ITTRA MIBGĦUTA LILL-ONOR. DR MICHAEL FRENDO M.P., SPEAKER TAL-KAMRA TAR-RAPPREŻENTANTI DWAR ŻIDIET FL-ONORARJI TAL-PARLAMENTARI: “HU KAŻ TA’ DISPREZZ LEJN IL-PARLAMENT” – 28 TA’ DIĊEMBRU 2010.

L-Onor Dr Michael Frendo M.P.
Speaker,
Kamra tar-Rappreżentanti,
Il-Palazz,
Valletta.

Onorevoli:

Per mezz ta’ din l-ittra, bħala deputat fil-Parlament ta’ Malta issa għal aktar minn 23 sena, nixtieq inressaq quddiemek każ li jidhirli gravi ħafna, ta’ disprezz lejn il-Parlament mill-Gvern, biex int tieħu dwaru kull azzjoni xierqa.

Nirreferik għat-tweġiba parlamentari nru. 21691 mogħtija mill-Onor. Tonio Fenech Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment f’isem il-gvern, fit-18 ta’ Novembru 2010, għal mistoqsija magħmula mill-Onor Leo Brincat dwar ħlasijiet lill-membri tal-Parlament għas-servizzi tagħhom.

Fiha ntqal dan:

“Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’deċiżjoni tal-Kabinett meħuda fil-5 ta’ Mejju 2008 ġie deċiż li l-Prim Ministru, il-Ministri, is-Segretarji Parlamentari, l-Ispeaker u l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jitilfux aktar l-Onorarja li titħallas lill-membri parlamentari.

Il-membri parlamentari jibqgħu jaħdmu u jieħdu l-Onorarja. Mill-banda l-oħra minkejja li l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari ma jistghux ikollhom aktar xogħol privat wara l-ħatra tagħhom, xorta waħda kienu jitilfu l-Onorarja. Minn din il-leġislatura l-Onorarja qed tingħata lill-membri parlamentari kollha.

F’kas li l-Ispeaker jagħżel li jżomm impjieg ieħor, jitlef l-Onorarja tal-Parlament.

Saret ukoll reviżjoni tal-Onorarja li żdiedet minn 50% għal 70% ta’ Skala Numru 1. Billi s-salarji tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jitħallsu mill-voti rispettivi tal-Ministeri, din ġiet implimentata, filwaqt li d-differenza fl-onorarja tal-membri parlamentari li titħallas mill-Parlament qegħda fil-proċess tal-implimentazzjoni u hi effettiva wkoll mit-12 ta’ Marzu 2008.

L-Assistenti Parlamentari jitħallsu daqs ic-Chairpersons tal-Istanding Committees (mhux il-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej).”

Referibbli għas-sitwazzjoni tad-deputati “ordinarji” fil-Parlament, joħroġ ċar minn dit-tweġiba li:

a)aktar minn sentejn u nofs ilu, il-Gvern bla ma nforma lill-Kamra tar-Rappreżentanti, żied l-onorarji tad-deputati;

b)din id-deċiżjoni ġiet implimentata b’mod immedjat biss għall-Ministri u Segretarji Parlamentari;

ċ)deċiżjoni li ttieħdet daqstant żmien ilu fir-rigward tad-deputati, kienet għadha “fil-proċess” li tiġi implimentata sa Novembru ta’ dis-sena.

Parlamenti oħra għandhom proċessi trasparenti u anki stabbiliti b’riżoluzzjonijiet parlamentari, dwar kif jiġu determinati l-ħlasijiet lid-deputati. Hu minnu li dan qatt ma eżista, kif messu ġara, fis-sistema parlamentari Maltija. Madankollu qatt qabel il-Parlament ma ġie trattat b’dal-mod.

Li żieda fil-ħlas lid-deputati ma titħabbarx għal aktar minn sentejn u nofs, u ma titwettaqx tul daż-żmien waqt li titwettaq fir-rigward biss ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari;

Li żieda bħal din titħabbar effettivament baxx baxx, fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li kienet tirrigwarda ħlasijiet lill-membri tal-Eżekuttiv;

Li din l-informazzjoni tiġi pubblikata fi żmien fejn il-poplu jkun qed iħoss l-għafsa ta’ awsterità f’taxxi, ħlasijiet u ristrutturar ta’ impjiegi, biex b’hekk id-deputati kollha tpoġġew f’dawl ikreh maċ-ċittadini,

huma fatturi li jservu biex jesponu lill-membri tal-Kamra tad-Deputati għar-ridikolu, għall-għadab u għad-disprezz taċ-ċittadini; kif fil-fatt ġara. B’hekk, is-siwi tal-funzjoni kostituzzjonali tagħhom u tal-ħidma li jagħmlu ġiet imċekkna u mminata.

