L-Unjoni Ewropea hija magħmula minn 28 pajjiż. Iż-Żona tal-Ewro hija magħmula minn dawk l-istati membri li adottaw il-munita tal-ewro bħala l-munita nazzjonali tagħhom. Mhux kull membru fl-UE huwa membru taż-żona ewro. Attwalment iż-żona tal-ewro fiha 19-il stat membru: l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja. Bħalissa hawn 337.5 miljun ruħ li jużaw din il-munita.

Il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li għadhom ma daħħlux l-Ewro huma il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Iżvezja.

L-istati membri kollha tal-UE impenjaw ruħhom li jintroduċu l-ewro, ħlief id-Danimarka u r-Renju Unit li għandhom l-hekk imsejħa ‘klawżoli ta’ non-parteċipazzjoni’ fit-trattati tal-UE, li jeżentawhom milli jadottaw l-ewro. Madankollu dawn iż-żewġ pajjiżi jistgħu japplikaw għal sħubija fiż-żona tal-ewro jekk jiddeċiedu hekk.

Andorra, Monaco, San Marino l-Istat tal-Vatikan u l-Montenegro adottaw l-ewro minkejja li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea. Peress li mhumiex stati membri, dawn ma jagħmlux parti miż-żona tal-ewro u ma għandhomx rappreżentazzjoni fil-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-politika monetarja taż-żona ewro taqa’ taħt ir-responsabilta` tal-Bank Ċentrali Ewropew. Permezz tal-grupp tal-Ewro, li hu magħmul mill-ministri tal-finanzi tal-pajjiżi taż-żona ewro, ukoll jistgħu jittieħdu ċertu deċiżjonijiet rigward il-munita u ż-żona ewro.

Biex ikunu jistgħu jidħlu fiż-żona tal-ewro, l-istati membri tal-Unjoni Ewropea huma meħtieġa jissodisfaw kriterji partikolari.

Facebook Comments

Post a comment