siriża beda jtaffi l-messaġġ tiegħu biex forsi jidher aktar gustuż mal-Ewropej. Sadattant, l-ekonomija Griega ma baqgħetx tiċkien aktar. Bdiet tirranka (għalkemm dejjem mil-livell baxx ħafna li għalih kienet waqgħet matul l-aħħar snin ta’ dwejjaq).
B’elezzjoni ta’ President “tiegħu”, Samaras ried jagħti daqqa lil Siriża qabel jerġa’ jitlef l-appoġġ minħabba r-“riformi” ġodda li kien se jkollu jdaħħal biex jissodisfa lill-Ewropej u lill-Fond Monetarju Internazzjonali.
It-tir fallielu. Wieħed ikollu bilfors jiftakar fil-manuvra wkoll falluta tal-Prim Ministru Papandreou tliet snin ilu, meta kien se jsejjaħ referendum biex jiżloq mill-eżiġenzi ekonomiċi li ż-żona ewro riedet tpoġġi fuqu. Dak ir-referendum baqa’ ma sarx u lil Papandreou tajruh minn Prim Ministru. Waqt li Samaras għadu jista’ jirkupra jekk jirbaħ l-elezzjoni li se ssir fl-aħħar ġimgħa ta’ dan ix-xahar…
Se tkun kampanja elettorali iebsa. Mexxejja taz-zona ewro, fuq quddiem nett il-ministru Ġermaniż tal-finanzi Schauble, qed isostnu li bl-ebda mod mhuma se jibdlu l-pakkett finanzjarju miftiehem mal-Greċja. Wara li fl-aħħar sentejn, il-membri taż-żona ewro saħħew il-mezzi li bihom jħarsu kontra l-gwaj finanzjarju li jista’ jolqothom, il-problemi li tqanqal il-Greċja m’għadhomx jitqiesu daqstant ta’ theddida bħal sa ftit taż-żmien ilu. Hekk isostnu.

LEJN KOALIZZJONI ĠDIDA?
Min-naħa tal-forzi politiċi ewlenin fil-Greċja, inklużi Siriża, qed jintqal li pajjiżhom m’għandux għalfejn… u ma jridx… jitlaq miż-żona ewro. Dil-ħaġa stqarrha kemm-il darba l-mexxej ta’ Sriiża Alexis Tsirpas. Forsi dan hu l-aktar punt fjakk li qed ikollu kull gvern Grieg meta jiġi biex jinnegozja ma’ “sħabu” l-gvernijiet tal-ewro. Kieku l-Griegi kellhom jistqarru li lesti jitilqu mill-ewro, nissuspetta li l-logħba tinbidel bil-kbir.
Safrattant, l-istennija hi li mill-ġdid l-ebda partit mhu se jirnexxilu jirbaħ maġġoranza assoluta fil-Parlament, u dan minkejja li fis-sistema elettorali Griega, min iġib l-aktar siġġijiet, jingħata 50 siġġu ieħor bħala “bonus”. It-tbassir sa issa hu li waqt li Siriża se jispiċċa l-akbar partit fil-Parlament, jew se jkollha titwaqqaf koalizzjoni ġdida, jew malajr malajr se jkollhom jinżammu elezzjonijiet ġodda. Hekk ukoll kien ġara sentejn ilu, meta minn fuq kien spiċċa l-partit ta’ Samaras “Demokrazija Ġdida”.
Jiġri x’jiġri, it-taqlib politiku fil-Greċja qed ikun sinjifikattiv għal din ir-raġuni: serva biex mill-ġdid iqanqal inkwiet dwar it-tmexxija taz-zona ewro. Minkejja kull ma sar biex din tiġi msaħħa u biex tingħata strutturi qawwija ta’ ħarsien, għad jeżistu dubji kbar dwar kemm hi soda u kompatta. Il-problema kbira tagħha għadha li biex tiżgura li l-pajjiżi li jużaw l-ewro jibqgħu fuq l-istess linja ta’ tmexxija, l-għodod ekonomiċi li qed tuża huma tajba l-aktar biex iqasqsu mill-kondizzjonijiet soċjali taċ-ċittadini. Qed jagħmlu hekk billi jnaqqrulhom mill-pagi u s-servizzi soċjali. Waqt li jiġri dan, xorta l-ekonomiji mhumiex jirrankaw u allura l-għajxien u l-opportunitajiet għall-ħaddiema u pensjonanti mhumiex jitjiebu.
Jidhrili li sitwazzjoni bħal din la hi desiderabbli u lanqas tista’ tkun stabbli. Biha l-istess nies qed jispiċċaw iġorru l-biċċa l-kbira mill-piżijiet u l-istess oħrajn jeħilsuha ħafif. U dan f’ġieħ l-ewro. Hemm limitu għal kemm logħba bħal din tista’ tinżamm għaddejja.