Hu f’dal-kuntest li qed nitolbok tikkunsidra u tiddeċiedi jekk b’dan li sar, il-Gvern għandux jitqies bħala ħati ta’ disprezz lejn il-Kamra u għandux ikun ordnat li jagħmel dak li jitqies bħala meħtieġ biex din is-sitwazzjoni tkun rimedjata.

Il-materja ta’ disprezz lejn il-Kamra hi kwistjoni ħafna usa’ minn kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw ksur ta’ privileġġ u mhix marbuta bir-regoli ta’ proċedura li jiddeterminaw kif jitressaq ksur ta’ privileġġ. Disprezz lejn il-Kamra jiddefinixxi ruħu skont l-Istanding Orders tal-Kamra, skont il-House of Representatives (Privileges and Powers) Ordinance, u skont il-prattika tal-House of Commons.

Fuq dil-bażi, skont Erskine May, “Generally speaking, any act or omission which obstructs or impedes (the) House of Parliament in the performance of its functions, or which obstructs or impedes any member or officer of such House in the discharge of his duty, or which has a tendency, directly or indirectly, to produce such results, may be treated as a contempt, even though there is no precedent for the offence.” (paġna 128, 23 rd. edition). Skont il-proċedura tal-House of Commons ukoll, kwistjoni ta’ disprezz tista’ titqajjem minn deputat, b’kitba lill-Ispeaker, fejn jitolbu jressaq il-materja quddiem il-Kamra kollha. Hu dan li qed nagħmel b’din l-ittra.

Ma jista’ jkun hemm l-ebda dubju li l-azzjoni li ħa l-Gvern dwar ħlasijiet ta’ onorarji lid-deputati, esponiet lill-istess deputati ta’ xejn b’xejn u bla ebda bżonn għal kritika negattiva, kif ukoll għar-ridikolu: għax liema ħlas addizzjonali għandu jdum aktar minn sentejn u nofs biex jingħata, meta l-ministri u s-segretarji parlamentari ħaduh? F’ċirkostanzi bħal dawn, hu manifest li d-deputati tpoġġew u qed jitpoġġu f’sitwazzjoni diffiċli ħafna maċ-ċittadini li jirrapreżentaw. B’dal-mod, ġiet attakkata l-fiduċja li l-kostitwenti għandu jkollhom fihom. Korrispondenza li dehret tul l-aħħar ġimgħat fil-gazzetti u fil-ġurnali on line turi tajjeb kif seħħ dan l-iżvilupp.

Żgur ma jistax jintqal li Gvern, bħala Eżekuttiv, ma jistax jitqies ħati ta’ disprezz lejn il-Parlament. Jeżistu preċedenti ċari minn Parlamenti demokratiċi oħra – fil-Kanada riċentement, f’New South Wales u fl-Indja – fejn dil-problema tqajmet u anki fejn Gvern instab ħati ta’ disprezz. Ċertament f’dil-biċċa, biex l-affarijiet ikunu ċari, se jkun hemm bżonn fost punti oħra, li l-Gvern jgħaddi lill-Parlament kopja awtentika tad-deċiżjoni tal-Kabinett tal-5 ta’ Mejju 2008, li biha żdiedu l-onorarji tal-membri parlamentari, ħalli jispjega għaliex kellu jieħu daqshekk żmien biex iwettaq deċiżjoni dwarhom, waqt li wettaqha minnufih fir-rigward tal-istess membri tal-kabinett.

Fuq kollox, hu importanti li tiġi sostnuta s-saħħa tal-Parlament Malti biex jissodisfa l-funzjonijiet kostituzzjonali tiegħu li jilleġisla u jiskrutinja lill-Eżekuttiv. Kull ħaġa li tattakka, tirridikola u ddgħajjef is-saħħa tal-Parlament fil-qadi ta’ dmirijietu tirrekjedi tweġiba qawwija u effettiva, qabel kollox mill-Parlament innifsu. Hu f’das-sens ukoll li qed niktiblek.

Nistenna mingħandek tweġiba sħiħa u ċara, fl-interess tad-demokrazija parlamentari li lkoll ngħożżu. Nibqa’ għad-dispożizzzjoni tiegħek jekk tkun teħtieġ aktar kjarifiki fuq dan li qed niktiblek u ibagħtli jekk jgħoġbok konferma li din l-ittra waslitlek.

Inselli għalik.

Alfred Sant M.P.

Facebook Comments

Post a comment