L-Unjoni Ewropea tinsab f’limbu politiku. Wara l-kriżijiet tal-Greċja, tal-Ewro, tal-immigrazzjoni, tat-terroriżmu, issa għandha l-akbar kriżi. Dik tal-BREXIT. Sa issa l-ebda pajjiż ma ħareġ mill-UE. Il-BREXIT kisser l-idea li s-sħubija fl-UE hija trabokk li ma tistax toħroġ minnu. Diġà bdew jidhru movimenti fid-Danimarka, l-Olanda u Franza biex dawn il-pajjiżi isegwu lir-Renju Unit.
Id-deċiżjoni tal-BREXIT qed treġġa’ lura 60 sena ta’ integrazzjoni Ewropea. Ħadd ma jista’ jbassar x’se jsir fil-ġejjieni. Kif tista’ l-UE tressaq lill-popli Ewropej lejha? Speċjalment meta ħafna popli jinsabu urtati għall-gvernijiet li jmexxuhom? U jekk il-popli mhumiex kuntenti bil-gvernijiet li eleġġew kif jistgħu jkunu kuntenti bil-burokratiċi ta’ Brussell li jarawhom daqstant maqtugħin mir-realtajiet tagħhom?
F’dan il-kaos, fil-Greċja eluf ta’ familji u pensjonanti qed ibatu l-konsegwenzi tar-riformi biex isalvaw l-ekonomija ta’ pajjiżhom. Fl-Italja qed tiżdied il-pressjoni għal referendum dwar it-tneħħija tal-ewro. Fl-Ungerija għaddejjin sew it-tħejjijiet għar-referendum dwar il-kwoti tal-immigranti. U s-Slovakkja, President attwali tal-Kunsill tal-UE, ma tridx tiċċaqlaq dwar il-politika tal-immigrazzjoni tal-istess UE.
Din il-ġimgħa bdew il-vaganzi fi Brussell. Iżda moħħ kulħadd huwa fuq is-Summit tal-Mexxejja Ewropej fi Bratislava fis-16 ta’ Settembru. X’se jkun deċiż dak inhar? Li huwa żgur hu li fis-Sajf se tkompli tiżdied il-kritika lejn Jean-Claude Juncker li jmexxi Kummissjoni ta’ 33,000 impjegat. Juncker ġa ġie kkritikat li m’għamilx biżżejjed fil-vot tal-BREXIT. Hemm min qed jitfa’ t-tort fuq Juncker u l-Kummissarji tiegħu, li bħalu mhumiex eletti mill-popli Ewropej. Juncker, fost l-aktar mexxejja Ewropej li ilhom iservu, sar mira faċli għall-kritika, iżda mhux jaċċetta r-responsabbilità għall-vot tal-BREXIT.
Ir-Renju Unit issa se jkollu Prim Ministru ġdid li riedet tibqa’ fl-UE, iżda issa se tinnegozja l-ħruġ tal-pajjiż mal-UE.
Il-pajjiżi tal-Lvant ukoll iħossuhom emarġinati fl-UE. Iħossu li l-Ġermanja u Franza u l-istituzzjonijiet bla ruħ ta’ Brussell qed jimponulhom il-kwoti tar-refuġjati li ma jistgħux jaċċettaw. L-Ungerija, is-Slovakkja, il-Polonja u r-Repubblika Ċeka jgħidu li l-BREXIT għandu jagħmel kuraġġ lin-nazzjonijiet Ewropej biex jerġgħu jieħdu r-riedni ta’ pajjiżhom.
Il-Ġermanja, l-akbar pajjiż fl-UE, trid aktar prammatiżmu fil-politika Ewropea. Merkel konxja li fost it-28 stat membru, uħud mill-pajjiżi qed jintegraw fi gruppi żgħar.
Fil-vaganzi tas-Sajf, l-UE se tkompli tfittex għas-soluzzjonijiet biex toħroġ mil-limbu politiku li nqabdet fih inkwetata li l-elettorat Ewropew qed ikompli jersaq lejn il-lemin u x-xellug estrem.
SANZJONIJIET SIMBOLIĊI KONTRA SPANJA U L-PORTUGALL
Read More
L-UNJONI EWROPEA QED TIDHER INEFFETTIVA
Read More
IL-BANEK IŻ-ŻGĦAR TAL-UE JILMENTAW MINN PIŻIJIET SPROPORZJONATI
Read More
IL-PRESIDENZA SLOVAKKA KONTRA TIBDIL FIT-TRATTATI
Read More
IL-FLESSIBILITA` FIT-TASSAZZJONI IMPORTANTI GĦALL-GVERNIJIET NAZZJONALI
Read More
IL-BALKANI PARTI MILL-PROĠETT EWROPEW
Read More
ESTIŻI S-SANZJONIJIET RUSSI
Read More
XITA TA’ FRIEFET F’ PARIĠI
Read More
Post a comment