L-Italja u Franza huma l-iktar żewġ pajjiżi ewropej li għandhom tradizzjoni twila tal-ġelat. It-taħlita tal-ġelat Franċiż tvarja minn dik Taljana. Jekk niġu f’dan, it-taħlita tista’ tvarja wkoll minn reġjun għall-ieħor fi ħdan l-istess pajjiż. Fuq nota ġenerali, id-differenza bejn il-ġelat Taljan u dak Franċiż taqa’ fuq il-persentaġġ ta’ zokkor u krema. Il-ġelat Franċiż jinħass iktar tqil u kremuż għax ġeneralment ikollu aktar krema. Dak Taljan huwa eħfef għax għandu inqas krema u aktar ħalib u zokkor. Fit-tnejn insibu karatteristika simili – ammont ġeneruż ta’ bajd. Minħabba li l-ġelat Taljan għandu inqas krema, it-togħmiet li jingħatawlu jintiegħmu aktar. Ħanut tal-ġelat famuż fi Franza ġewwa Pariġi huwa Berthillon, li mid-dehra tant għandu ġelat tajjeb li jkun dejjem bil-kju. F’Ruma ġewwa l-Italja ta’ min iżur La Gelateria dei Gracchi li tagħmel ġelat tal-pistaċċi u tal-lewż veru tajjeb.
Il-Ġermanja, f’dawn l-aħħar snin, saret l-iktar pajjiż li qed tipproduċi ġelat fl-Ewropa u sar għandha suq ta’ madwar 2.01 biljun ewro u, bħala produzzjoni, saħansitra qed tegħleb lil Italja. Assoċjata maz-zalzett, ix-schnitzel, il-pretzels u l-birra, il-Ġermanja se tibda tkun assoċjata wkoll mal-ġelat li ilu jinħadem fil-pajjiż sa mill-1800. Pero` beda jsir popolari wara l-1920 meta ħafna Taljani bdew jemigraw lejn il-Ġermanja u jiftħu ħwienet tal-ġelat. F’Berlin ġewwa l-Ġermanja ħanut imsemmi ħafna għall-ġelat huwa Fräulein Frost għax fih issib togħmiet ta’ ġelat differenti minn tas-soltu. Il-ġelat bil-ħjar, lumi u menta huwa rifreskanti filwaqt li tal-larinġ u l-karrotti jew taċ-ċikkulata u l-ġinġer huma kemmxejn strambi.
Hawn Malta ma tantx għandna għaliex ngħiru għax bħal f’kull pajjiż ewropew, ħwienet tal-ġelati tajbin insibu kemm irridu. Anki aħna għandna l-ġelat partikolari tagħna, b’mod popolari msejjaħ ‘tal-bezzun’ magħmul bil-ħalib tal-bott, konfettura, ċiras u lewż inkaljat. Jinżel għasel waqt xi tieġ f’xi lejla sajfija.

Facebook Comments

Post a comment