Fost il-membri tal-Kummissjoni Ewropea preseduta minn Jean Claude Juncker, waħda milli l-aktar spikkat kienet Federica Mogherini. Qabel, serviet bħala l-ministru tal-affarijiet barranin tal-Italja, u issa qiegħda Viċi President tal-Kummissjoni, inkarigata mir-relazzjonijiet barranin tal-Unjoni Ewropea. Fil-bidu, kien hemm min sefsef li Mogherini se tkun ftit jew wisq ħuta barra mill-ilma, kemm għax ġejja minn pajjiż li għandu saħħa diplomatika relattivament limitata, u kemm għax għadha nieqsa mill-esperjenza .
Bil-maqlub, Mogherini uriet għal darba wara l-oħra li taf kif tidħol għax-xogħol u twettqu sa fejn jista’ jitwettaq. L-analiżijiet li tagħmel u l-proposti li toħroġ bihom ikunu studjati u l-inizjattivi li tniedi, sa fejn jistgħu jitwettqu, twettaqhom bil-galbu.
Għax x’aktarx li l-problema kruċjali fir-relazzjonijiet barranin tal-Unjoni Ewropea hi li l-qasam hu wieħed diffiċli biex jitħaddem b’mod koerenti. Hemm ħafna ħidmiet li tidħol għalihom l-Unjoni Ewropea li jaffettwaw, ta’ spiss bi kbir, ir-relazzjonjiet bejn il-ġnus kemm fi ħdan l-Unjoni, u kemm bejn l-Unjoni u l-bqija tad-dinja. Per eżempju, il-politika kummerċjali taffettwa r-relazzjonijiet diplomatiċi bil-qawwi. Imma partijiet sostanzjali minn dawn ir-relazzjonijiet għadhom jitmexxew direttament mill-pajjiżi membri, speċjalment fejn jirrigwardaw difiża, sigurtà nazzjonali u proġetti ta’ koperazzjoni minn pajjiż għal pajjiż.
F’li ġej, se nagħtu ħarsa lejn uħud mill-isfidi ewlenin li jinsabu quddiem l-Unjoni Ewropea bħalissa fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjoali meħuda fl-aktar sens wiesgħa tagħhom. F’ħafna minnhom Mogherini, bħala viċi President tal-Kummissjoni Ewropea m’għandhiex rwol ċentrali, anki meta ħidmietha titqabbel ma’ dik ta’ Kummissarji oħra li jkunu involuti fl-istess materja.

L-ISTATI UNITI

L-aqwa eżempju ta’ dan forsi huma r-relazzjonijiet mal-Istati Uniti. Magħhom l-Unjoni Ewroepa qed tinnegozja biex isir ftehim li jdaħħal bejn it-tnejn żona ta’ kummerċ u investiment ħielsa. Jekk in-negozjati jirnexxu, iż-żona hekk maħluqa tkun l-akbar waħda fid-dinja. Il-lobbies li qed jimbottaw biex il-ftehim jintlaħaq għandhom saħħa enormi u qed jużawha. Fl-istess ħin, il-kwistjonijiet involuti huma kumplessi ħafna u qed iqanqlu kontroversji mhux żgħar kemm fl-Amerika u kemm fl-Ewropa.
Kontra dak li jaħsbu uħud, in-negozjati (li min-naħa Ewropea mhumiex jitmexxew minn Mogherini) mhux se jaslu mil-lum għal għada għat-tmiem tagħhom. Jekk ifallu, se joħolqu sens ta’ diżgwid li jmur lil hinn mill-isfera tan-negozju. Jekk jirnexxu, jingħata bidu għal epoka ġdida fil-mod kif Amerikani u Ewropej jittrattaw lil xulxin, b’effett li jkun qawwi daqs tan-NATO, jekk mhux aktar.