***

IL-PROGRAMM TA’ XOGĦOL TAL-KUMMISSJONI

Issa li għaddew jew kważi l-vaganzi tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena, wieħed jista’ jifli b’reqqa akbar il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida mmexxija minn Jean Claude Juncker. Dal-programm kien ġie ppublikat fl-ewwel nofs ta’ Diċembru li għadda u ngħata pubbliċità xierqa f’dak il-waqt. Ħafna mid-diskussjoni ppernjat madwar il-Fond ta’ Investiment, hekk imsejjaħ strateġiku, li Juncker ippropona biex jgħin ħalli tittellaq l-ekonomija Ewropea mill-istaġnar li nqabdet fih.
Biss il-pjan ta’ ħidma mar aktar ’il bogħod minn hekk. Ikkonċentra għalissa fuq dis-sena li għadna kemm bdejna u ffoka biss fuq għaxar linji ewlenin ta’ ħidma. Diffiċli tikkritika l-metodu; jagħmel sens.
U diffiċli tikkritika l-linji ta’ ħidma, anki jekk ma taqbilx mal-prioritajiet magħżula. Hi għażla li tikkonferma li Jean Claude Juncker hu operatur teknikament kompetenti ħafna u politikament stuż, fil-qafas ta’ kif jaħdmu s-sistemi tal-Unjoni Ewropea. Li nsib interessanti wkoll hu li Junkcer ġej minn wieħed mill-iċken pajjiżi tal-UE. Ma tgħaġġibnix l-istorja li jgħidu dwar Juncker u l-eks kanċellier Ġermaniż Helmut Kohl : jekk hix minnha jew hix leġġenda ma nafx. Jidher li Kohl darba rrimarka kif kieku Juncker kien Ġermaniż, Kohl kien jimbuttah biex jilħaq kap tad-demokristjani warajh,..
Politikament il-programm fil-qosor tiegħu hu bbilanċjat biex joffri xi ħaġa għal kulħadd. Liċ-ċentru lemin, qed jagħtihom il-garanzija li mhux se jmexxi inizjattivi li jġibu magħhom żieda fid-djun tal-Unjoni jew tal-pajjiżi membri. Lis-soċjalisti jipprova jagħqilhom ħalqhom billi jsostni li l-awsterità mhijiex biżżejjed, u bil-proposta tal-Fond ta’ investimenti strateġiċi; iħallihom jaraw huma jekk il-flejjes proposti humiex biżżejjed jew le. Lil-liberali qed jgħidilhom li se jkun qed jagħti d-dritta lis-settur privat kemm għall-Fond u kemm għal inizjattivi oħra: mhux se jistrieħ fuq fondi publiċi “ġodda” (li hekk jew hekk, mhumiex hemm).
Għall-konservattivi (tipo Cameron tar-Renju Unit) u forzi politiċi oħra “ewroxettiċi” qed jipproponi tnaqqis fir-regolamenti Ewropej li dejjem iressqu miżuri ġodda ta’ kejl u kontroll li jkunu l-istess għal kulħadd. U lill-istati membri qed jgħidilhom li se jwarrab il-miżuri fejn ma hemmx ċans ta’ qbil bejniethom; lanqas mhu jistennihom jikkontribwixxu “bilfors” għall-Fond Strateġiku, waqt li jħeġġiġhom jippreżentaw proġetti biex ikunu ffinanzjati mill-Fond.
Hu koktejl ta’ miżuri ddożati b’kalkoli li jista’ jirnexxilhom iżommu l-borma Ewropea tissajjar bit-tektik, kif naħseb jixtieq Juncker.

TLIET FATTURI

Hemm tliet fatturi li żgur irid iżomm għajnejh fuqhom il-ħin kollu.
L-ewwel, il-fraġilità taz-zona ewro, li għadha hemm – kif qed jurina l-iżbroff Grieg. Dan suppost jitqies bħala inċident minuri f’żona li għandha tmexxija mfassla tajjeb. Minflok, kif semmejna aktar ’il fuq, ma’ kull ċaqliq mhux mistenni, il-fiduċja fiż-żona donnha tirrokka.
It-tieni, l-istaġnar ekonomiku fl-Ewropa. Ma tridx tkun ewroxettiku biex tifhem li l-Fond li qed jippromwovi Juncker mhux biżżejjed biex jilqa’ għall-isfida. Allaħares biex tgħaxxaqha jieħu t-triq tal-“fond”, mejjet fit-twelid, li ħareġ bih il-Kunsill Ewropew sentejn ilu u ftit aktar. Kien twaqqaf fi żmien meta l-Kanċellier Merkel kienet qed tara kif se ssikket lill-President il-ġdid Franċiż Hollande, li għall-ewwel ma riedx jiffirma l-patt fiskali.
U t-tielet: Juncker u l-Kummissjoni tiegħu, konxja wisq mill-mod kif taħdem l-Unjoni Ewropea, jistgħu jispiċċaw joperaw b’mod wisq fin, wisq kawt, biex ma ngħidx timidu. Niddubita hekk hux dak li hemm bżonn bħalissa.

3 ta’ Jannar 2015

Facebook Comments

Post a comment