L-ASJA

L-Asja daż-żmien saret tfisser l-aktar iċ-Ċina, l-Indja u anqas minn qabel, il-Ġappun. Veru li hemm potenzi oħra ta’ statura, bħall-Indoneżja. Imma għad baqagħlhom biex jiksbu r-rankatura globali li t-tliet pajjiżi l-oħra laħqu.
U dwarhom, l-Unjoni Ewropea trid tiddeċiedi – jekk hux se tingaġġa magħhom mill-qrib, jew hijiex se żżommhom imbiegħda. L-aktar li tinħass din l-isfida hu fil-każ taċ-Ċina għalissa; imma l-Indja mhijiex wisq lura. Dak li qed jiġri bit-twessigħ straordinarju ta’ investimenti u kummerċ li ċ-Ċina firxet mad-dinja, juri li l-Ewropa ma tistax tevita li jkollha politika barranija b’kapitlu qawwi dwar inizjattivi ma’ dal-pajjiż. X’għandhom ikunu dawn l-inizjattivi u kif jistgħu jiżviluppaw għadhom materji miftuħa. Il-membri tal-Unjoni Ewropea ma jqisuhomx bl-istess mod.

IR-RUSSJA U L-PAJJIŻI QRIB

X’ingħidu mbagħad għar-Russja? Dwarha sar ħafna diskors, b’rabta l-aktar mal-konflitt fl-Ukrajna, imma f’rabta wkoll ma’ kif l-Ewropa qed tfittex li twettaq politika komuni fil-qasam tal-enerġija. Kien hemm deċennju u nofs wara l-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin fejn ir-relazzjonijiet diplomatiċi u l-kummerċ mar-Russja dehru li għaddejja fuq ir-rubini – minkejja li r-Russja kienet fi kriżi ekonomika enormi.
Illum bi gvern Russu deċiż li jasserixxi aspirazzjonijiet nazzjonalistiċi, l-Unjoni Ewropea qed tidher qisha raġel (jew mara) miżżewġa bejn ħalltejn għandhomx jiddivorzjaw jew le. Ir-Russja għandha titqies bħala parti sħiħa mill-Ewropa? Hemm xi mod kif jista’ jinstab ftehim li jirrispetta l-esiġenzi Russi biex il-pajjiż jiġi trattat ta’ ugwali, u dawk tal-Ewropej li ma jridux li jkollhom jgħidu le lil popli li jixtiequ jingħaqdu magħhom?
Dan ifisser li mhux biss mar-Russja li l-Unjoni Ewropea qed taffaċċja sfida diplomatika kbira, imma wkoll ma’ pajjizi qrib tar-Russja.

L-AFRIKA

Ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi tal-Afrika huma fost l-anqas li jissemmew. Jezistu trattati ta’ koperazzjoni li ilhom fis-seħħ mis-snin sittin tas-seklu l-ieħor meta l-pajjiżi Afrikani ħadu l-indipendenza. Matul is-snin dawn il-ftehimiet ftit wasslu għal xi titjib sinjifikattiv fil-qagħda ekonomika tal-pajjiżi Afrikani. Qabel, kienu qed jiġu esplojtati għar-riżorsi minerali tagħhom. U l-istess baqa’ jiġri.
Għadd ta’ Ewropej jinkwetaw illum li ċ-Ċina daħlet bil-kbir fl-Afrika fejn sabet appoġġi politiċi qawwija. Imma anke hi għandha bħala interess essenzjali tagħha f’dak il-kontinent, is-salvagwardja tar-riżorsi minerali u oħrajn li teħtieġ għall-ekonomija tagħha.
Sadattant, waħda mill-aqwa sorsi ta’ inkwiet għall-Unjoni Ewropea ġejja mill-Afrika: l-immigrazzjoni. Mingħajr xi forma ta’ qbil mal-pajjiżi Afrikani dwar kif tista’ tiġi ttrattata dil-problema li hi ankrata fosthom, l-Ewropa se tkun qed tirrokka. Aktar tard dis-sena, se tinżamm f’Malta konferenza bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Afrikani li għandha tiddiskuti dan is-suġġett.

IL-LVANT NOFSHANI

Imbagħad trid issemmi l-Lvant Nofshani u l-inkwiet dejjem għaddej bejn Palestinjani u Iżraeljani. Xejn ma juri d-dilemmi tal-politika barranija li tmexxi l-Unjoni Ewropea daqs dal-punt: l-Unjoni hi fost l-entijiet internazzjonali li l-aktar jagħtu għajnuna umanitarja fl-Iżrael u fit-territorji okkupati; imma tibqa’ lura milli teżerċita politika li ssostni linja soda. Tippreferi tħalli lill-Istati Uniti jkunu huma l-mutur ta’ kif għandhom jitqiesu l-intransiġenzi tal-Iżraeljani minn naħa, u t-talbiet irrealisti tal-Palestinjani mill-oħra.

Facebook Comments

Post a comment